Il-Verità ta’ Kull Ħaġa
Kull wieħed u waħda minna għandna responsabbiltà personali li nagħmlu dak kollu neċessarju biex niksbu testimonjanza b’ saħħitha u nsaħħuha.
Aħna ġejna hawnhekk illejla bit-tama u l-fidi li b’ xi mod aħna nitilqu minn hawn msaħħin u mberkin permezz tal-Ispirtu s-Santu, li jgħallem il-verità.1 Jiena nixtieq inkellimkom dwar it-tiftixa individwali tagħna għall-verità.
Meta kont għadni żagħżugħ, jiena kelli bosta mistoqsijiet dwar il-Knisja. Uħud mill-mistoqsijiet tiegħi kienu sinċiera verament. Oħrajn ma kinux u kienu biss jirriflettu d-dubji ta’ ħaddieħor.
Spiss jiena kont niddiskuti l-mistoqsijiet tiegħi ma’ ommi. Jiena ninsab ċert li hi setgħet tħoss li ħafna mill-mistoqsijiet tiegħi kienu verament sinċieri u minn qalbi. Jien naħseb li hi kienet xi ftit diżappuntata bil-mistoqsijiet li kienu anqas sinċieri u aktar argumentattivi. Madankollu, hija qatt ma ttrattatni b’ mod negattiv talli jien kont nistaqsi dawk il-mistoqsijiet. Hija kienet toqgħod tismagħni u tipprova tweġibni. Meta hija kienet tħoss li tkun qaltli dak kollu li setgħet tgħidli u jiena xorta waħda nkun għad għandi ċerti mistoqsijiet, hija kienet tgħidli xi ħaġa hekk: “David, din hi mistoqsija tajba. Filwaqt li inti qed tfittex u taqra u titlob biex ikollok tweġiba, għalfejn inti ma tagħmlix l-affarijiet li taf li għandek tagħmel u tara li ma tagħmlix l-affarijiet li taf li m’għandekx tagħmel?” Dan sar il-mudell li mxejt fuqu fit-tiftixa tiegħi għall-verità. Permezz tal-istudju u t-talb u billi nżomm il-kmandamenti, jiena sibt li hawn tweġiba għal kull mistoqsija importanti li kelli. Sibt ukoll li għal xi mistoqsijiet li seta’ kelli, kelli bżonn il-fidi, il-paċenzja u r-rivelazzjoni.2
Ommi poġġiet fuqi r-responsabbiltà li niżviluppa l-fidi u nsib tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħi. Hija kienet taf li jiena seta’ jkolli risposta għat-tweġibiet importanti tiegħi jekk jiena nfittex il-verità bil-mod li stabbilixxa Missierna tas-Smewwiet. Hija kienet taf li jiena ridt insib il-verità. Hija kienet taf li jien ridt inkun sinċier fil-mistoqsijiet tiegħi u li kont lest li naġixxi skont dak li kont diġà naf li hu veru. Hija kienet taf li jien kelli bżonn nistudja u nitlob u li kelli bżonn li niżviluppa fija paċenzja akbar hekk kif kont qed infittex risposta għall-mistoqsijiet tiegħi mingħand il-Mulej. Li nkunu lesti li napplikaw il-paċenzja hija parti mit-tiftixa tagħna għall-verità u parti mill-mod li wriena l-Mulej biex tiġi żvelata lilna l-verità.3
Maż-żmien, jiena għaraft li ommi kienet qed tgħallimni l-mod li wriena Missierna tas-Smewwiet kif nistgħu nsiru nafu l-verità. Il-fidi tiegħi kibret, jiena bdejt nirċievi tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħi u anke aċċettajt sejħa biex inservi missjoni.
Kien hemm żmien, fil-bidu tal-missjoni tiegħi, meta jien kont naf li kien jeħtieġ li jiena stess inkun naf jekk il-Knisja kinitx vera u jekk Joseph Smith kienx verament profeta ta’ Alla. Jien ħassejt dak li l-President Thomas S. Monson esprima b’ mod tant ċar fl-aħħar konferenza ġenerali li kellna: “Jekk intom għad m’għandkomx testimonjanza soda biżżejjed dwar dawn il-ħwejjeġ, araw li tagħmlu dak kollu neċessarju biex intom tiksbuha. Huwa essenzjali li intom ikollkom testimonjanza li tkun verament tagħkom f’ dawn iż-żminijiet diffiċli, għax it-testimonjanza ta’ ħaddieħor hemm limitu kemm tista’ tgħinkom.”4 Jiena kont naf x’ kien meħtieġ minni. Kien meħtieġ li jiena naqra l-Ktieb ta’ Mormon b’ qalb sinċiera, b’ intenzjoni ġenwina u nistaqsi lil Alla jekk huwiex veru.
Isimgħu ftit il-wegħda meraviljuża ta’ Missierna tas-Smewwiet mogħtija lilna permezz tal-profeta Moroni: “U meta tirċievu dawn il-ħwejjeġ, nitlobkom sabiex titolbu lil Alla, il-Missier Etern, f’ isem Ġesù Kristu, jekk dawn il-ħwejjeġ humiex vera; u jekk titolbuh b’ qalb sinċiera, b’ intenzjoni ġenwina, b’ fidi fi Kristu, huwa jurikom il-verità kollha, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.”5
Biex jiena stajt nirċievi dak li kien hemm fil-Ktieb ta’ Mormon, kien jeħtieġ li naqrah. Jiena bdejt naqra l-ktieb mill-bidu u qrajt kuljum. Hemm min jikseb testimonjanza fi żmien qasir. Oħrajn, ikunu jeħtieġu aktar ħin u aktar talb u jaf ikun hemm bżonn li jaqraw il-ktieb diversi drabi. Jien kien meħtieġ minni li naqra l-ktieb mill-bidu sal-aħħar qabel ma rċevejt ix-xhieda mwiegħda lili. Madankollu, Alla verament wera l-verità tiegħu lili bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.
Fid-djarju tiegħi tal-missjoni, jiena ddeskrivejt il-ferħ li jiena ħassejt meta sirt naf il-verità kif ukoll is-sentimenti personali tiegħi dwar l-impenn u l-intenzjoni ġenwina tiegħi li naġixxi skont il-verità li jiena kont irċevejt. Jiena ktibt: “Jiena għamilt patt ma’ Missieri tas-Smewwiet u miegħi nnifsi li nagħmel l-almu kollu tiegħi, li nagħti l-mija fil-mija tiegħi għall-kumplament ta’ ħajti, li dak kollu li jiena niġi mitlub nagħmlu, iżda għalissa jeħtieġ nikkonċentra fuq il-kumplament tal-missjoni tiegħi u se nara li din il-missjoni tkun waħda mill-aktar meraviljuża, waħda li ma nħoss l-ebda dispjaċir dwarha, iżda mhux għalija, għall-Mulej. Jiena nħobb lill-Mulej, u nħobb din il-ħidma, u nitlob li dan is-sentiment ma jħallini qatt.”
Jiena tgħallimt li hu meħtieġ li jiena kontinwament inkompli nsostni lili nnifsi u nkompl għaddej bl-isforzi tiegħi li nindem u nżomm il-kmandamenti biex dan is-sentiment ikun jista’ jibqa’ miegħi dejjem. Madankollu, la darba intom tiksbu din it-testimonjanza, jeħtieġ li żżommuha b’ saħħitha u ħajja permezz tal-ubbidjenza kontinwa tagħkom lejn il-kmandamenti ta’ Alla u permezz tat-talb ta’ kuljum u l-istudju tal-iskrittura.”6
Matul is-snin, jiena staqsejt lil għadd ta’ missjunarji u żgħażagħ minn madwar id-dinja dwar x’għamlu huma personalment biex ifittxu l-verità u jiksbu testimonjanza. Kważi mingħajr eċċezzjoni, huma kollha wieġbu li l-isforz tagħhom biex jiksbu testimonjanza personali bdiet bid-deċiżjoni personali li kienu ħadu li jaqraw il-Ktieb ta’ Mormon mill-bidu nett u jistaqsu lil Alla jekk huwiex veru. Għax għamlu dan, huma għażlu li “jaġixxu” minflok sempliċiment iħallu l-affarijiet “jaġixxu għalihom”7 permezz tad-dubji tal-oħrajn.
Biex inkunu nafu l-verità, jeħtieġ li aħna ngħixu l-evanġelju8 u “nesperimentaw”9 bil-kelma. Aħna ġejna mwissijin biex ma nirreżistux l-Ispirtu tal-Mulej.10 L-indiema, flimkien mad-determinazzjon tagħna li nżommu l-kmandamenti, hija parti importanti mit-tiftixa għall-verità ta’ kull individwu.11 Fil-fatt, jeħtieġ li aħna nkunu lesti li “nabbandunaw” dnubietna sabiex insiru nafu l-verità.12
Aħna mitlubin li “nfittxu t-tagħlim, kemm bl-istudju kif ukoll bil-fidi” u “nfittxu … fost l-aqwa kotba kliem il-għerf.”13 It-tiftixa tagħna għall-verità għandha tiffoka ruħha fuq “l-aqwa kotba” u l-aqwa sorsi. Fost l-aqwa kotba nsibu l-iskrittura u l-kliem tal-profeti ħajjin.
Il-President Monson talab lil kull wieħed u waħda minna biex “nagħmlu dak kollu neċessarju” biex niksbu testimonjanza b’ saħħitha u nsaħħuha.14 X’ hemm bżonn sabiex it-testimonjanza tagħkom tissaħħaħ? Kull wieħed u waħda minna għandna responsabbiltà personali li nagħmlu dak kollu neċessarju biex niksbu testimonjanza b’ saħħitha u nsaħħuha.
Li bil-paċenzja kollha aħna nżommu l-patti tagħna filwaqt li “nagħmlu dak kollu neċessarju” biex nirċievu tweġiba mingħand il-Mulej huwa fil-fatt il-mod li tana Alla biex nitgħallmu l-verità. Speċjalment meta nibdew niffaċċjaw id-diffikultajiet f’ ħajjitna, jeħtieġ li aħna “nissottomettu ruħna b’ ferħ u b’ tant paċenzja għar-rieda tal-Mulej.”15 Li bil-paċenzja kollha aħna nżommu l-patti tagħna ikabbar fina l-umiltà u x-xewqa tagħna li nkunu nafu l-verità, u jippermetti li l-Ispirtu s-Santu “jiggwidana fit-toroq tal-għerf ħalli aħna nitbierku, nkunu preservati u nirnexxu.”16
Persuna li marti Mary u jiena nħobbu verament għaddiet il-parti kbira ta’ ħajjitha tipprova tifhem b’ diffikultà ċerti aspetti tal-Knisja. Hija tħobb l-evanġelju u tħobb ukoll il-Knisja iżda xorta waħda għad għandha ċerti mistoqsijiet. Hija ġiet issiġillata fit-tempju, hi attiva fil-Knisja, twettaq is-sejħiet tagħha u hija omm u mara miżżewġa mill-aktar meraviljuża. Tul is-snin, hija ppruvat twettaq dawk il-ħwejjeġ kollha li taf li huma xierqa u żammet ‘il bogħod milli tagħmel dawk il-ħwejjeġ li kienet taf li huma ħżiena. Hija dejjem żammet il-patti tagħha u kompliet tfittex li ssir taf aktar. Xi waqtiet hija ħassitha grata li setgħet tiddependi fuq il-fidi ta’ ħaddieħor.
M’ilux wisq, l-isqof tagħha xtaq jara lilha u lil żewġha. Huwa talabhom biex jaċċettaw essajnment tat-tempju biex huma jagħmlu x-xogħol bi prokura f’ isem dawk li kienu jeħtieġu l-ordinanzi tat-tempju. Din is-sejħa verament issorprendiethom, iżda huma aċċettawha u bdew is-servizz tagħhom fid-dar tal-Mulej. It-tifel żagħżugħ tagħhom kien għadu kif ipparteċipa f’ riċerka dwar l-istorja tal-familja u skopra isem tal-familja li ma kienu saru l-ebda ordinanzi tat-tempju f’ ismu. Wara xi żmien huma għamlu l-ordinanzi tat-tempju f’isem din il-persuna u l-familja tiegħu. Hekk kif huma niżlu għarkupptejhom quddiem l-artal u ħadu sehem fl-ordinanza tas-siġill, din il-mara meraviljuża u paċenzjuża, li tant kienet ilha għaddejja bit-tiftixa tagħha, kellha esperjenza spiritwali privata li permezz tagħha hija saret taf li t-tempju u l-ordinanzi mwettqa ġewwa fih huma vera u reali. Hija ċemplet lil ommha u qaltilha dwar l-esperjenza li hija kellha u qaltilha li minkejja li xorta waħda kien għad kellha xi mistoqsijiet, hija kienet taf li t-tempju huwa veru, li l-ordinanzi tat-tempju huma veri u li l-Knisja hija veru. Ommha bkiet biki ta’ gratitudni lejn Missierna tas-Smewwiet li tant għandu paċenzja u tant iħobbna kif ukoll għaliex bintha, bil-paċenzja kollha, kompliet tfittex il-verità.
Li bil-paċenzja kollha aħna nkomplu nżommu l-patti tagħna jwassalna biex f’ ħajjitna aħna niksbu l-barkiet tas-smewwiet.17
Jiena sibt faraġ kbir fil-wegħda tal-Mulej li “bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tkunu tafu l-verità ta’ kollox.”18 Mingħajr ma nkunu nafu kollox, nistgħu nkunu nafu l-verità. Aħna nistgħu nsiru nafu li l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru. Fil-fatt, kif għallem illejla l-President Russell M. Nelson aħna nistgħu “nħossu, fil- ‘profondità’ ta’ qalbna [ara Alma 13:27], li l-Ktieb ta’ Mormon hu b’ mod assolut il-kelma ta’ Alla.” U aħna nistgħu “nħossu dan b’ tant qawwa, li lanqas biss jum wieħed ma nkunu rridu ngħixu mingħajru.”19
Nistgħu nsiru nafu li Alla huwa Missierna, li jħobbna, u li Ibnu, Ġesù Kristu, huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna. Nistgħu nsiru nafu li s-sħubija fil-Knisja Tiegħu hija xi ħaġa li għandna verament ngħożżuha u li aħna kull ġimgħa nieħdu sehem fis-sagrament jgħinna biex flimkien mal-familja tagħna nibqgħu ‘l bogħod mill-periklu. Nistgħu nsiru nafu li permezz tal-ordinanzi tat-tempju, il-familji verament jistgħu jkunu flimkien għal dejjem. Nistgħu nsiru nafu li l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu u l-barkiet tal-indiema u l-maħfra huma vera u reali. Nistgħu nsiru nafu li l-profeta għażiż tagħna, il-President Thomas S. Monson, huwa l-profeta tal-Mulej u l-kunsillieri tiegħu u l-membri tal-Kworum tat-Tnax huma appostli, profeti, bassâra u rivelaturi.
Jiena naf li dan huwa kollu veru u nagħti x-xhieda tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.