2010-2019
Il-Kuljum Etern
Ottubru 2017


Il-Kuljum Etern

L-umiltà dwar min verament aħna u dwar l-għan ta’ Alla għalina hija ħaġa mill-aktar essenzjali.

Jien, ilu jogħġobni l-umoriżmu Ingliż miż-żogħżija tiegħi meta kont qdejt missjoni fir-Renju Unit. Kultant jaf ikun ikkaratterizzat minn mod modest u umli u minn kemm bniedem kapaċi jidħaq bih innifsu. Eżempju ta’ dan huwa l-mod kif l-ingliżi jpinġu s-sajf. Is-sjuf Ingliżi huma relattivament qosra u imprevedibbli. Kif qal wieħed awtur b’ mod pjuttost sottili, “Verament jogħġobni s-sajf Ingliż, huwa l-aktar jum favorit tiegħi tas-sena.”1 Episojdu minn sensiela ta’ kartuns Ingliża favorita tiegħi kienet turi lil waħda mill-karattri ewlenin ġos-sodda tagħha, għadha kif tqum tard filgħodu, u tgħid lill-klieb tagħha, “Il-ħanina! Naħseb li rqadna ftit iżżejjed u tlifna s-sajf.”2

F’ dan l-umoriżmu nistgħu nsibu analoġija għall-ħajja tagħna li qed ngħixu f’ din id-dinja sabiħa. L-iskrittura tgħid b’ mod ċar li l-eżistenza mortali prezzjuża tagħna hija żmien mill-aktar qasir. Nistgħu ngħidu li minn perspettiva eterna, iż-żmien tagħna fid-dinja jgħaddi malajr daqs is-sajf Ingliż.3

Xi kultant l-għan u l-istess eżistenza tal-bniedem nistgħu niddeskrivuhom ukoll b’ termini mill-aktar sempliċi. Il-profeta Mosè trabba f’ambjent li xi nies illum jafu jiddiskrivuh bħala wieħed privileġġjat. Kif hemm miktub fil-Ġawhra ta’ Valur Kbir, il-Mulej, waqt li kien qed iħejji lil Mosè għall-ħidma profetika tiegħu, tah l-opportunità biex fi ftit ħin huwa jara quddiemu l-istorja tad-dinja kif ukoll lil ulied il-bnedmin kollha li qatt inħolqu u li kienu għadhom qed jinħolqu.4 Ir-reazzjoni pjuttost sorprendenti ta’ Mosè kienet, “Issa … jiena verament naf li l-bniedem mhu xejn, xi ħaġa li qatt ma bsartha.”5

Sussegwentement, Alla, biex bħal donnu jirrebatti s-sentimenti ta’ nuqqas ta’ importanza li seta’ ħass Mosè, iddikjara l-vera għan Tiegħu: “Għax araw, din hija l-ħidma u l-glorja tiegħi—li nġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”6

Aħna lkoll ugwali għal Alla. Id-duttrina Tiegħu hija waħda ċara. Fil-Ktieb ta’ Mormon, naqraw, “Kulħadd l-istess għal Alla,” inkluż “l-iswed u l-abjad, l-ilsir u l-ħieles, ir-raġel u l-mara.”7 Minħabba f’ hekk, kulħadd huwa mistieden biex jersaq lejn il-Mulej.8

Kull min jaħseb li hu superjuri fil-pjan tal-Missier minħabba xi karatteristiċi partikolari bħar-razza, is-sess, in-nazzjonalità, il-lingwa jew iċ-ċirkustanzi ekonomiċi tiegħu, dan il-bniedem hu moralment żbaljat u ma jifhimx il-veru għan tal-Mulej għall-ulied kollha ta’ Missierna.9

Sfortunatament, fi żmienna, kważi f’kull settur tas-soċjetà, aħna naraw id-dinja tiddandan b’ nies arroganti li jaħsbu li huma xi ħaġa filwaqt li ċċekken lil dawk li huma umli u li jħossuhom responsabbli lejn Alla. Il-parti l-kbira tas-soċjetà tilfet l-irmiġġi tagħha u lanqas biss tifhem għalfejn aħna ninsabu hawn fid-dinja. L-umiltà vera, li hi mill-aktar essenzjali biex aħna niksbu l-għan li għandu l-Mulej għalina, rari hija ħaġa evidenti.10

Huwa importanti li nifhmu l-kobor tal-umiltà, tat-tjubija, tal-karattru u tal-intelliġenza ta’ Kristu kif jidhru fl-iskrittura. Hija bluha li ma napprezzawx verament il-bżonn li kontinwament, jum wara jum, aħna nagħmlu l-almu tagħna biex niksbu dawk il-kwalitajiet u l-attributi li jixbhu lil Kristu, partikolarment l-umiltà.11

L-iskrittura titkellem b’ mod ċar li filwaqt li din il-ħajja hija relattivament waħda qasira, hija wkoll inkredibbilment sinifikanti. Amuleki, li fil-Ktieb ta’ Mormon kien is-sieħeb missjunarju ta’ Alma, qal, “Din il-ħajja hija ż-żmien li fih il-bnedmin jitħejjew biex jiltaqgħu ma’ Alla; iva, araw iż-żmien ta’ din il-ħajja huwa ż-żmien li fih il-bnedmin iwettqu ħidmiethom.”12 Aħna ma rridux nagħmlu bħall-karattru tal-kartuns tiegħi, li ngħaddu din il-ħajja reqdin.

L-eżempju tas-Salvatur ta’ umiltà u sagrifiċċju lejn l-umanità kollha hija l-aktar ġrajja profonda fl-istorja. Is-Salvatur, avolja kien membru tad-Divinità, kien lest li jiġi fid-dinja bħala tarbija sempliċi u jibda eżistenza fid-dinja li fiha Huwa għallem u fejjaq lil ħutu u ultimament sofra uġigħ inspejgabbli ġewwa l-Ġetsemani u fuq is-salib biex ikun jista’ jġib fis-seħħ l-Att tal-Fidwa Tiegħu. Dan l-att ta’ mħabba u umiltà min-naħa ta’ Kristu jissejjaħ il-kondixxendenza Tiegħu.13 Huwa dan għamlu għal kull bniedem li Alla ħoloq jew li għad irid joħloq.

Missierna tas-Smewwiet ma jridx li wliedu jiskoraġġixxu ruħhom jew jaqtgħu qalbhom fit-tfittxija tagħhom għall-glorja ċelestjali. Meta aħna verament nikkontemplaw dwar Alla l-Missier u Kristu l-Iben, min Huma verament, u x’ wettqu għalina, aħna nimtlew bil-qima, bil-meravilja, bil-gratitudni u bl-umiltà.

L-umiltà Hija Essenzjali biex Tgħin lill-Mulej Jistabbilixxi l-Knisja Tiegħu

Fi żmienu Alma staqsa mistoqsija li tgħodd ħafna għal żmienna: “Jekk intom esperjenzajtu bidla f’ qalbkom, u jekk ħassejtu li tgħannu l-għanja tal-imħabba feddejja, jiena nistaqsikom, tħossukom hekk bħalissa?”14 Alma kompla, “Tistgħu tgħidu, jekk kellkom tmutu bħalissa, … li intom kontu umli biżżejjed?”15

Kull darba li jiena naqra dwar Alma ż-Żgħir jirrinunzja l-irwol tiegħu bħala l-kap tal-istat biex jippriedka l-kelma ta’ Alla,16 verament inħossni impressjonat. Alma, bla dubju, kellu testimonjanza mill-aktar profonda ta’ Alla l-Missier u Ġesù Kristu u ħassu kompletament responsabbli lejhom mingħajr ebda riserva. Huwa kien jaf x’inhuma l-prioritajiet tiegħu u kien umil biżżejjed li jabbanduna l-istatus u l-pożizzjoni tiegħu minħabba li rrealizza li kien aktar importanti li jservi lill-Mulej.

Kemm hi ħaġa prezzjuża li jkollna biżżejjed umiltà f’ ħajjitna biex nistabbilixxu l-Knisja . Eżempju partikolari mill-istorja tal-Knisja jurina dan b’ mod ċar. F’ Ġunju tal-1837, hekk il-Profeta Joseph kien fit-Tempju ta’ Kirtland, huwa ħassu ispirat li jsejjaħ lill-Appostlu Heber C. Kimball biex imur jippriedka l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fl-“Ingilterra … u jiftaħ il-bieb tas-salvazzjoni għal dak il-ġens.”17 L-Appostlu Orson Hyde u xi oħrajn ġew mitlubin biex jakkumpanjawh. Ir-rispons tal-Presbiteru Kimball kien wieħed mill-aktar sinifikanti. “L-idea li ġejt maħtur għal missjoni daqstant importanti kienet xi ħaġa akbar milli qatt stajt niflaħ. … Ħassejtni kważi se negħreq taħt il-piż li kien tpoġġa fuq spallejja.”18 Madankollu, huwa daħal għal din il-missjoni b’ fidi, b’ impenn u b’ umiltà assoluta.

Xi kultant l-umiltà taf tfisser li aħna naċċettaw xi sejħa meta ma nħossuniex kapaċi biżżejjed għaliha. Xi kultant l-umiltà taf tfisser li nservu b’ fedeltà meta nħossu li aħna kapaċi nservu f’ xi ħidma aktar importanti. Il-mexxejja umli ddikjaraw bi kliemhom u bl-eżempju tagħhom li l-importanti mhuwiex fejn inservu iżda kif inservu b’ fedeltà.19 Xi kultant l-umiltà tfisser li negħlbu ċerti sentimenti ta’ wġigħ li jaf ikollna meta nħossu li ġejna ttrattati ħażin minn xi mexxejja jew membri.

Fit-23 ta’ Lulju , 1837, il-Profeta Joseph iltaqa’ mal-Presbiteru Elder Thomas B. Marsh, il-President tal-Kworum tat-Tnax. Il-Presbiteru Marsh deher apparentament frustrat li l-Profeta kien sejjaħ żewġ membri tal-kworum biex imorru l-Ingilterra mingħajr ma kkonsulta miegħu. Hekk kif Joseph iltaqa’ mal-Presbiteru Marsh, huwa poġġa fil-ġenb kull sentiment li seta’ weġġgħu u l-Profeta rċieva rivelazzjoni mill-aktar meraviljuża. Illum nafuha bħala l- 112-il sezzjoni tad-Duttrina u Patti.20 Tagħtina direzzjoni divina inkredibbli rigward l-umiltà u l-ħidma missjunarja. Vers 10 jgħid, “Kunu umli; u l-Mulej Alla tagħkom jaqbadkom minn idkom u jmexxikom, u jwieġeb it-talb tagħkom.”21

Din ir-rivelazzjoni ngħatat sewwasew fl-istess jum li fih il-Presbiteru Kimball, Hyde u John Goodson, b’umiltà sħiħa, kienu qed jiddikjaraw ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fil-Kappella ta’ Vauxhall ġewwa Preston, fl-Ingilterra.22 Din kienet l-ewwel darba f’ din id-dispensazzjoni li xi missjunarji qatt iddikjaraw l-evanġelju rrestawrat lil hinn mill-Amerka ta’ Fuq. L-isforz missjunarju tagħhom irriżulta biex immedjatament numru ta’ nies ikkonvertew u tgħammdu u b’ hekk għadd ta’ membri fidili ngħaqdu mal-Knisja.23

Fi żmienna, partijiet sussegwenti minn dik ir-rivelazzjoni għadha tiggwida lill-missjunarji fl-isforzi tagħhom. F’ parti minnha hemm miktub, “Dawk kollha li intom tibagħtu f’ ismi … se jkollhom il-qawwa li jiftħu l-bieb tas-saltna tiegħi lil kull ġens … dejjem jekk huma jiċċekknu quddiemi, u jibqgħu jimxu wara l-kelma tiegħi, u jisimgħu l-vuċi tal-Ispirtu tiegħi.”24

L-umiltà li kienet parti essenzjali minn din il-ħidma missjunarja inkredibbli għenet biex il-Mulej seta’ jistabbilixxi l-Knisja Tiegħu b’ mod daqstant meraviljuż.

Nirringrazzjaw lil Alla, dan aħna għadna narawh kontinwament iseħħ fil-Knisja Illum. Għadd ta’ membri, fosthom mill-ġenerazzjoni li għadha tiela’, jiddedikaw ħinhom u jiddifferixxu l-edukazzjoni u l-impjieg tagħhom biex jaqdu missjoni. Huma bosta l-membri anzjani li jitilqu l-impjieg tagħhom u jagħmlu għadd ta’ sagrifiċċji oħra biex ikunu jistgħu jaqdu lil Alla f’ kwalunkwe sejħa li jiġu msejħin fiha. Aħna ma nippermettu l-ebda ħaġa personali li żżommna jew tiddevjana milli nwettqu l-għanijiet Tiegħu.25 Biex inservu fil-Knisja jeħtieġ li nkunu umli. Aħna nservu b’ umiltà skont kif niġu msejħin, bil-qawwa u bis-saħħa tagħna kollha u b’ moħħna kollu. Kemm hu importanti li f’ kull livell tal-Knisja aħna nifhmu l-kwalità li tixbah lil Kristu tal-umiltà.

L-Umiltà li Nuru Kuljum Hija Essenzjali biex Tgħinna Nħejju Individwi biex Jiltaqgħu ma’ Alla

Fi żmienna, l-għan li aħna nonoraw lill-Mulej u nissottomettu ruħna għar-rieda Tiegħu26 mhuwiex ivvalutat daqs kemm kien fil-passat. Xi mexxejja Kristjani ta’ reliġjonijiet oħra jemmnu li aħna ninsabu ngħixu f’ dinja fejn il-Kristjanità għadda żmienha.27

Għal ġenerazzjonijiet sħaħ, il-virtù reliġjuża tal-umiltà u l-virtujiet ċiviċi li wieħed ikun modest u ma jintefaħx iżżejjed bih innifsu kienu l-istandard predominanti tas-soċjetà.

Fid-dinja tal-lum, issir enfażi akbar fuq il-kburija, li wieħed jintefaħ kemm jista’ bih innifsu, u dik li tissejjaħ “awtentiċità,” li xi kultant taf ukoll twassal għan-nuqqas ta’ umiltà vera. Xi wħud jissuġġerixxu li llum il-valuri morali tal-kuntentizza jinkludu “li tkun reali, li tkun setgħan, li tkun produttiv—u l-aktar importanti, li qatt ma tiddependi fuq ħaddieħor … għaliex id-destin tiegħek jinsab … f’ idejk.”28

L-iskrittura tiffavorixxi mod daqsxejn differenti. Tissuġġerixxi li aħna għandna nkunu dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu. Dan jeħtieġ li aħna nistabbilixxu sentiment qawwi ta’ responsabbiltà lejn Alla u li ngħixu ħajjjitna b’ umlità. Is-Sultan Benjamin għallem li l-bniedem naturali huwa għadu ta’ Alla u rrakkomanda li jeħtieġ li aħna noqogħdu attenti “għall-istigazzjoni tal-Ispirtu s-Santu.” Huwa spjega, fost affarijiet oħra, li dan jeħtieġ minna li aħna nkunu “sottomessi, mansi, umli, paċenzjużi u kollna mħabba.”29

Xi wħud jifhmu, b’ mod żbaljat, li l-kelma awtentiku tfisser ċelebrazzjoni tal-bniedem naturali u tal-kwalitajiet li huma l-oppost tal-umiltà, tat-tjubija, tal-ħniena, tal-maħfra u taċ-ċivilità. Bħala wlied Alla aħna nistgħu niċċelebraw l-karatteristiċi uniċi tagħna mingħajr ma nużaw l-awtentiċità bħala skuża għal ċerta mġieba li ma tixbahx lil dik ta’ Kristu.

Fit-tfittxija tagħna għall-umiltà, l-internet modern joħolqilna ċerti sfidi fl-isforzi tagħna biex nevitaw il-kburija. Eżempju ta’ dan hu l-mod li bih aħna bħallikieku nkunu qed ngħidu “ħares lejja” jew billi nattakkaw lil ħaddieħor bla waqfien fuq il-midja soċjali. Eżempju ieħor huwa li niftaħru li aħna umli. Dan ifisser li “għal għajn in-nies aħna nippruvaw nuru li aħna modesti jew umli iżda li fil-fatt l-għan veru tagħna ikun li nitfgħu l-attenzjoni ta’ dak li jkun fuq xi ħaġa li aħna nħossuna minfuħin biha.”30 Il-profeti minn dejjem widdbuna kontra l-kburija u li ma nagħmlux enfażi żżejjed fuq il-frugħa tad-dinja.31

Id-deterjorament universali tad-diskors ċivili huwa wkoll xi ħaġa inkwetanti. Il-prinċipju etern tal-għażla ħielsa ieħtiġilna li nirrispettaw l-għażla ta’ ħafna nies li ma nkunux naqblu mal-għażla tagħhom. Il-kunflitt u t-tilwim ħafna drabi jispiċċaw jiksru “l-limitu tad-diċenza komuni.”32 Jeħtieġ li nkunu aktar modesti u umli.

Alma widdeb kontra li aħna “nintefħu bil-kburija ta’ qalbna,” “nippretendu li aħna aħjar minn ħaddieħor,” u nippersegwitaw lill-umli li “jimxu wara l-ordni mqaddsa ta’ Alla.”33

Jiena rajt tjubija mill-aktar ġenwina fost nies ta’ kull twemmin li huma verament umli u jħossuhom responsabbli lejn Alla. Ħafna minnhom jimxu wara t-tagħlim tal-profeta tat-Testment il-Qadim, Mika, li ddikjara, “X’jistenna minnek il-Mulej: mhux li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-imġiba tiegħek ma’ Alla tiegħek?”34

Meta aħna nkunu verament umli, aħna nitolbu għall-maħfra u naħfru lil ħaddieħor. Kif naqraw fil-ktieb ta’ Mosija, Alma għallem li daqs kemm-il darba aħna nindmu, daqstant ieħor il-Mulej jaħfer il-ħtijiet tagħna.35 Mill-banda l-oħra, kif huwa indikat fit-Talba tal-Mulej,36 meta aħna ma naħfrux il-ħtijiet tal-oħrajn, aħna nkunu qed inwaqqgħu l-kundanna fuqna nfusna.37 Grazzi għall-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, permezz tal-indiema dnubietna jinħafru. Meta aħna ma naħfrux lil dawk li huma ħatja għalina, aħna nkunu fil-fatt qegħdin niċħdu l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur. Li nżommu ġo fina l-mibegħda lejn xi ħadd jew li nirrifjutaw li b’ umiltà nittrattaw ir-relazzjonijiet tagħna bil-mod li jrid Kristu jwassal biex aħna verament inwaqqgħu l-kundanna fuqna nfusna. Li nżommu ġo fina l-mibegħda hija xi ħaġa mill-aktar velenuża għal ruħna.38

Ippermettuli wkoll inwissikom kontra kull forma ta’ arroganza. Il-Mulej, permezz tal-profeta Moroni, għamel differenza ċara bejn dak li hu arroganti u dak li hu umli: “Il-boloh jiddieħku b’ ħaddieħor, iżda huma għad jibku; u l-grazzja tiegħi tkun biżżejjed għall-ġwejdin.” Il-Mulej iddikjara wkoll, “Jiena nagħti d-dgħjufija lill-bnedmin sabiex huma jkunu umli; u l-grazzja tiegħi hi suffiċjenti għal dawk il-bnedmin kollha li jkunu umli quddiemi; għaliex jekk huma jkunu umli quddiemi, u jkollhom il-fidi fija, imbagħad jiena nqawwihom fejn huma jinsabu dgħajfin.”39

L-umiltà tinkludi wkoll li aħna nkunu grati għall-ħafna barkiet li rċevejna u għall-għajnuna divina. L-umiltà mhijiex xi kisba identifikabbli u kbira jew inkella li aħna negħlbu xi sfida ewlenija partikolari. Hija pjuttost indikazzjoni ta’ qawwa spiritwali. Hija li aħna jkollna l-fiduċja li kull jum u kull siegħa aħna nistgħu nafdaw fil-Mulej, naqduh u niksbu l-għanijiet Tiegħu. Hija t-talba tiegħi li f’ din id-dinja kollha nkwiet aħna nkomplu nagħmlu kontinwament dak kollu li nistgħu biex ta’ kuljum aħna ngħixu b’ mod verament umli. Waħda mill-poeżiji favoriti tiegħi tiddeskriviha b’ dan il-mod:

Il-prova tan-nobbiltà hija l-mod li bih

Wieħed jiffaċċja l-Kuljum etern.40

Jiena nagħti x-xhieda ċerta tiegħi dwar is-Salvatur u l-Att tal-Fidwa Tiegħu u dwar kemm hu importanti li b’ umiltà aħna naqduh f’ kull jum ta’ ħajjitna. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Kathy Lette, f’ “Town and Country Notebook,” ed. Victoria Marston, Country Life, 7 ta’ Ġunju, 2017, 32; enfażi miżjuda.

  2. Annie Tempest, “Tottering-by-Gently,” Country Life, 3 ta’ Ott. 2012, 128.

  3. Ara Salm 90:4. Kemm jekk ħajjitna fid-dinja tkun waħda qasira, kemm jekk twila, minn perspettiva eterna l-ħajja tagħna hawnhekk hija waħda verament qasira. “Għal Alla kollox huwa jum wieħed, u ż-żmien jitkejjel biss mill-bnedmin” (Alma 40:8). L-Appostlu Pietru ddikjara, “Dan għandkom tkunu tafu, ħuti għeżież: li quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed” (2 Peter 3:8).

  4. Ara Moses 1:6–9. Dan huwa Kristu jitkellem permezz tal-investitura divina tal-awtorità (ara Teachings of Presidents of the Church: Joseph Fielding Smith [2013], 47, nota f’ qiegħ il-paġna 11).

  5. Moses 1:10.

  6. Moses 1:39.

  7. 2 Nephi 26:33; ara wkoll Doctrine and Covenants 1:34–35; 38:16; Official Declaration 2.

  8. Duttrina u Patti 20:37 hemm miktub, “Dawk kollha li jiċċeknu quddiem Alla.” Imbagħad jiddeskrivi l-ħtiġijiet għall-magħmudija. Ara wkoll Mattew 11:28.

  9. See Doctrine and Covenants 20:37.

  10. Aħna nafu li jekk aħna ma nindmux, ma nirċivux l-ordinanzi u ma nimxux fit-triq tal-patt li tħejjina għall-eternità, “jasal il-lejl tad-dlam li fih l-ebda ħidma ma tkun tista’ titwettaq” (Alma 34:33).

  11. Ara 3 Nephi 27:27.

  12. Alma 34:32.

  13. Ara 1 Nephi 11:26–33; 2 Nephi 9:53; Jacob 4:7; Doctrine and Covenants 122:8.

  14. Alma 5:26.

  15. Alma 5:27.

  16. Ara Alma 4:19.

  17. Joseph Smith, f’ Heber C. Kimball, “History of Heber Chase Kimball by His Own Dictation,” ca. 1842–1856, Heber C. Kimball Papers, 54, Church History Library; ara wkoll Orson F. Whitney, Life of Heber C. Kimball, an Apostle; the Father and Founder of the British Mission (1888), 116.

  18. Heber C. Kimball, “History of Heber Chase Kimball by His Own Dictation,” 54; ara wkoll Orson F. Whitney, Life of Heber C. Kimball, 116.

  19. Il-President J. Reuben Clark Jr. għallem: “Fis-servizz tal-Mulej, mhux fejn isservi iżda kif. Fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, wieħed għandu jieħu postu fejn ikun ġie msejjaħ, liema post la għandu jfittxu u lanqas jirrifjutah” (f’ Rapport tal-Konferenza, Apr. 1951, 154).

  20. Ara The Joseph Smith Papers, Documents, Volume 5: October 1835–January 1838, ed. Brent M. Rogers and others (2017), 412–17. Vilate Kimball irrapportat f’ ittra lil żewġha, Heber C. Kimball, li hija kien ikkopjat ir-rivelazzjoni mill-ktieb tal-“Presbiteru Marsh eżatt kif huwa kitibha hekk kif ħarġet minn fomm Joseph” (Vilate Murray Kimball to Heber C. Kimball, Sept. 6, 1837, f’ The Joseph Smith Papers, Documents, Volume 5: October 1835–January 1838, 412).

  21. Doctrine and Covenants 112:10; enfażi miżjuda.

  22. Ara Orson F. Whitney, Life of Heber C. Kimball, 136–37.

  23. Ara Orson F. Whitney, Life of Heber C. Kimball, 149.

  24. Doctrine and Covenants 112:21–22; enfażi miżjuda.

  25. “Filwaqt li aħna ma nitolbux li niġu eżonerati minn xi sejħa, jekk iċ-ċirkustanzi tagħna jinbidlu, ikun xieraq li aħna nitkellmu ma’ dawk li jkunu talbuna biex inservu f’ din is-sejħa u mbagħad nħallu lilhom jiddeċiedu” (Boyd K. Packer, “Called to Serve,” Ensign, Nov. 1997, 8).

  26. Ara “Humility,” f’ kapitlu 6 ta’ Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service (2004), 120.

  27. Ara Charles J. Chaput, Strangers in a Strange Land (2017), 14–15; ara wkoll Rod Dreher, The Benedict Option (2017).

  28. Carl Cederstrom, “The Dangers of Happiness,” New York Times, 19 ta’ Lulju, 2015, SR8.

  29. Mosiah 3:19.

  30. English Oxford Living Dictionaries, “humblebrag,” oxforddictionaries.com.

  31. Sa ċertu punt dan jixbah id-deskrizzjoni li nisbu fil-ktieb ta’ Alma dwar dawk li jiksbu “kull tip ta’ ħwejjeġ prezzjużi, illi huma kisbuhom għax ħadmu għalihom; … iżda huma ; … bdew iħossuhom superjuri f’ għajnejhom.” (Alma 4:6). Ġie nnotat li wieħed li jiftaħar li hu umli xorta waħda huwa wieħed li jiftaħar.

  32. David Brooks, “Finding a Way to Roll Back Fanaticism,” New York Times, 15 ta’ Aww. 2017, A23.

  33. Alma 5:53, 54.

  34. Mika 6:8.

  35. Ara Mosiah 26:30.

  36. Ara Mattew 6:12, 15.

  37. Ara Mosiah 26:31.

  38. Kif qal Nelson Mandela, “Ir-riżentiment huwa bħal meta wieħed jixrob il-velenu u mbagħad jittama li l-velenu se joqtol lil għadu tiegħu” (f’ Jessica Durando, “15 of Nelson Mandela’s Best Quotes,” USA Today, 5 ta’ Diċ. 2013, usatoday.com).

  39. Ether 12:26, 27; enfażi miżjuda.

  40. Edmund Vance Cooke, “The Eternal Everyday,” Impertinent Poems (1907), 21.