Tiksbu l-Fiduċja tal-Mulej u tal-Familja Tagħkom
Dawk il-bnedmin li għandhom “l-integrità tal-qalb” huma nies ta’ min jafdahom—għaliex il-fiduċja tinbena fuq l-integrità.
L-Aħwa, probabbilment m’hemmx kumpliment akbar li aħna nistgħu nirċievu mingħand il-Mulej milli nkunu nafu li aħna ngawdu l-fiduċja Tiegħu fl-irwol tagħna bħala rġiel denji li nħaddnu s-saċerdozju u bħala rġiel u missirijiet mill-aktar twajbin.
Ħaġa waħda hija ċerta: li ngawdu l-fiduċja tal-Mulej hija barka li niksbuha biss jekk aħna nagħmlu l-almu tagħna kollu. Il-fiduċja hija barka bbażata fuq l-ubbidjenza tagħna lejn il-liġijiet ta’ Alla. Aħna nistgħu niksbu l-fiduċja tal-Mulej jekk aħna nkunu leali lejn il-patti li aħna għamilna fl-ilmijiet tal-magħmudija u fit-tempju mqaddes. Meta aħna nżommu l-wegħdiet li għamilna mal-Mulej, il-fiduċja Tiegħu fina tikber.
Jien verament inħobb l-iskrittura, kemm tal-qedem kif ukoll dik tal-aħħar jiem, li tuża l-frażi “l-integrità tal-qalb” meta tiddeskrivi l-karattru ta’ persuna ġusta.1 L-integrità hija element fundamentali mill-karattru ta’ bniedem, u l-istess in-nuqqas tagħha. Dawk il-bnedmin li għandhom “l-integrità tal-qalb” huma nies ta’ min jafdahom—għaliex il-fiduċja tinbena fuq l-integrità.
Li tkun bniedem ta’ integrità jfisser sempliċiment li l-intenzjoni tiegħek, kif ukoll l-għemejjel tiegħek, huma safja u ġusti fl-aspetti kollha ta’ ħajtek, kemm fil-pubbliku kif ukoll fil-privat. Ma kull deċiżjoni li aħna nagħmlu, aħna jew jimmeritana li niksbu aktar il-fiduċja ta’ Alla jew inkella nitilfu mill-fiduċja li Hu għandu fina. Probabbilment l-aħjar mod kif aħna nistgħu naraw dan il-prinċipju jitħaddem hu fir-responsabbiltajiet tagħna, maħtura b’ mod divin, bħala rġiel miżżewġa u missirijiet.
Bħala rġiel miżżewġa u missirijiet, aħna ġejna mogħtija responsabbiltà divina mill-profeti, bassâra u rivelaturi tal-aħħar jiem fid-dokument “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja.” Dan id-dokument jgħallimna li (1) “il-missirijiet għandhom jippresedu fuq il-familji tagħhom bl-imħabba u bis-sewwa,” (2) il-missirijiet “huma responsabbli li jipprovdu l-bżonnijiet tal-ħajja” u (3) il-missirijiet huma responsabbli li jipproteġu l-familji tagħhom.2
Biex aħna niksbu l-fiduċja ta’ Alla, jeħtieġ li aħna nwettqu dawn it-tliet responsabbiltajiet mogħtija lilna b’ mod divin lejn il-familji tagħna bil-mod li jrid il-Mulej. Kif hemm iddikjarat ukoll fil-proklamazzjoni tal-familja, il-mod kif irid il-Mulej hu li aħna nwettqu dawn ir-responsabbiltajiet flimkien man-nisa tagħna “bħala sieħba ndaqs.”3 Għalija, dan ifisser li aħna m’għandniex nieħdu l-ebda deċiżjoni importanti rigward dawn it-tliet responsabbiltajiet mingħajr l-ewwel ma nkunu fi qbil sħiħ mal-mara tagħna.
L-ewwel pass fit-tfittxija tagħna biex niksbu l-fiduċja tal-Mulej hu li nafdaw fih. Il-profeta Nefi tana eżempju ta’ dan it-tip ta’ impenn meta huwa talab: “O Mulej, jiena afdajt fik, u nafda fik għal dejjem.” Jiena ma nsibx il-kenn tiegħi fid-driegħ tal-laħam.”4 Nefi kien iddedikat bis-sħiħ li jagħmel ir-rieda tal-Mulej. Barra li qal li huwa jmur “jagħmel dak kollu li kkmandah il-Mulej,” Nefi kien determinat fl-impenn tiegħu li jwettaq dak li ġie msejjaħ għalih, kif jidher f’ din id-dikjarazzjoni: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, u daqs kemm aħna ċert li qed ngħixu, aħna m’aħniex se mmorru lura għand missierna fid-deżert qabel ma nwettqu dak li kkmandana l-Mulej.”5
Peress li qabel xejn Nefi wera l-fiduċja tiegħu f’ Alla, Alla wera fiduċja kbira f’ Nefi. Il-Mulej bierku b’ abbundanza ta’ Spirtu, l-istess Spirtu li beriklu ħajtu, u l-ħajja tal-familja u tal-poplu tiegħu. Peress li Nefi ppresieda b’ imħabba u bis-sewwa u pprovda għall-membri tal-familja tiegħu u għan-nies tiegħu u pproteġihom, huwa kiteb, “Aħna għexna ħajja mimlija ferħ.”6
Sabiex jiena nirrappreżenta wkoll il-perspettiva tan-nisa fuq dan is-suġġett, jiena tlabt liż-żewġ uliedi nisa, li huma miżżewġin, biex jgħinuni. Jiena staqsejthom jekk setgħux jiktbuli xi sentenza jew tnejn dwar kif huma kienu jħarsu lejn l-importanza tal-fiduċja mill-mod kif din teffettwa ż-żwieġ u l-ħajja tal-familja tagħhom. Dawn huma l-ħsibijiet ta’ Lara Harris u Christina Hansen.
L-ewwel, Lara: “Waħda mill-aktar affarijiet importanti għalija hi li naf li hekk kif ir-raġel tiegħi jgħix il-ħajja tiegħu ta’ kuljum, huwa jagħmel ċerti għażliet li jirriflettu r-rispett u l-imħabba tiegħu lejja. Meta aħna nibdew nafdaw lil xulxin b’ dan il-mod, naslu biex f’ darna ssaltan il-paċi, fejn hemm nistgħu bil-ferħ inrabbu l-familja tagħna flimkien.”
Issa l-ħsibijiet ta’ Christina: “Li jkollok fiduċja f’ xi ħadd hi simili għal li jkollok fidi f’ xi ħadd. Mingħajr dik il-fiduċja u l-fidi, ikun hemm il-biża’ u d-dubju. Għalija, waħda mill-akbar barkiet li ngawdi għaliex nista’ nafda kompletament lir-raġel tiegħi hija l-paċi—paċi fil-moħħ għaliex naf li huwa fil-fatt jagħmel dak li qal li se jagħmel. Il-fiduċja ġġib il-paċi, l-imħabba u ambjent li fih l-imħabba tista’ tikber.”
Lara u Christina ma rawx il-kitba ta’ xulxin. Interessanti l-fatt li t-tnejn li huma b’ mod indipendenti kkunsidraw li l-barka tal-paċi fid-dar hija konsegwenza diretta għaliex huma għandhom raġel li jistgħu jafdaw. Kif jidher mill-eżempji ta’ wliedi, il-prinċipju tal-fiduċja jilgħab irwol mill-aktar importanti fl-iżvilupp ta’ djar iċċentrati fuq Kristu.
Jiena wkoll gawdejt mill-istess kultura ċċentrata fuq Kristu hekk kif kont qed nittrabba f’ dar li fiha missieri kien jonora s-saċerdozju tiegħu u li kiseb il-fiduċja tal-familja kollha minħabba “l-integrità ta’ qalbu.”7 Ippermettuli naqsam magħkom esperjenza miż-żgħożija tiegħi li turi x’ impatt pożittiv u etern ħalla missieri fuq il-familja tiegħu, għax huwa verament fehem u għex il-prinċipju tal-fiduċja mibnija fuq l-integrità.
Meta jiena kont għadni żgħir, missieri waqqaf kumpanija li tispeċjalizza fl-awtomazzjoni tal-fabbriki. Dan in-negozju kien jittratta l-inġinerija, il-fabbrikazzjoni u l-installazzjoni tal-linji tal-produzzjoni madwar id-dinja.
Meta jiena kont nattendi l-iskola medja, missieri riedni nitgħallem naħdem. Huwa riedni nitgħallem ukoll kull ħaġa relatata man-negozju. L-ewwel impjieg tiegħi kien jinkludi li nieħu ħsieb il-madwar tal-fabbrika u niżboħ il-partijiet tal-post li ma kinux viżibbli għall-pubbliku ġenerali.
Meta jiena bdejt l-iskola sekondarja, jiena ġejt mitlub naħdem ġewwa l-fabbrika. Jiena bdejt nitgħallem kif naqra d-disinni tal-inġinerija u kif inħaddem il-makkinarju li jintuża biex jiffabbrika l-azzar it-tqil. Wara li ggradwajt mill-iskola sekondarja, jiena bdejt nattendi l-università u mbagħad mort naqdi missjoni. Wara li rritornajt lura d-dar mill-missjoni tiegħi, jiena mort dritt naħdem. Kelli bżonn nibda naqla’ l-flus biex fis-sena l-ġdida nkun nista’ nħallas l-ispejjeż tal-iskola.
Darba waħda, ftit wara li ġejt lura mill-missjoni, jiena kont qed naħdem fil-fabbrika meta missieri sejjaħli fl-uffiċċju tiegħu u talabni jekk ridtx immur miegħu fuq xogħol sa Los Angeles. Din kienet l-ewwel darba li missieri talabni nakkumpanjah fuq xogħol. Fil-fatt huwa kien qed jagħtini ċ-ċans immur fil-pubbliku biex ngħin bħala rappreżentant tal-kumpanija.
Qabel tlaqna fuq dan il-vjaġġ, huwa ppreparani billi tani xi ftit dettalji dwar dak li seta’ jkun klijent ġdid. L-ewwel nett, il-klijent fil-fatt kien korporazzjoni multinazzjonali. It-tieni, huma kienu qegħdin jaġġornaw il-linji ta’ produzzjoni tagħhom madwar id-dinja bl-aħħar teknoloġija awtomatika. It-tielet, il-kumpanija tagħna qatt qabel ma kienet ipprovditilhom xi servizzi jew teknoloġija relatata mal-inġinerija. U finalment, l-uffiċjal għoli tagħhom inkarigat mill-bejgħ kien talab li ssir din il-laqgħa biex jagħti ħarsa lejn l-offerta li aħna konna tfajna fuq proġett ġdid. Din il-laqgħa kienet tirrappreżenta opportunità ġdida u potenzjalment waħda importanti għall-kumpanija tagħna.
Wara li wasalna f’ Los Angeles, jien u missieri morna fil-lukanda fejn kien hemm dan il-mexxej ta’ din il-kumpanija let biex jiltaqa’ magħna. L-ewwel ħaġa li għamilna kienet li ddiskutejna u analizzajna l-ispeċifikazzjonijiet tad-disinni tal-inġinerija ta’ dan il-proġett. It-tieni ħaġa li ddiskutejna kienet dwar id-dettalji ta’ din l-operazzjoni, fosthom il-loġistika u meta stajna nwasslulhom il-prodott. L-aħħar ħaġa fuq l-aġenda kienet tiffoka fuq il-prezz, it-termini u l-kundizzjonijiet. Kien hawnhekk fejn l-affarijiet bdew isiru verament interessanti.
Dan l-uffiċjal spjegalna li l-proposta li konna għamilna dwar il-prezz kienet l-aktar waħda baxxa fost dawk kollha li kienu tefgħu l-offerta fuq dan il-proġett. Imbagħad, b’ sorpriża għalina, qalilna x’ kien il-prezz tat-tieni l-aktar offerta irħisa. Imbagħad huwa staqsiena jekk aħna konniex lesti li nwaqqgħu l-offerta tagħna u nerġgħu nissottomettuha. Huwa ddikjara li l-prezz il-ġdid tagħna jeħtieġ li jkun ftit anqas mit-tieni l-orħos offerta. Imbagħad huwa spjega li b’ hekk huwa kien seta’ jaqsam il-qligħ iż-żejjed bin-nofs magħna. Huwa ġġustifika dan billi qal li b’ hekk kulħadd kien se jgawdi. Il-kumpanija tagħna kienet se tgawdi għaliex aħna konna nispiċċaw nagħmlu ħafna aktar flus milli konna fil-fatt se nagħmlu bl-ewwel offerta tagħna. Il-kumpanija tiegħu kienet tgawdi għaliex huma xorta waħda kienu se jkunu qed jinnegozjaw ma’ min għamel l-orħos offerta. U, bla dubju, huwa kien se jgawdi għaliex kien se jieħu s-sehem tiegħu talli fassal dan in-negozju.
Imbagħad huwa tana indirizz postali fejn aħna stajna nibagħtu l- flus li huwa kien talab. Imbagħad huwa ħares lejn missieri u staqsieh, “Allura, x’ taħseb, irranġajna?” B’ sorpriża kbira għalija, missieri qam bilwieqfa, ħadlu b’ idejh u qallu li kien se jisma’ mingħandna.
Wara li ħriġna mil-laqgħa, aħna dħalna f’ karozza tal-kiri, u missieri dar lejja u staqsieni, “Mela, x’ taħseb li għandna nagħmlu?”
Jiena weġibtu billi għedtlu li naħseb li kellna naċċettaw din l-offerta.
Imbagħad missieri staqsieni, “Ma taħsibx li għandna ċerta responsabbiltà lejn l-impjegati kollha tagħna li naraw li l-impjieg tagħhom jibqa’ fis-sod?”
Filwaqt li bdejt nikkontempla l-mistoqsija tiegħu u qabel ma’ tani ċans inwieġbu, huwa wieġeb l-istess mistoqsija li kien għamilli. Huwa qalli, “Isma’ Rick, la darba inti tixxaħħam jew tikkomprometti l-integrità tiegħek, ikun diffiċli ħafna li terġa’ tiksibha lura. Qatt tagħmel dan, lanqas qatt.”
Il-fatt li jiena qed naqsam magħkom din l-esperjenza ifisser li jiena verament qatt ma nsejt dak li għallimni missieri f’ dak l-ewwel vjaġġ tiegħi fuq xogħol miegħu. Jiena qsamt din l-esperjenza magħkom biex nuri l-influwenza li tibqa’ li aħna għandna bħala missirijiet. Tistgħu timmaġinaw il-fiduċja li jiena kelli f’ missieri minħabba l-integrità ta’ qalbu. Huwa għex dawn l-istess prinċipji fil-ħajja privata tiegħu ma’ ommi, ma’ wliedu u ma’ dawk kolllha li kien f’ kuntatt magħhom.
L-Aħwa, hija t-talba tiegħi illejla li aħna lkoll l-ewwel għandu jkollna l-fiduċja fil-Mulej, kif uriena Nefi, u mbagħad permezz tal-integrità ta’ qalbna niksbu l-fiduċja tal-Mulej, kif ukoll il-fiduċja tan-nisa u t-tfal tagħna. Hekk kif aħna nifhmu u napplikaw dan il-prinċipju sagru ta’ fiduċja mibnija fuq l-integrità, aħna nkunu leali lejn il-patti sagri tagħna. Aħna naslu wkoll biex nirnexxu fil-familji tagħna, fejn aħna nippresedu bl-imħabba u s-sewwa, fejn nipprovdulha in-neċessitajiet tal-ħajja, u nipproteġu l-familji tagħna mill-ħażen tad-dinja. Dwar dawn il-veritajiet jiena nixhed b’ umiltà f’ isem Ġesu Kristu, amen.