2010-2019
Ixegħlu d-Dawl Tagħkom
Ottubru 2017


Ixegħlu d-Dawl Tagħkom

Il-profeti qegħdin isejħu lilna n-nisa, ħuti. Lesti li tkunu twajbin? Lesti tartikulaw il-fidi tagħkom? Lesti tixegħlu d-dawl tagħkom?

Forsi ma tafux li se ngħid, iżda l-President Monson u jien tewmin. Fil-jum li jiena twelid—sewwasew fis-siegħa propja—fit-Tramuntana ta’ Kalifornja, Thomas S. Monson, li kellu 36 sena, ġie sostnut bħala l-aktar Appostlu ġdid. Jiena verament kuntenta bil-konnessjoni speċjali u personali li jien għandi mal-profeta ta’ Alla, il-President Monson.

Il-profeti jinsabu jitkellmu dwar in-nisa.1 F’ din il-laqgħa intom se tisimgħu uħud mill-kliem tagħhom. Il-kwotazzjoni li se naqra, li se teħodna lura kważi 40 sena, hija profezija meraviljuża miktuba mill-President Spencer W. Kimball. Il-laqgħa li saret f’ Settembru 1979 kienet biss it-tieni darba li n-nisa tal-Knisja dinjija ltaqgħu flimkien għal-laqgħa ġenerali tagħhom. Il-President Kimball kien ħejja d-diskors tiegħu, iżda meta wasal jum il-konferenza, huwa kien jinsab l-isptar. Għalhekk, huwa talab lil martu, Camilla Eyring Kimball, biex taqra d-diskors tiegħu f’ ismu.2

Sister Camilla Kimball titkellem minn fuq il-pulptu

Sister Kimball qrat kliem il-profeta, li kien jenfasizza l-influwenza tan-nisa Qaddisin tal-Aħħar Jiem fuq in-nisa twajbin tad-dinja qabel it-Tieni Miġja tas-Salvatur. Fi tmiem id-diskors tagħha, fost in-nisa tal-Knisja inħass sentiment mill-aktar qawwi li għandna nitkellmu dwaru sal-lum.

Ippermettuli nikkwota ftit minn dak li qal il-President Kimball:

“Finalment, għeżież ħuti, ippermettuli nissuġġerixxi xi ħaġa li ma ntqalitx qabel jew ta’ lanqas ma ntqalitx b’ dan il-mod. Ħafna mit-tkabbir ewlieni li se jseħħ fil-Knisja fl-aħħar jiem se jseħħ għaliex ħafna min-nisa twajbin fid-dinja … se jersqu lejn il-Knisja f’ numru kbir. Dan jista’ jseħħ biss jekk in-nisa tal-Knisja jirriflettu f’ ħajjithom it-tjubija u l-artikolazzjoni u jekk in-nisa tal-Knisja jkunu jidhru bħala nisa distinti u differenti—b’ mod pożittiv—min-nisa tad-dinja.

“Fost il-vera nisa eroj fid-dinja li se jiġu fil-Knisja hemm nisa li aktar moħħhom li jkunu twajbin milli li jkunu egoisti. Dawn il-vera eroj huma nisa mill-aktar umli, li jivvalutaw ferm aktar l-integrità milli jivvalutaw id-dehra. …

“… Se jkunu … in-nisa eżemplari tal-Knisja li se jkunu forza sinifikanti fit-tkabbir kemm numeriku kif ukoll spiritwali tal-Knisja fl-aħħar jiem.”3

X’ dikjarazzjoni profetika dik. Fil-qosor:

  • Se jkunu ir-relazzjonijiet tajbin tan-nisa li se jistimulaw ħafna mit-tkabbir ewlieni li se tesperjenza l-Knisja fis-snin li ġejjin.

  • Il-ħbiberija li n-nisa tas-Soċjetà tal-Għajnuna, tat-Tfajliet u tal-Primarja se jibnu ma’ nisa u tfajliet sinċieri, fidili u twajbin ta’ twemmin ieħor se tkun il-forza sinifikattiva li se tgħin il-Knisja tikber fl-aħħar jiem.

  • Lil dawn in-nisa li ġejjin minn ambjent differenti, il-President Kimball sejħilhom “eroj” li aktar moħħhom li jkunu twajbin milli li jkunu egoisti, li juruna li l-integrità għandha valur akbar mid-dehra.

Waqt il-ħidma tiegħi madwar id-dinja jiena ltqajt ma’ ħafna minn dawn in-nisa twajbin. Jien verament ngħożż il-ħbiberija tagħhom. Uħud minnhom intom tafuhom ukoll għax huma fost l-istess ħbieb u ġirien tagħkom. Jista’ jkun li f’ dan il-mument huma membri tal-Knisja u jista’ jkun le, iżda l-konnessjoni li aħna għandna magħhom hi waħda mill-aktar importanti. Mela, kif għandna naġixxu? X’ għandna nagħmlu? Il-President Kimball irrefera għal ħames affarijiet:

L-ewwel hi li għandna nkunu twajbin. Li nkunu twajbin ma jfissirx li nkunu perfetti jew li ma nagħmlux ċerta żbalji. Ifisser li niżviluppaw fina konnessjoni ma’ Alla, nindmu mid-dnubiet u l-iżbalji tagħna u ngħinu lill-oħrajn minn jeddna.

In-nisa li jindmu jaslu biex jibdlu l-istess futur tagħhom. Jiena għandi ħabiba li meta kienet għadha żagħżugħa kienet involuta f’ inċident bil-karozza, u minn dakinhar spiċċat ivvizjata tibla’ l-pilloli tal-uġigħ. Aktar tard, il-ġenituri tagħha ddivorzjaw. Wara relazzjoni qasira li kellha hija spiċċat tqila, u l-vizzju tagħha baqgħet ma ħelsitx minnu. Iżda lejla waħda, hija bdiet taħseb dwar il-kaos u t-taħwid li kienet fih ħajjitha u qalet lilha nnifisha, “Daqshekk,” Hija talbet lis-Salvatur Ġesù Kristu biex jgħinha. Hija qalet li ndunat li Ġesù Kristu kien saħansitra aktar b’ saħħtu miċ-ċirkustanzi terribbli li kienet tinsab fihom u li hi setgħet tiddependi fuq il-qawwa Tiegħu hekk kif hija bdiet miexja fit-triq tal-indiema.

Għaliex hija marret lura lejn il-Mulej u lejn it-triqat Tiegħu, hija spiċċat biex bidlet il-futur tagħha u tat-tifel ċkejken tagħha kif ukoll tar-raġel ġdid tagħha li hi żżewġet. Hija mara twajba; hija għandha qalb lesta li tgħin lil kull min żbalja u jrid jinbidel. U bħalna lkoll, hija mhijiex perfetta, iżda hija taf kif għandha tindem u kif tkompli tipprova.

It-tieni hi li għandna nkunu artikolati. Li tkun artikolat ifisser li tesprimi b’ mod ċar kif inti tħossok dwar xi ħaġa u għalfejn tħossok hekk. Aktar kmieni din is-sena, daħal kumment fuq il-paġna tal-Facebook tiegħi li kien jiddisprezza l-Kristjanità. Jiena qrajtu u ħassejtni ftit irrabjata, iżda injorajtu. Iżda xi ħadd li kont naf li ma kenitx tal-istess twemmin tagħna rrispondiet billi għamlet kumment hi wkoll. Hija kitbet: “Dan huwa eżattament l-oppost ta’ dak li kien jirrappreżenta Ġesù—fi żmienu huwa kien … bniedem radikali għaliex huwa … kien iħares lejn kulħadd l-istess fid-dinja. … Huwa tkellem mal-prostituti … ma’ dawk li jiġbru t-taxxa … , kien ħabib ta’ nisa u tfal vulnerabbli … , u qalilna l-istorja tas-Samaritan it-Tajjeb. … Dan juri … li l-vera Kristjani għandhom jaraw li jkunu l-AKTAR nies li jafu jħobbu fid-dinja.” Meta jiena qrajt dan, jiena għidt bejni u bejn ruħi, “Għalfejn dal-kliem ma ktibtux jien?”

Ilkoll kemm aħna jeħtieġ li nartikulaw aħjar ir-raġunijiet għalfejn aħna nemmnu dak li nemmnu. Kif tħossukom dwar Ġesù Kristu? Għalfejn tibqgħu fil-Knisja? Għalfejn temmnu li l-Ktieb ta’ Mormon huwa skrittura? Intom fiex issibu l-paċi tagħkom? Għalfejn huwa importanti li fis-sena 2017 il-profeta għandu xi ħaġa x’ jgħidilna? Intom kif tafu li hu verament profeta? Użaw leħinkom u l-qawwa tagħkom kollha biex tartikulaw dak li intom tafu u tħossu—fuq il-midja soċjali, fil-konverżazzjonijiet kwieti li jista’ jkollkom ma’ sħabkom, u meta tkunu qed titkellmu man-neputijiet tagħkom. Għidulhom dak li temmmnu fih, kif tħossukom, jekk qattx kellkom xi dubji, kif irnexxielkom tegħlbu dawk il-mumenti u xi jfisser għalikom Ġesù Kristu. Kif qal l-Appostlu Pietru, “Tibżgħux … ; lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom; kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom.”4

It-tielet hi li għandna nkunu differenti. Ippermettuli ngħidilkom storja li seħħet f’ Lulju li għadda fil-Bajja ta’ Panama City ġewwa Florida.5 Tard wara nofsinhar, Roberta Ursrey rat liż-żewġ uliedha subien fil-baħar jgħajjtu għall-għajnuna xi 100 jarda (90 ‘il bogħod mix-xatt. Huma nqabdu f’ kurrent qawwi u l-baħar beda joħroġhom ‘il barra. Koppja li kienu jinsabu viċin bdew jippruvaw isalvaw lit-tfal, iżda huma wkoll spiċċaw inqabdu fil-kurrent. Għalhekk il-membri tal-familja Ursrey qabżu wkoll fil-baħar biex isalvaw lill-għawwiema li kienu qed jitqabdu mal-ilma u fi ftit ħin spiċċa kien hemm disa’ minn nies li nqabdu fil-kurrent.

Ma kien hemm l-ebda ħbula. Max-xatt ma kienx hemm nies tas-salvataġġ. Il-pulizija bagħtu l-lanċa tas-salvataġġ, iżda dawn in-nies kienu ilhom mal-20 minuti jitqabdu fl-ilma, u huma kienu għajjenin ħafna u rashom bdiet nieżla taħt l-ilma. Fost dawk li kienu qed iħarsu minn fuq ix-xtajta kien hemm Jessica Mae Simmons. Żewġha ġietu idea li huma lkoll jiffurmaw katina umana. Huma bdew isejħu lil dawk kollha li kienu max-xatt biex imorru jgħinuhom, u għexieren ta’ nies qabdu id f’ id u mmarċjaw flimkien għal ġol-baħar. Jessica kitbet, “Li tara nisa u rġel minn razez differenti jingħaqdu flimkien biex jgħinu nies li ASSOLUTAMENT ma jafuhomx minn Adam kienet dehra mill-aktar meraviljuża!!”6 Katina sħiħa ta’ 80 ruħ laħqet sa fejn kien hemm l-għawwiema. Agħtu ħarsa lejn dan ir-ritratt biex taraw dak il-mument inkredibbli.

Għawwiema joħolqu katina umana

Kull min kien hemm fil-bajja beda jaħseb fuq soluzzjonijiet konvenzjonali u ħadd ma kien jaf x’ se jaqbad jagħmel. Iżda kien hemm mara u raġel li, f’ ħakka t’għajn, ħasbu f’ soluzzjoni differenti. L-innovazzjoni u l-kreattività huma doni spiritwali. Meta aħna nżommu l-patti tagħna, dan jaf iwassalna biex aħna nkunu differenti minn oħrajn mill-istess kultura u soċjetà tagħna, iżda dan jagħtina aċċess għall-ispirazzjoni biex inkunu nistgħu naħsbu f’ soluzzjonijiet differenti, f’ modi differenti u f’ applikazzjonijiet differenti. Fid-dinja ta’ madwarna aħna mhux dejjem se nħossuna komdi, iżda li nkunu differenti b’ mod pożittiv jista’ jwassalna biex inkunu ta’ għajnuna għal ħaddieħor.

Ir-raba’ hi li għandna nkunu distinti. Li tkun distint ifisser li tkun verament rikonoxxibbli. Ippermettuli nerġa’ lura għall-istorja dwar Jessica Mae Simmons fil-bajja. La darba l-katina umana bdiet tersaq lejn l-għawwiema, hija kienet taf li issa hi setgħet tmur tgħinhom. Jessia Mae qalet, “Jien kont kapaċi nżomm in-nifs … u kont kapaċi ngħum b’ faċilità madwar il-pixxina Olimpika! Jiena kont naf kif stajt niskapula dak il-kurrent. Jiena kont naf li stajt nikkonvinċi lill-għawwiema kollha biex jiffurmaw katina umana.”7 Hi u żewġha qabdu f’ idejhom żewġ bords tas-surfing u telqu jgħumu tul il-katina sakemm huma u persuna oħra waslu sa fejn kien hemm l-għawwiema, u mbagħad għabbewhom wieħed wieħed u waħda waħda lura lejn il-katina fejn għaddewhom lil xulxin sakemm wassluhom sax-xatt, ‘il bogħod mill-periklu li kienu fih. Jessica kellha kapaċità mill-aktar distinta: kienet taf kif tgħum kontra l-kurrent.

L-evanġelju rrestawrat huwa xi ħaġa verament rikonoxxibbli. Iżda jeħtieġ li aħna nkunu distinti dwar kif għandna nimxu warajh. Bl-istess mod kif Jessica kienet titħarreġ bħala għawwiema, aħna jeħtieġ li nitħarrġu fil-mod kif ngħixu l-evanġelju qabel ma nesperjenzaw xi emerġenza ħalli, mingħajr ebda biża’, aħna nkunu b’ saħħitna biżżejjed biex ngħinu meta ħaddieħor ikun qed jinġarr mal-kurrent.

U finalment, il-ħames hi li għandna nkunu kapaċi nwettqu mill-wieħed sal-erbgħa bil-ferħ. Li tkun ferħan ma jfissirx li jkollok tbissima artifiċjali fuq ħaddejk, irrelevanti xi jkun għaddej madwarek. Iżda jfisser li nżommu l-liġijiet ta’ Alla u li nibnu lill-oħrajn u ntaffu t-tbatija tagħhom.8 Meta aħna nibnu lill-oħrajn, meta aħna ntaffu t-tagħbija tagħhom, nispiċċaw biex inbierku ħajjitna b’ barkiet li l-ebda sfida ma tista’ żżomna milli nirċievu. Jiena għandi kwotazzjoni mill-President Gordon B. Hinckley li poġġejtha f’ post fejn inkun nista’ naraha kuljum. Huwa qal: “Intom … xejn ma tistgħu tibnu mill-pessimiżmu jew miċ-ċiniżmu. Ħarsu ‘l quddiem b’ ottimiżmu, aħdmu bil-fidi u taraw l-affarijiet iseħħu quddiemkom.”9

Elsa, tifla ta’ 13-il sena, li l-familja tagħha se jmorru jgħixu 1,800 mil (2,900 km) ‘il bogħod minn sħabha ġewwa Baton Rouge, Louisiana, hija sewwasew eżempju ta’ dan l-ispirtu ferħan u ottimist. Mhux faċli xejn meta jkun għad għandek 13-il sena li tmur tgħix f’ post ġdid. Tifhmu li Elsa ħassitha inċerta dwar din il-bidla, għalhekk missierha ta barka. Sewwasew fil-ħin li kienet qed tingħata l-barka, il-mowbajl ta’ ommha għamel ħoss li kien jindika li kien daħallha messaġġ. It-tfajliet li joqogħdu ġewwa Louisiana kienu bagħtulha din l-istampa bil-kliem “Jekk jogħġbok ejja fil-qasam tagħna!”10

Tfajliet iżommu tabella ta’ merħba

Dawn it-tfajliet kienu ottimisti li huma kienu se jingwalawha ma’ Elsa qabel lanqas biss kienu għadhom iltaqgħu magħha. L-entużjażmu tagħhom wassal biex Elsa timtela b’ ottimiżmu dwar iċ-ċaqliqa li kienu se jagħmlu u kien tweġiba għal talbha dwar jekk verament kollox kien se jkun sew.

Mill-ferħ u l-ottimiżmu toħroġ ċerta enerġija li mhux sempliċiment tasal biex tberikna— iżda twassal ukoll biex tibni lil dawk kollha madwarna. Kull ħaġa żgħira li intom tagħmlu biex tixgħelu l-veru ferħ f’ ħaddieħor tindika li intom diġà tinsabu ġġorru t-torċa li ġiet mixgħula mill-President Kimball.

Jiena kelli biss 15-il sena meta l-President Kimball għamel dak id-diskors. Aħna lkoll li għandna aktar minn 40 sena ilna minn dak inhar niġu ggwidati minn dak li qalilna l-President Kimball. Illum jiena nħares lejkom kollha li għandkom 8 snin, 15-il sena, 20 sena u 35 sena u minn hawn se ngħaddi din it-torċa lilkom. Intom il-mexxejja futuri f’ din il-Knisja, u jiddependi minnkom li ġġorru ‘l quddiem dan id-dawl u tgħinu biex tiġi fis-seħħ din il-profezija. Aħna li għandna aktar minn 40 sena ngħaqqdu dirgħajna ma’ tagħkom u nħossu l-qawwa u l-enerġija tagħkom. Aħna għandna bżonnkom.

Isimgħu ftit xi tgħid din l-iskrittura li nsibu fid- Duttrina u Patti 49:26–28. Għalkemm l-iskrittura taf inkitbet minħabba ċirkustanzi differenti, iżda illejla bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, nittama li tkun għalikom is-sejħa personali tagħkom għal din il-ħidma sagra.

“Araw, jiena ngħidilkom, morru kif ikkmandajtkom jien; indmu minn dnubietkom kollha; itolbu u tirċievu; ħabbtu u jiftħulkom.

“Araw, jiena mmur qabilkom u nimxi warajkom; u jien se nkun f’ nofskom u intom ma titħawdux.

“Araw, jiena Ġesù Kristu u dalwaqt ġej.”11

Nappellalkom ilkoll biex tpoġġu lilkom infuskom f’ post fejn tkunu tistgħu tħossu l-imħabba ġeneruża li għandu Alla għalikom. Ma tistgħux tpoġġu lilkom infuskom lil hinn minn dik l-imħabba. Meta intom tħossu l-imħabba Tiegħu, meta intom tħobbuh, intom tindmu u żżommu l-kmandamenti Tiegħu. Meta intom żżommu l-kmandamenti Tiegħu, Huwa jkun jista’ jużakom fil-ħidma Tiegħu. Il-ħidma u l-glorja Tiegħu hija l-eżaltazzjoni u l-ħajja eterna tal-bnedmin.

Il-profeti qegħdin isejħu lilna n-nisa. Lesti li tkunu twajbin? Lesti li tartikulaw il-fidi tagħkom? Lesti li tkunu distinti u differenti? Tgħid il-ferħ tagħkom, minkejja l-isfidi li se tħabbtu wiċċkom magħhom, se jwassalkom biex oħrajn li huma twajbin u nobbli u li għandhom bżonn il-ħbiberija tagħkom jinġibdu lejkom? Lesti li tixegħlu d-dawl tagħkom? Jiena nixhed li l-Mulej Ġesù Kristu se jkun jinsab quddiemna u se jkun ukoll f’ nofsna.

Jiena se nikkonkludi bil-kliem tal-profeta maħbub tagħna, Thomas S. Monson: “Għeżież ħuti, dan huwa l-jum tagħkom, dan huwa l-mument tagħkom.”12 F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Il-President Brigham Young: “Araw li l-aħwa nisa jorganizzaw is-Soċjetajiet tal-Għajnuna għan-Nisa f’ diversi oqsma. Fostna għandna ħafna nisa ta’ talent, u nixtieq l-għajnuna tagħhom f’ din il-ħaġa. Xi wħud jafu jaħsbu li din hija ħaġa trivjali, iżda mhijiex; u għad tindunaw li s-sisters huma l-forza li timmotiva dan il-moviment” (f’ Daughters in My Kingdom: The History and Work of Relief Society (2011), 41.

    Il-President Lorenzo Snow: “Lilkom dejjem issibkom taħdmu viċin tas-Saċerdozju, lesti … li tagħmlu l-parti tagħkom biex tgħinu tmexxu ‘l quddiem l-interessi tas-saltna ta’ Alla; u hekk kif intom kellkom sehem f’ din il-ħidma, hekk ukoll m’hemmx dubju li intom se jkollkom sehem fit-trijonf tal-ħidma u fl-eżaltazzjoni u l-glorja li l-Mulej se jagħti lil uliedu l-fidili” (f’ Daughters in My Kingdom, 7).

    Il-President Spencer W. Kimball: “Nemmen li għadna ma ħadniex vantaġġ sħiħ mill-qawwa li teżisti f’ din l-organizzazzjoni tas-Soċjetà tal-Għajnuna, liema qawwa ssaħħaħ id-djar ta’ Sijon u tibni s-Saltna ta’ Alla—u dan mhux se jseħħ qabel ma s-sisters u l-aħwa tas-saċerdozju jifhmu sew il-viżjoni tas-Soċjetà tal-Għajnuna ” (f’ Daughters in My Kingdom, 142).

    Il-President Howard W. Hunter: “Hawn bżonn kbir li nħeġġu lin-nisa tal-Knisja biex jieqfu flimkien u mal-Aħwa biex flimkien jiġġieldu kontra l-influwenza tal-ħażen li hawn madwarna u jmexxu ‘l quddiem il-ħidma tas-Salvatur tagħna. … Għalhekk aħna nitolbukom biex tużaw l-influwenza qawwija tagħkom għat-tajjeb biex issaħħu l-familji tagħna, il-knisja tagħna u l-komunitajiet tagħna” (f’ Daughters in My Kingdom, 157).

    President Gordon B. Hinckley: “Teżisti qawwa u kapaċità kbira fin-nisa ta’ din il-Knisja. Teżisti tmexxija u direzzjoni, jeżisti ċertu spirtu ta’ indipendenza, u madankollu sodisfazzjon kbir li tkunu tagħmlu parti minn din, is-saltna tal-Mulej, u li taħdmu id f’ id mas-saċerdozju biex tmexxuha ‘l quddiem” (f’ Daughters in My Kingdom, 143).

    Il-President Thomas S. Monson, jikkwota lil Belle Smith Spafford, id-disa’ President Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna: “Qatt ma kien hawn żmien li fih in-nisa kellhom influwenza akbar milli għandhom fid-dinja tal-lum. Il-bibien tal-opportunità qatt ma kienu daqshekk miftuħin għalihom. Għan-nisa dan huwa żmien ta’ stedina u ta’ sfida, żmien eċċitanti u eżiġenti. Huwa żmien li fih nistgħu verament niġu ppremjati jekk aħna nżommu l-bilanċ, nitgħallmu l-veru valuri tal-ħajja u b’ għaqal niddeterminaw x’ inhuma l-prioritajiet tagħna’ [A Woman’s Reach (1974), 21]. Għeżież ħuti, dan huwa l-jum tagħkom, dan huwa l-mument tagħkom” (“The Mighty Strength of the Relief Society,” Ensign, Nov. 1997, 95).

    Il-President Russell M. Nelson: “Nitlob lil ħuti n-nisa tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem biex jagħmlu pass ‘il quddiem! Araw li tokkupaw il-post xieraq u bżonjuż tagħkom fi djarkom, fil-komunità tagħkom u fis-saltna ta’ Alla—aktar minn qatt qabel. Nitlobkom biex iġġibu fis-seħħ il-profezija tal-President Kimball. U jiena nwegħidkom f’ isem Ġesu Kristu li hekk kif intom tagħmlu dan, l-Ispirtu s-Santu ikabbar l-influwenza tagħkom aktar minn qatt qabel!” (“A Plea to My Sisters,” Liahona, Nov. 2015, 97).

  2. Ara l-vidjo ta’ Sister Camilla Kimball taqra d-diskors tal-President Spencer W. Kimball’s f’ conference.lds.org; ara wkoll Spencer W. Kimball, “The Role of Righteous Women,” Ensign, Nov. 1979, 102–4.

  3. Spencer W. Kimball, “The Role of Righteous Women,” 103–4; enfażi miżjuda.

  4. 1 Slaten 3:14–15.

  5. Ara McKinley Corbley, “80 Beachgoers Form Human Chain to Save Family Being Dragged Out to Sea by Riptide,” 12 ta’ Lulju, 2017, goodnewsnetwork.org.

  6. Jessica Mae Simmons, f’ Corbley, “80 Beachgoers Form Human Chain.”

  7. Simmons, f’ Corbley, “80 Beachgoers Form Human Chain.”

  8. Ara Alma 41:10; 34:28; Doctrine and Covenants 38:27; Luqa 16:19–25.

  9. Teachings of Presidents of the Church: Gordon B. Hinckley (2016), 71.

  10. Nota minn Virginia Pearce family.

  11. Doctrine and Covenants 49:26–28.

  12. Thomas S. Monson, “The Mighty Strength of the Relief Society,” 95.