Dawk li Jġorru Magħhom Dawl Ċelestjali
Bħala rġiel li tħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla u bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, intom iġġorru magħkom ċertu dawl.
Kien hemm wieħed raġel anzjan li kien jinsab fi kju ġewwa l-uffiċċju tal-posta jistenna biex jixtri xi bolol mingħand il-kaxxier. Waħda tfajla nnutat li huwa kien isibha daqsxejn diffiċli biex jimxi u offriet li turih kif seta’ jixtri l-bolol minn magna u b’hekk jiffranka l-ħin. Dan ir-raġel anzjan weġibha, “Grazzi, iżda nippreferi nistenna. Il-magna ma tistaqsinix dwar l-artrite li għandi.”
Xi kultant jgħin li nitkellmu ma’ xi ħadd li jimpurtah mill-problemi tagħna.
L-uġigħ, in-niket u l-mard huma esperjenzi li ngħaddu minnhom ilkoll—ħsibijietna jafu jiġu ddominati mill-mumenti ta’ diżgrazzja, miżerja u sfortuna li aħna nesperjenzaw.
Fejn tidħol is-saħħa fiżika tagħna, aħna naslu biex naċċettaw ix-xjuħija u l-mard bħala parti mill-vjaġġ mortali tagħna. Aħna nfittxu l-għajnuna ta’ nies professjonisti li jifhmu sewwa l-ġisem fiżiku. Meta aħna nsofru minn ċerta tbatija emozzjonali jew mard mentali, aħna nfittxu l-għajnuna ta’ esperti li jittrattaw dan it-tip ta’ mard.
Bl-istess mod li f’ din il-ħajja mortali aħna niffaċċjaw ċerti sfidi fiżiċi u emozzjonali, aħna nħabbtu wiċċna wkoll ma’ ċerti sfidi spiritwali. Ħafna minna esperjenzajna f’ ħajjitna mumenti meta t-testimonjanza tagħna ħassejnieha tbaqbaq ġo fina. Jaf ukoll esperjenzajna mumenti li fihom ħassejna li Missierna tas-Smewwiet kien jinsab ‘il bogħod minna. Ikun hemm mumenti meta aħna ngħożżu l-ħwejjeġ tal-Ispirtu b’ qalbna kollha. Jaf ikollna ukoll mument li jkunu jidhru anqas prezzjużi jew sinifikanti.
Illum nixtieq nitkellem dwar il-benesseri spiritwali—kif aħna nistgħu nitfejqu mill-istaġnar u nibdew ngħixu ħajja spiritwali mill-aktar vibranti.
Mard Spiritwali
Xi kultant il-mard spiritwali jaf ikun riżultat tad-dnub jew ta’ xi ġrieħi emozzjonali. Xi kultant ċertu kollass spiritwali tant nesperjenzawh b’ mod gradwali li bilkemm nintebħu b’ dak li jkun qed jiġri. Bħad-diversi saffi li nsibu fil-blat sedimentarju, l-uġigħ u n-niket spiritwali jaf jakkumula maż-żmien u jibda jtaqqal tant l-ispirtu tagħna li jispiċċa kważi tqil wisq biex aħna nġorruh. Dan jista’ jseħħ, per eżempju, meta r-responsabbiltajiet tagħna fuq il-post tax-xogħol, fid-dar u fil-knisja tant inħossuhom li qed jegħjjuna li nispiċċaw nieqfu nesperjenzaw il-ferħ tal-evanġelju. Jaf inħossuna wkoll bħallikieku m’għandniex aktar x’ noffru jew m’għadx għandna fina aktar qawwa biex inkomplu ngħixu l-kmandamenti ta’ Alla.
Iżda li l-isfidi spiritwali huma reali ma jfissirx li m’hemmx fejqan għalihom.
Aħna nistgħu nitfejqu spiritwalment.
Anke l-akbar ġrieħi spiritwali—iva, saħansitra anke dawk li jaf jidher li m’hemmx fejqan għalihom—jistgħu jitfejqu.
Għeżież ħbieb tiegħi, il-qawwa tal-fejqan ta’ Ġesù Kristu mhijiex assenti fi żmienna.
Is-Salvatur jista’ sempliċiment imissna u jfejjaqna u fi żmienna dan jista’ jittrasforma ħajjet in-nies bl-istess mod li ttrasforma ħajjet in-nies ta’ żmienu. Jekk aħna jkollna fina biss il-fidi, Huwa jkun jista’ iżommilna jdejna, jimla ruħna b’ dawl u fejqan ċelestjali, u jgħidilna l-kliem imbierek, “Qum, aqbad friexek u imxi.”1
Dalma u Dawl
Huma x’inhuma dawk l-affarijiet li jikkawżawlna l-mard spiritwali tagħna, ilkoll kemm huma għandhom ħaġa komuni bejniethom: in-nuqqas tad-dawl divin.
Id-dalma tnaqqas l-abbiltà tagħna li naraw b’ mod ċar. Iddgħajjef il-viżjoni tagħna għal dak li xi darba kien mill-aktar sempliċi u ċar. Meta aħna nkunu ninsabu fid-dalma, ikollna ferm aktar ċans li nagħmlu għażliet ħżiena għaliex ma nkunux nistgħu naraw il-periklu li jkun hemm tul it-triq. Meta aħna nkunu ninsabu fid-dalma, ikollna ferm aktar ċans li nitilfu t-tama għaliex ma nkunux nistgħu nagħrfu l-paċi u l-ferħ li jkunu qed jistennewna jekk aħna nibqgħu sempliċiment mexjin ‘il quddiem.
Id-dawl, mill-banda l-oħra, jagħtina ċ-ċans li naraw l-affarijiet kif fil-fatt ikunu. Jagħtina ċ-ċans li nagħrfu bejn il-verità u l-iżball, bejn dak li hu importanti u dak li mhuwiex. Meta aħna nkunu ninsabu fid-dawl, aħna nkunu nistgħu nagħmlu għażliet tajbin ibbażati fuq prinċipji vera. Meta aħna nkunu ninsabu fid-dawl, aħna jkollna “dija perfetta ta’ tama”2 għaliex aħna nkunu nistgħu nħarsu lejn l-isfidi mortali tagħna minn perspettiva eterna.
Aħna nistgħu nsibu l-fejqan spiritwali hekk kif aħna nersqu lil hinn mid-dellijiet tad-dinja u nidħlu fid-Dawl etern ta’ Kristu.
Aktar ma aħna nifhmu u napplikaw il-kunċett duttrinali tad-dawl, aktar aħna nkunu nistgħu ngħassu kontra l-mard spiritwali li jweġġagħna jew jinkwetana minn kull naħa, u aktar aħna nkunu nistgħu nservu aħjar bħala rġiel kuraġġjużi u umli li b’ enerġija u mħabba nħaddnu s-saċerdozju mqaddes—qaddejja u dixxipli vera tas-Sultan maħbub u etern tagħna.
Id-Dawl tad-Dinja
Ġesù Kristu qal, “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.”3
Dan xi jfisser?
Sempliċiment dan: Dak li b’ umiltà jimxi wara Ġesù Kristu jesperjenza u jaqsam miegħu d-dawl Tiegħu. U dak id-dawl ikompli jikber sakemm eventwalment jasal biex jeħlisna mill-aktar dalma profonda.
Dan ifisser li hemm ċerta qawwa, influwenza qawwija, li hi trasmessa lilna mis-Salvatur. Din tasal għandna “mill-preżenza ta’ Alla biex timla l-immensità tal-ispazju.”4 Peress li din il-qawwa ddawwal, televa u tillumina ħajjitna l-iskrittura ħafna drabi ssejħilha dawl, iżda tirreferi għaliha wkoll bħala spirtu u verità.
Fid-Duttrina u Patti naqraw, “Il-kelma tal-Mulej hija l-verità, u kull ħaġa li hi l-verità hija dawl, u kull ħaġa li hija dawl hija Spirtu, sewwasew l-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu.”5
Dan l-għarfien profond—li d-dawl huwa spirtu, li huwa l-verità u li dan id-dawl jiddi fuq kull ruħ li tiġi fid-dinja—daqs kemm hu importanti daqshekk ieħor jimliena bit-tama. Id-Dawl ta’ Kristu jdawwal u jimla r-ruħ ta’ dawk kollha li jagħtu widen tal-leħen tal-Ispirtu.6
Id-Dawl ta’ Kristu jimla l-univers.
Jimla d-dinja.
U jista’ wkoll jimla kull qalb.
“Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd.”7 Id-dawl Tiegħu huwa disponibbli għal kulħadd—kbar jew żgħar, sinjuri jew foqra, privileġġjati jew żvantaġġjati.
Jekk intom tifħu moħħkom u qalbkom biex tirċievu d-Dawl ta’ Kristu u b’ umiltà timxu wara s-Salvatur, intom tirċievu aktar dawl. Linja wara linja, ftit minn hawn u ftit minn hemm, intom taslu biex tiksbu aktar dawl u verità sakemm id-dalma tispiċċa tevapora minn ħajjitkom.8
Alla jiftaħ għajnejkom.
Alla jagħtikom qalb ġdida.
L-imħabba, id-dawl u l-verità ta’ Alla jwasslu biex ċerti ħwejjeġ li kienu ilhom reqdin jieħdu l-ħajja mill-ġdid u intom terġgħu titwieldu mill-ġdid għal ħajja ġdida fi Kristu Ġesù.9
Il-Mulej wiegħed, “Jekk intom iżżommu ħarsitkom fuq il-glorja tiegħi, ġisimkom kollu jispiċċa biex jimtela bid-dawl, u ma jkun hemm l-ebda dalma fikom; u dak il-ġisem li jkun mimli bid-dawl jasal biex jifhem kollox.”10
Dan huwa l-aqwa rimedju għall-mard spiritwali. Id-dalma tispiċċa tevapora fil-preżenza tad-dawl.
Metafora għad-Dalma Spiritwali
Madankollu, Alla ma jisforzaniex biex inħaddnu fina d-dawl Tiegħu.
Jekk aħna nibdew inħossuna komdi bid-dalma, diffiċli ħafna li sseħħ bidla f’ qalbna.
Biex isseħħ din il-bidla, jeħtieġ li aħna, b’ mod attiv, inħallu d-dawl jidħol ġewwa fina.
Tul it-titjiriet tiegħi li jiena kont nkun fihom bħala kaptan tal-ajruplan ma’ kull naħa ta’ din il-pjaneta tagħna, jiena dejjem ħassejtni naffaxxina ruħi bis-sbuħija u l-perfezzjoni tal-ħolqien ta’ Alla. Jiena kont speċjalment nissaħħar bir-relazzjoni li hemm bejn id-dinja u x-xemx. Din ir-relazzjoni jiena nikkunsidraha bħala lezzjoni simbolika ta’ l-eżistenza tad-dalma u d-dawl.
Kif nafu lkoll, kull 24 siegħa il-lejl jinbidel f’ jum u l-jum jinbidel f’ lejl.
Allura l-lejl x’inhu?
Il-lejl mhu xejn ħlief dell.
Anke fid-dalma tal-lejl, ix-xemx ma tiqafx tixħet lejna raġġiha. Hija tkompli tiddi bl-istess qawwa li kienet qabel. Iżda nofs id-dinja tkun tinsab f’ dalma.
In-nuqqas ta’ dawl jikkawża d-dalma.
Meta tfeġġ id-dalma tal-lejl, aħna ma nibdewx niddispraw u ninkwetaw li x-xemx ġiet estinta. Aħna ma naslux fil-konklużjoni li x-xemx m’għadhiex aktar hemm jew li nqerdet. Aħna nifhmu li aħna nkunu ninsabu fid-dell, li d-dinja tkompli ddur u li eventwalment ir-raġġi tax-xemx jerġgħu jilħquna għal darb’oħra.
Id-dalma mhijiex indikazzjoni li m’hemmx dawl. Ħafna drabi, sempliċiment tkun tfisser li aħna ma nkunux ninsabu fil-post it-tajjeb minn fejn nistgħu nirċievu d-dawl. Tul l-aħħar eklissi solari, kienu ħafna li għamlu sforz kbir biex dak il-ħin ikunu qegħdin weqfin ġo medda dell, liema dell kien id-dell tal-qamar f’ nofs jum mill-aktar xemxi.
Bl-istess mod, id-dawl spiritwali ikompli kontinwament jiddi fuq il-ħolqien kollu ta’ Alla. Satana jagħmel kull sforz biex joħloq dell jew inkella jixħetna ġol-istess dell tagħna. Huwa jġagħilna noħolqu l-eklissi tagħna; huwa jixħetna fid-dalma tal-kantina mudlama tiegħu.
Id-dalma spiritwali taf tpoġġi madwarna velu li jwassal biex inessi kull ħaġa minn moħħ saħansitra dawk li xi darba kienu jimxu fid-dawl u jifirħu fil-Mulej. Madankollu, anke fil-mumenti l-aktar mudlama, Alla jisma’ t-talb umli tagħna, hekk kif aħna nitolbu, “Mulej, jiena nemmen; għinni fil-fidi nieqsa tiegħi.”11
Fi żmien Alma kien hemm ħafna li kienu qed isibuha diffiċli jaċċettaw ċerti ħwejjeġ spiritwali, u “minħabba n-nuqqas ta’ twemmin tagħhom,” ruħhom ma setgħetx tiġi ppenetrata mid-dawl u l-verità ta’ Alla “u huma spiċċaw biex webbsu qalbhom.”12
Aħna Dawk li Nġorru d-Dawl
L-aħwa, huwa f’idejna li nkunu fil-post ġust biex aħna nkunu nistgħu naraw id-dawl divin u u l-verità divina tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Anke meta jaqa’ l-lejl u d-dinja tkun tidher mudlama, aħna nistgħu nagħżlu li nimxu fid-dawl ta’ Kristu, inżommu l-kmandamenti Tiegħu u b’ kuraġġ nixhdu dwar ir-realtà Tiegħu u l-kobor Tiegħu.
Bħala rġiel li tħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla u bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, intom iġġorru magħkom ċertu dawl. Komplu agħmlu dawk il-ħwejjeġ li jikkultivaw fikom id-dawl divin Tiegħu. “Żommu fl-għoli d-dawl tagħkom”13 u “ħalluh jiddi quddiem il-bnedmin”—mhux biex huma jaraw u jammiraw lilkom, iżda “ biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”14
Għeżież ħuti, intom strumenti f’ idejn il-Mulej bl-għan li twasslu d-dawl u l-fejqan lil ruħ ulied Missierna tas-Smewwiet. Jista’ jkun li intom ma tħossukomx kwalifikati biżżejjed biex tfejqu lil dawk li jinsabu morda spiritwalment—ċertament mhux aktar milli hu kwalifikat impjegat tal-uffiċċju tal-posta biex jgħin fl-artrite. Jista’ jkun li intom stess tinsabu tħabbtu wiċċkom ma’ ċerti sfidi spiritwali. Madankollu, il-Mulej sejħilkom. Huwa tagħkom l-awtorità u r-responsabbiltà biex tilħqu lil dawk kollha li jinsabu fil-bżonn. Lilkom Huwa tagħkom il-qawwa tas-saċerdozju sagru Tiegħu biex permezz tagħha tkunu tistgħu twasslu d-dawl fejn hemm id-dlam u televaw u tbierku lil ulied Alla. Alla rrestawra l-Knisja Tiegħu u l-evanġelju prezzjuż Tiegħu, “li jfejjaq ir-ruħ imġarrba.”15 Huwa ħejja t-triq għall-benesseri spiritwali tagħna, biex aħna nsibu l-fejqan mill-istaġnar u nibdew nimxu lejn ħajja spiritwali mill-aktar vibranti.
Kull darba li permezz tat-talb umli tagħkom intom tiftħu qalbkom ma’ Alla, intom tesperjenzaw id-dawl Tiegħu. Kull darba li intom tfittxu l-kelma Tiegħu u r-rieda Tiegħu fl-iskrittura, id-dawl jikber fil-qawwa tiegħu. Kull darba li intom tinnutaw lil xi ħadd fil-bżonn u tissagrifikaw il-kumdità tagħkom biex b’ imħabba tmorru tgħinuh, id-dawl jespandi u jikber. Kull darba li intom ma taqgħux għat-tentazzjoni u tagħżlu l-purità, kull darba li intom tfittxu jew testendu l-maħfra, kull darba li b’ kuraġġ intom tixhdu dwar il-verità, id-dawl jasal biex ikeċċi d-dalma u jattira lil dawk kollha li jkunu qed ifittxu d-dawl u l-verità.
Aħsbu ftit dwar l-esperjenzi personali tagħkom, dwar mumenti li fihom offrejtu servizz lil Alla u lil għajrkom meta d-dawl divin kien qed jiddi f’ ħajjitkom���fit-tempju mqaddes, mal-mejda tas-sagrament, fil-mumenti siekta li fihom bdejtu tixtarru bl-għajnuna tat-talb, meta kontu miġburin bħala familja jew waqt li kontu qed toffru s-servizz saċerdotali tagħkom. Aqsmu dawn il-mumenti mal-membri tal-familja, mal-ħbieb u speċjalment maż-żgħażagħ tagħna, li qed ifittxu d-dawl. Jeħtieġ li huma jisimgħu mingħandkom li dan id-dawl iġib miegħu t-tama u l-fejqan, anke f’ dinja mimlija dlam.
Id-dawl ta’ Kristu jwasslilna t-tama, il-ferħ u l-fejqan minn kwalunkwe ġrieħi jew mard spiritwali.16 Dawk li jesperjenzaw din l-influwenza li tirrafinana jsiru sewwasew strumenti f’ idejn id-Dawl tad-Dinja biex huma jwasslu d-dawl lil ħaddieħor.17 Huma jħossu dak li ħass is-Sultan Lamoni: “Dan id-dawl tant imlieh bil-ferħ, li s-sħab mudlam spiċċa biex għeb, u … id-dawl tal-ħajja ta’ dejjem mela ruħu.”18
Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, aħna lkoll għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nibqgħu nfittxu lill-Mulej sakemm id-dawl Tiegħu tal-ħajja ta’ dejjem jibda jbaqbaq ġewwa fina u t-testimonjanza tagħna issir waħda ċerta u b’ saħħitha anke meta nkunu ninsabu f’ nofs id-dlam.
Hija t-talba u l-barka tiegħi li intom jirnexxilkom iġġibu fis-seħħ id-destin tagħkom bħala rġiel li tħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla s-Setgħan u dejjem iġġorru b’ ferħ id-dawl ċelestjali Tiegħu. F’ isem Ġesù Kristu, l-Imgħallem tagħna, amen.