2010-2019
Kunu Mela Perfetti—Eventwalment
Ottubru 2017


Kunu Mela Perfetti—Eventwalment

Jekk aħna nibqgħu nippersistu, imbagħad għad jasal żmien fl-eternità fejn aħna naslu biex nirraffinaw ruħna kompletament.

L-iskrittura nkitbet biex tberikna u tħeġġiġna, u m’hemmx dubju li hekk tagħmel. Aħna nirringrazzjaw is-smewwiet għal kull kapitlu u kull vers li aħna ngħatajna. Iżda intom innotajtu li xi kultant quddiemna bħallikieku jitfaċċa passaġġ li jfakkarna li aħna mhux qed nirnexxu daqs kemm fil-fatt nixtiequ? Per eżempju, id-Diskors fuq il-Muntanja jibda b’ għadd ta’ beatitudnijiet mill-aktar ġentili, iżda fil-versi ta’ wara, aħna ġejna mitlubin—fost ħwejjeġ oħra—mhux biss biex ma noqtlux iżda wkoll biex ma nirrabjawx. Mitlubin mhux biss biex ma nwettqux adulterju iżda biex saħansitra ma naħsbu l-ebda ħsibijiet impuri. Lil min jitlobna l-libsa għandna nagħtuh ukoll il-mantar. Aħna għandna nħobbu lill-għedewwa tagħna, imbierku lil dawk li jistħtuna, u nagħmlu l-ġid lil dawk li jobogħduna.1

Jekk dik tkun l-iskrittura li aħna nistudjaw filgħodu, u wara li naqraw dan kollu aħna nħossuna ċerti li se nsibuha diffiċli nimxu wara dawn il-kmandamenti kollha, allura jien naħseb li se nsibuha diffiċli wkoll nimxu wara l-aħħar kmandament li ġejna mogħtija: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom … li hu fis-smewwiet.”2 B’ dan l-aħħar kmand, aħna nkunu nixtiequ nerġgħu mmorru lura fis-sodda u naħbu rasna taħt il-kutri. Nibdew inħossu li se jkunu ferm diffiċli għalina li niksbu dawn l-għanijiet ċelestjali. Iżda madankollu l-Mulej qatt mhu se jagħtina kmandament li Huwa jaf li mhux se nkunu kapaċi nżommu. Ejjew naraw ftit x’ nistgħu nagħmlu dwar din id-dilemma.

Nisma’ ħafna membri tal-Knisja li għandhom diffikultà jifhmu din il-ħaġa. “Jien mhux tajjeb biżżejjed.” “Jiena wisq imperfett.” “Qatt mhu se nkun kapaċi nkun den biżżejjed.” Nisma’ dan minn fomm iż-żgħażagħ. Nisma’ dan minn fomm il-missjunarji. Nisma’ dan minn fomm il-membri l-ġodda. Nisma’ dan minn fomm dawk li ilhom membri ħajjithom kollha. Waħda Qaddisa tal-Aħħar Jiem mill-aktar intuwittiva, Sister Darla Isackson, osservat li Satana b’ xi mod irnexxielu jpinġi l-patti u l-kmandamenti bħallikieku huma xi saħta jew xi kundanna. Xi wħud ħallewh jibdel l-ideali u l-ispirazzjoni tal-evanġelju f’ xi ħaġa ta’ stmerrija lejhom infushom u li tagħmilhom miżerabbli.3

Dak li jien se ngħid bl-ebda mod ma jiċħad jew inaqqas mill-importanza ta’ xi wieħed mill-kmandamenti li qatt xi darba tana Alla. Jiena nemmen fil-perfezzjoni Tiegħu, u naf li aħna l-ulied spiritwali Tiegħu b’ potenzjal divin li nsiru bħalu. Naf ukoll li, bħala ulied Alla, aħna m’ għandniex niddegradaw jew inkasbru lilna nfusna, għax billi nsawtu lilna nfusna aħna qatt mhu se nsiru l-persuna li jridna nsiru Alla. Le! B’ rieda li nindmu u b’ xewqa f’ qalbna li nsiru nies aħjar milli aħna llum, nittama li aħna nippruvaw insiru bnedmin aħjar mingħajr ma nispiċċaw kollna ulċeri jew b’ anoressja, u mingħajr ma naqgħu f’ xi dipressjoni jew innaqsu l-kunfidenza fina nfusna. Dan mhux dak li jrid il-Mulej għat-tfal tal-Primarja jew għal xi ħadd li b’ onestà jkanta, “Qed nipprova nsir bħal Ġesù.”4

Biex inqiegħed dan f’ kuntest, ippermettuli infakkarkom li aħna ninsabu ngħixu f’ dinja mitlufa u għal issa aħna nies mitlufin. Aħna ninsabu fis-saltna telestjali ; li tibda bl-ittra t, u mhux bl-ittra ċ. Kif għallem il-President Russell M. Nelson, hawnhekk fil-mortalità il-perfezzjoni għadna qed “nistennewha.”5

Għalhekk jiena nemmen li l-intenzjoni ta’ Ġesù meta waqt id-diskors Tiegħu huwa tkellem dwar dan is-suġġett ma kenitx li jċanfarna verbalment dwar in-nuqqasijiet tagħna. Le, jien nemmen li l-intenzjoni Tiegħu kienet li huwa jgħidilna min hu u x’inhu Alla l-Missier Etern u kif aħna nistgħu niksbu flimkien Miegħu l-eternità. Madankollu, jiena grat għall-għarfien tiegħi li, minkejja l-imperfezzjoni tiegħi, tal-anqas hemm Alla li hu perfett—tal-anqas hemm Hu li huwa kapaċi, per eżempju, iħobb lill-għedewwa Tiegħu, għaliex ħafna drabi, minħabba “l-bniedem naturali”6 li hemm ġewwa fina, jien u intom xi kultant nafu nkunu sewwasew dak l-istess għadu. Kemm jiena grat li Alla tal-anqas jista’ jbierek lil dawk li jippersegwitawh għaliex, mingħajr ma rridu jew bl-ebda intenzjoni ħażina, aħna lkoll xi kultant nippersegwitawh. Jiena grat li Alla huwa ħanin u huwa dak li jżomm il-paċi għaliex jiena neħtieġ il-ħniena u d-dinja teħtieġ il-paċi. Bla dubju, dak kollu li aħna nistgħu ngħidu dwar il-virtujiet tal-Missier nistgħu ngħiduh ukoll dwar l-Uniku Mnissel Tiegħu, li daqstant ieħor għex u miet perfett.

Ikolli ngħid li l-fatt li aħna niffukaw fuq dak li kisbu l-Missier u l-Iben minflok niffukaw fuq in-nuqqasijiet tagħna mhux se jwassal biex jiġġustifika l-ħajja bla dixxiplina tagħna jew li aħna nbaxxu l-istandards tagħna. Le, mill-bidu nett l-għan tal-evanġelju dejjem kien biex “jitrawmu l-qaddisin, … sakemm aħna … insiru … bnedmin magħmula, fl-aħjar ta’ żmienna, u hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.”7 Jiena sempliċiment qed nissuġġerixxi li tal-anqas għan wieħed li għandha l-iskrittura jew li għandu kmandament huwa li jfakkarna kemm hija ħaġa meraviljuża li “sseħħ il-milja ta’ Kristu”8 li tispira fina mħabba u ammirazzjoni akbar lejh u xewqa akbar li aħna nsiru bħalu.

“Iva, ersqu lejn Kristu, u kunu pperfezzjonati fih … ,” saħaq Moroni. “Ħobbu lil Alla b’ saħħitkom kollha, b’ moħħkom kollu, u bil-qawwa tagħkom kollha, imbagħad … bil-grazzja tiegħu intom tistgħu tiġu pperfezzjonati fi Kristu.9 L-unika tama tagħna għall-vera perfezzjoni hi li nirċevuha bħala rigal mis-smewwiet—ma nistgħux “niksbuha bil-ħila tagħna”. B’hekk, il-grazzja ta’ Kristu toffrilna mhux biss is-salvazzjoni min-niket, mid-dnub u mill-mewt iżda wkoll salvazzjoni milli, b’ mod persistenti, nikkritikaw lilna nfusna.

Ippermettuli nuża waħda mill-parabboli tas-Salvatur biex ngħid dan b’ mod daqsxejn differenti. Wieħed qaddej kellu jagħti lis-sultan tiegħu b’ kemm jiswew 10,000 talent. Meta sema’ lill-qaddej jittallab għall-paċenzja u l-ħniena, “is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, u … ħafirlu … dejnu.” Iżda mbagħad dak l-istess qaddej ma riedx jaħfer lil qaddej bħalu li kellu jagħtih 100 dinar. Meta sema’ b’ dan, is-sultan qal b’ diqa lil dak li huwa kien ħafirlu, “Ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”10

L-istudjużi mhux kollha jaqblu dwar il-valur monitarju msemmi hawnhekk—u ippermettuli nagħmel referenza għall-flus Amerikani—iżda biex nagħmilha aktar faċli, jekk fi żmienna l-anqas dejn li ma ġiex maħfur ta’ 100 dinar kien, biex ngħid hekk, 100 dollaru, mela fi żmienna d-dejn ta’ 10,000 talent li ġie maħfur b’ faċililtà jsarraf madwar biljun  dollaru—jew aktar!

Bħala dejn personali, din hija ċifra astronomika—li diffiċli nimmaġinawha. (Bħallikieku xi ħadd se jaħfer dak l-ammont!) Mela, għall-għan ta’ din il-parabbola, din iċ-ċifra suppost hija waħda inkomprensibbli; suppost hija waħda diffiċli nifhmuha, biex ma ngħidx ukoll diffiċli ħafna nifduha lura. Dan għaliex din mhijiex storja mit-Testment il-Ġdid dwar żewġ qaddejja jargumentaw . Hija storja dwarna, il-familja mitlufa umana—il-midjunin, il-midinbin u l-priġunieri mortali kollha. Kull wieħed u waħda minna aħna nies midjunin, u l-verdett għal kull wieħed u waħda minna kien li niġu mitfugħin f’ ħabs. U hemm konna nibqgħu lkoll jekk mhux għall-grazzja ta’ Sultan li ħelisna għaliex iħobbna u “mimli kompassjoni lejna.”11

Hawnhekk Ġesù uża kejl daqstant kbir għaliex l-Att tal-Fidwa Tiegħu huwa rigal daqstant kbir mogħti lilna bi prezz inkomprensibbli. Jien jidhirli li din hija dak li ried ifisser Ġesù meta qalilna biex inkunu perfetti. Huwa jaf li bħalissa aħna m’ aħniex kapaċi nuru l-perfezzjoni li tiswa 10,000 talent li kisbu l-Missier u l-Iben, iżda mhijiex ħaġa kbira li Huma qed jitolbuna biex aħna nkunu nixbhuhom ftit aktar fi ħwejjeġ żgħar, li aħna nitkellmu u naġixxu, inħobbu u naħfru, nindmu u nitjiebu tal-anqas fil-livell tal-100 dinar ta’ perfezzjoni, li żgur li hija xi ħaġa li aħna kapaċi nagħmluha.

Ħuti, ħlief għal Ġesù, ma kien hawn ħadd aktar li mexa l-vjaġġ tiegħu f’ din id-dinja b’ perfezzjoni, l-istess vjaġġ li ninsabu nimxu aħna; għalhekk filwaqt li ninsabu fil-mortalità, ejjew nagħmlu li nistgħu biex nitjiebu verament mingħajr ma niffissaw fuq dak li x-xjentisti isejħulu “perfezzjoniżmu tossiku.”12 Aħna għandna nevitaw li l-aspetattiva tagħna dwarna nfusna u dwar ħaddieħor tkun waħda eċċessiva u hawn irrid ninkludi wkoll l-aspetattiva ta’ dawk imsejħin li jservu fil-Knisja—li għall-Qaddisin tal-Aħħar Jiem ifisser kulħadd, għaliex aħna lkoll msejħin biex inservu x’ imkien.

F’ dan ir-rigward, Leo Tolstoy darba kiteb dwar qassis li kien ġie kkritikat minn wieħed li kien jagħmel parti mill-kongregazzjoni tiegħu li huwa ma kienx qed jgħix b’ mod riżolut daqs kemm hu xieraq, fejn il-kritiku wasal għall-konklużjoni li bilfors illi l-prinċipji li dan il-predikatur, li kien jinsab fl-iżball, kien għallem kienu żbaljati.

Bi tweġiba għal din il-kritika, il-qassis qal: “Ħares lejn ħajti illum u qabbilha mal-ħajja passata tiegħi. Inti jirnexxilek tara li jiena qed nipprova ngħix il-verità li jiena ngħallem.” B’ diffikultà li jgħix l-istandards għoljin li hu stess kien jgħallem, il-qassis ammetta li huwa kien falla f’ dan. Iżda huwa saħaq:

“Attakkani, jekk trid hekk, tibżax anke jiena stess nikkritika lili nnifsi, iżda tattakkax … it-triq li nimxi fiha. … Jekk jiena naf liema hija t-triq li twassalni lura d-dar iżda jien ninsab miexi fiha xurban, allura taħseb li din it-triq hija anqas tajba sempliċiment għaliex jiena ninsab inserrep min-naħa għall-oħra?

“… Tgħajjatx b’ sodisfazzjon, ‘Ħarsu lejh! … Hemm hu arawh jitkaxkar ġol-ħama!” Le, takkużawx, iżda offru … l-għajnuna tagħkom lil kull min qed jipprova jimxi din it-triq lura lejn Alla.”13

Ħuti, kull wieħed u waħda minna jaspira li jirnexxilu jixbah lil Kristu aktar milli ħafna drabi jirnexxilu jagħmel dan f’ din il-ħajja. Jekk aħna b’ onestà nammettu dan, u qegħdin nippruvaw inkunu nies aħjar, aħna ma nkunux ipokriti; aħna nkunu umani. Jallla aħna nirrifjutaw li nħallu l-bluhat mortali tagħna, u n-nuqqasijiet inevitabbli ta’ saħansitra l-aktar nies twajbin madwarna, iwassluna biex insiru ċiniċi dwar il-veritajiet tal-evanġelju, il-verità tal-Knisja, it-tama tagħna għall-ġejjieni jew il-possibiltà li aħna niksbu d-divinità. Jekk aħna nibqgħu nippersistu, imbagħad għad jasal żmien fl-eternità fejn aħna naslu biex nirraffinaw ruħna kompletament—li fit-Testment il-Ġdid hija t-tifsira ta’ perfezzjoni.14

Jiena nixhed dwar dak id-destin grandjuż, li hu disponibbli għalina lkoll permezz tal-Att tal-Fidwa tal-Mulej Ġesù Kristu, liema destin Huwa stess kiseb “grazzja wara grazzja”15 sakemm fl-immortalità Tiegħu16 Huwa rċieva l-milja perfetta tal-glorja ċelestjali.17 Jiena nixhed li f’ din is-siegħa u f’kwalunkwe ħin ieħor huwa qiegħed, bl-idejn Tiegħu mtaqqbin mill-imsiemer, joffrilna dik l-istess grazzja, bla ma jaqta’ qalbu minna, anzi jinkuraġġina, u jirrifjuta li jħallina weħidna sakemm aħna naslu d-dar mingħajr periklu u hemmhekk niġu mħaddnin mill-Ġenituri tagħna tas-Smewwiet. Għal dak il-mument perfett jiena nkompli nagħmel dak kollu li nista’, minkejja l-limitazzjonijiet tiegħi. Għal dak ir-rigal perfett, jiena nkompli noffri r-ringrazzjament tiegħi, minkejja l-inadegwatezza tiegħi. Jiena nagħmel dan sewwasew fl-isem tal-Perfezzjoni nnifsu, ta’ dak li qatt ma kien limitat jew inadegwat iżda li jħobbna lkoll, aħna min aħna, sewwasew il-Mulej Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Mattew 5:1–47.

  2. Mattew 5:48.

  3. Ara Darla Isackson, “Satan’s Counterfeit Gospel of Perfectionism,” Meridian Magazine, 1 ta’ Ġunju, 2016, ldsmag.com.

  4. “I’m Trying to Be like Jesus,” Children’s Songbook, 78–79.

  5. Ara Russell M. Nelson, ��Perfection Pending,” Ensign, Nov. 1995, 86–88.

  6. Mosiah 3:19.

  7. Efesin 4:12–13.

  8. Efesin 4:13.

  9. Moroni 10:32; enfażi miżjuda.

  10. Ara Mattew 18:24–33.

  11. Doctrine and Covenants 121:4.

  12. Ara Joanna Benson and Lara Jackson, “Nobody’s Perfect: A Look at Toxic Perfectionism and Depression,” Millennial Star, 21 ta’ Mar. 2013, millennialstar.org.

  13. “The New Way,” Leo Tolstoy: Spiritual Writings, sel. Charles E. Moore (2006), 81–82.

  14. Għal eżaminazzjoni ispirata tal-kelma Griega użata fit-Testment il-Ġdid għal perfett (“teleios”), ara d-diskors tal-President Russell M. Nelson mill-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 1995 “Perfection Pending” (Ensign, Nov. 1995, 86–87).

  15. Doctrine and Covenants 93:13.

  16. Ara Luqa 13:32.

  17. Ara Doctrine and Covenants 93:13.