Ibqgħu f’ Alla u Sewwu l-Ħsara
Kristu għandu l-qawwa li jressaqna lejn sħubija ta’ mħabba mal-Missier u ma’ xulxin.
Jeħtieġ li aħna nkomplu kontinwament inkabbru l-għarfien tagħna dwar Missierna tas-Smewwiet u nitgħallmu nobduh aktar. Ir-relazzjoni tagħna Miegħu hi waħda eterna. Aħna l-ulied maħbuba tiegħu, u dan m’hu se jinbidel qatt. Aħna kif nistgħu naċċettaw b’ qalbna kollha l-istedina Tiegħu li nersqu viċin Tiegħu u b’hekk inkunu nistgħu ngawdu l-barkiet li Hu jixtieq jagħtina f’ din il-ħajja u fid-dinja li jmiss?
Il-Mulej qal lil Iżrael tal-qedem u qed jgħid lilna lkoll, “Bi mħabba ta’ dejjem ħabbejtek, għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik.”1 Meta tkellem kif seta’ wkoll tkellem il-Missier Huwa qalilna wkoll, “Inti ibqa’ fija, u jiena fik; għalhekk imxi miegħi.”2 Aħna nafdawh biżżejjed li nibqgħu fih u nimxu Miegħu?
Aħna ninsabu hawn f’ din id-dinja biex nitgħallmu u nikbru, u l-aktar tagħlim u tkabbir importanti niksbuh mill-konnessjoni tal-patt tagħna ma’ Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu. Mir-relazzjoni fidila tagħna magħhom aħna niksbu għarfien divin u mħabba, qawwa u kapaċità divina biex inservu lil ħaddieħor.
“Aħna għandna d-dmir li nitgħallmu dak kollu li Alla żvela fuqu nnifsu.”3 Jeħtieġ li nifhmu li Alla l-Missier idderieġa lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex joħloq id-dinja għall-avvanz tagħna, li Missierna tas-Smewwiet offra lil Ibnu biex iħallas għad-domanda tal-ġustizzja għas-salvazzjoni tagħna, u li l-qawwa tas-saċerdozju tal-Missier u l-vera Knisja tal-Iben bl-ordinanzi neċessarji ġew irrestawrati għall-barkiet tagħna. Tistgħu tħossu l-profondità tal-imħabba preżenti fit-tħejjija Tagħhom kollha għall-ferħ u l-avvanz tagħna? Jeħtieġ li nkunu nafu li l-pjan tas-salvazzjoni ta’ Missierna tas-Smewwiet hu li aħna nobdu l-liġijiet u l-ordinanzi tal-evanġelju u niksbu l-ħajja eterna u b’hekk insiru bħal Alla.4 Dan huwa l-ferħ veru u etern li qed joffrilna Missierna tas-Smewwiet. M’hemmx ferħ ieħor li hu veru u etern.
L-isfidi tagħna jafu jbegħduna lil hinn mit-triq tal-hena. Aħna nistgħu nitilfu l-konnessjoni ta’ fiduċja tagħna ma’ Alla jekk l-isfidi tagħna jwassluna għad-distrazzjoni minflok ma’ jwassluna biex ninżlu għarkupptejna.
Dawn il-versi li ġejjin jitolbuna biex nevalwaw il-prioritajiet tagħna:
Hemm affarijiet li huma importanti; oħrajn le.
Ftit affarijiet jibqgħu għal dejjem, iżda ħafna oħrajn le.5
Ħuti, x’inhu importanti għalikom? X’inhu għalikom dak li jibqa’ għal dejjem? Ħaġa li għandha valur etern għall-Missier hi li aħna nitgħallmu dwaru, inċekknu lilna nfusna, u nikbru aktar fl-ubbidjenza lejh permezz tal-esperjenzi tagħna f’ din id-dinja. Huwa jridna nneħħu l-egoiżmu tagħna u minflok nkunu ta’ servizz, inneħħu l-biżgħat tagħna u minflok nimtlew bil-fidi. Dawn il-ħwejjeġ eterni jafu jkunu ta’ sfida kbira għalina.
Huwa sewwasew bħalissa, bil-limitazzjonijiet mortali tagħna, li l-Missier iridna nħobbu meta huwa l-aktar żmien diffiċli biex inħobbu, li nservu meta huwa inkonvenjenti li nservu, li naħfru meta m’aħniex ċerti għandniex naħfru. Kif? Kif nistgħu nagħmlu dan? Aħna nippruvaw b’ ħerqa nfittxu l-għajnuna ta’ Missierna tas-Smewwiet, f’ isem Ibnu, u nagħmlu l-affarijiet kif irid Hu minflok nagħmlu ta’ rasna b’ suppervja.
Jiena għaraft il-kburija tiegħi meta l-President Ezra Taft Benson tkellem dwar il-bżonn li nnaddfu l-ġewwieni tagħna.6 Jiena kont inħares lejja nnifsi bħala ġarra. Kif stajt inneħħi l-kburija li kelli minn ġol-ġarra tiegħi? Li nippruvaw nisforzaw lilna nfusna sabiex inkunu umli u nippruvaw inġiegħlu lilna nfusna nħobbu lil ħaddieħor mhijiex ħaġa sinċiera u hi ħaġa mill-aktar vojta u sempliċiment ma’ taħdimx. Id-dnubiet u s-suppervja tagħna joħolqu vojt—jew fetħa—bejna u bejn il-fonti tas-sors tal-imħabba kollha, Missierna tas-Smewwiet.
L-Att tal-Fidwa tas-Salvatur jista’ jnaddafna minn dnubietna u jimla dak il-vojt.
Aħna rridu niġu mħaddnin minn dirgħajn l-imħabba u l-gwida ta’ Missierna tas-Smewwiet, u għalhekk aħna npoġġu l-ewwel f’ ħajjitna r-rieda Tiegħu u b’ qalb maqsuma nitolbuh bil-ħerqa li Kristu jitfa’ ġewwa l-ġarra tagħna nixxiegħa sħiħa ilma li jnaddaf. Dan għall-ewwel nafu nirċevuh qatra qatra, iżda hekk kif aħna nkomplu nfittxu, nitolbu u nobdu, aħna nibdew niksbuh b’ mod abbundanti. Hekk kif aħna nibdew nimtlew b’dan l-ilma ħaj, u nimtlew bl-imħabba Tiegħu, aħna nkunu nistgħu naqbdu l-ġarra ta’ ruħna u naqsmu l-ilma ta’ ġo fiha ma’ min jinsab bil-għatx għall-fejqan, għat-tama u għall-imħabba. Hekk kif il-ġarra ta’ ġo fina titnaddaf, ir-relazzjonijiet tagħna fid-dinja jibdew ifiqu.
Jeħtieġ li aħna nissagrifikaw l-aġendi personali tagħna biex inkunu nistgħu nagħmlu spazju għall-pjanijiet etern ta’ Alla. Is-Salvatur, li jitkellem f’ isem il-Missier, iħeġġiġna, “Ersqu lejja u jien nersaq lejkom.”7 Li nersqu viċin il-Missier jaf ifisser li nitgħallmu dwar il-verità Tiegħu permezz tal-iskrittura, li nimxu wara l-kunsill profetiku, u li nagħmlu l-almu tagħna biex nagħmlu r-rieda Tiegħu b’ mod aktar komplet.
Aħna nifhmu li Kristu għandu l-qawwa li jressqna lejn sħubija ta’ mħabba mal-Missier u ma’ xulxin? Huwa, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jista’ jiżvelalna ċerta informazzjoni dwar dawn ir-relazzjonijiet.
Wieħed għalliem tal-Primarja kellimni dwar esperjenza mill-aktar qawwija li huwa kellu fil-klassi tiegħu magħmula minn subien ta’ ħdax-il sena. Wieħed minn dawn it-tfal li jiena se nsejjaħlu Jimmy kien tifel maqtugħ għalih waħdu u li ma kienx jikkopera fil-klassi. Darba waħda f’ jum il-Ħadd, dan l-għalliem ħassu ispirat li jwarrab ftit il-lezzjoni li kien ħejja u jgħaddi ħin jgħid kemm huwa kien iħobb lil Jimmy. Huwa tkellem dwar il-gratitudni tiegħu u l-fiduċja li huwa kellu f’ dan it-tfajjel. Imbagħad l-għalliem staqsa lill-membri tal-klassi sabiex lil Jimmy jgħidulu xi ħaġa li huma kienu japprezzaw fih. Hekk kif, wieħed, wieħed, il-membri tal-klassi bdew jgħidu lil Jimmy għaliex huwa kien speċjali għalihom, it-tifel baxxa rasu u d-dmugħ beda nieżel ma’ ħaddejh. Dan l-għalliem u t-tfal tal-klassi bnew pont minn qalbhom għal qalb Jimmy li kienet qed tgħammar fis-solitudni. L-imħabba sempliċi, ħierġa mill-fond ta’ qalbna, tagħti t-tama u l-valur lil ħaddieħor. Jiena dan insejjaħlu “insewwu dak li hu mġarraf jew nimlew il-vojt.”
Jista’ jkun li l-ħajja tagħna fid-dinja primortali u mimlija mħabba li konna ngħixu fiha nibtet fina x-xewqa li f’ din id-dinja aħna jkollna l-imħabba vera u eterna. Aħna ġejna maħluqin b’ mod divin biex nagħtu u nirċievu l-imħabba, u l-aktar imħabba profonda niksbuha meta aħna nkunu ħaġa waħda ma’ Alla. Il-Ktieb ta’ Mormon jistedinna biex “nirrekonċiljaw ruħna ma’ Alla permezz tal-att tal-fidwa ta’ Kristu.”8
Isaija tkellem dwar dawk li b’ fedeltà jgħixu l-liġi tas-sawm u b’ hekk isiru għan-nisel tagħhom bennejja ta’ dak li hu mġarraf. Huma dawk li, kif wiegħed Isaija, “jibnu l-ħerbiet tal-qedem.”9 Bl-istess mod, is-Salvatur jibni dak li hemm imġarraf, jew jimla l-vojt, bejna u bejn Missierna tas-Smewwiet. Hu, permezz tas-sagrifiċċju tat-tpattija kbir Tiegħu, fetħilna t-triq biex aħna nkunu nistgħu ngawdu l-qawwa kollha mħabba ta’ Alla u mbagħad aħna nkunu kapaċi nsewwu “l-ħerbiet” li għandna fil-ħajja personali tagħna. Biex titfejjaq id-distanza emozzjonali li jista’ jkun hemm bejnietna jeħtieġ minna li aħna naċċettaw l-imħabba ta’ Alla kif ukoll li nissagrifikaw l-egoiżmu naturali tagħna u t-tendenzi beżgħana tagħna.
F’ lejla mill-aktar memorabbli, jiena u waħda li tiġi minni kellna nuqqas ta’ qbil bejnietna dwar kwistjoni politika. Mingħajr ma qagħdet taħsibha hija qabdet tikkritika u tiddibatti l-kummenti li kont għaddejt jien, u b’ mod li bih setgħu jisimgħuha l-membri tal-familja tagħna bdiet tgħid li jien ma kellix raġun. Jiena ħassejtni verament umiljata u misinformata—kif probabbilment kont. Dak il-lejl hekk kif jiena nżilt għarkupptejja biex nitlob, jiena kelli ħerqa kbira biex nispjega lil Missierna tas-Smewwiet kemm kienet verament diffiċli dik il-qariba tiegħi. Jiena għaddejt ħin mhux ħażin nitkellem. Jidher li waqaft xi ftit ingerger, u l-Ispirtu s-Santu kellu ċans jiġbidli l-attenzjoni, għaliex, b’ sorpriża għalija, ftit wara smajt lili nnifsi ngħid, “Inti probabbilment tridni nħobbha.” Inħobbha? Jiena komplejt nitlob u għedt xi ħaġa hekk, “Kif nista’ nħobbha? Naħseb lanqas biss għandi grazzja magħha. Inħossni li verament webbist qalbi; inħossni mweġġa’. Żgur ma nistax nagħmel dan.”
Imbagħad, m’hemmx dubju li bl-għajnuna tal-Ispirtu, feġġ f’ moħħi ħsieb ġdid hekk kif għedt, “Iżda Inti tħobbha, Missier tas-Smewwiet. Lest li Inti tagħtini parti mill-imħabba Tiegħek għaliha—ħalli anke jiena nkun nista’ nħobbha?” Ħassejt qalbi tirtab, u bdiet issir bidla ġewwa fija, u jien bdejt inħares lejn din il-persuna minn lenti differenti. Jien bdejt nagħraf il-vera valur tagħha li kien qed jara fiha Missierna tas-Smewwiet. Isaija kiteb, “Il-Mulej idewwi l-ġrieħi tal-poplu tiegħu u jfejjaq it-tbenġil tas-swat tiegħu.”10
Maż-żmien, il-vojt li kien hemm bejnietna, bil-ħlewwa kollha, għeb. Iżda anke jekk hija ma kenitx aċċettat il-bidla li kienet seħħet f’ qalbi, jiena tgħallimt li Missierna tas-Smewwiet jgħinna nħobbu saħansitra anke lil dawk li aħna nħossu li impossibbli nħobbuhom jekk aħna verament nitolbuh biex jgħinna. L-Att tal-Fidwa tas-Salvatur huwa bħal kanal li minnu tgħaddi l-pressa kostanti ta’ karità mingħand Missierna tas-Smewwiet. Aħna għandna nagħżlu li nibqgħu f’ imħabbtu sabiex ikollna fina l-karità lejn kulħadd.
Meta aħna noffru qalbna lill-Missier u lill-Iben, aħna nkunu qed nibdlu d-dinja tagħna—anke jekk iċ-ċirkustanzi ta’ madwarna ma jinbidlux. Aħna nersqu aktar viċin Missierna tas-Smewwiet u nħossu l-approvazzjoni ħelwa Tiegħu għall-isforzi tagħna li nkunu dixxipli vera ta’ Kristu. Id-dixxerniment, il-kunfidenza u l-fidi tagħna jikbru.
Mormon jgħidilna biex nitolbu bl-enerġija kollha ta’ qalbna biex ikollna fina din l-imħabba u aħna naslu biex nirċevuha dirett mis-sors tagħha—Missierna tas-Smewwiet.11 Imbagħad biss nistgħu nsiru bennejja ta’ dak kollu li hu mġarraf fir-relazzjonijiet tagħna f’ din il-ħajja.
L-imħabba infinita ta’ Missierna qed tipprova tilħaqna, biex twassalna lura fil-glorja u l-ferħ Tiegħu. Huwa offra lill-Iben Imnissel Waħdieni Tiegħu, Ġesù Kristu, biex isewwi dak it-tiġrif li qed joħloq vojt bejna u bejnu. Ir-riunjoni tagħna ma’ Missierna tas-Smewwiet hija l-assenza tal-imħabba eterna u l-għan etern. Jeħtieġ li aħna nagħmlu kuntatt miegħu issa biex nitgħallmu x’inhu verament importanti, biex inħobbu kif iħobb Hu u li nikbru biex insiru bħalu. Jiena nixhed li r-relazzjoni fidila tagħna ma’ Missierna tas-Smewwiet u mas-Salvatur hija eternament importanti kemm Għalihom kif ukoll għalina. F’ isem Ġesù Kristu, amen.