Il-Vjaġġ Ikompli!
Il-vjaġġ tagħna lejn Missierna tas-Smewwiet huwa l-aktar vjaġġ importanti ta’ ħajjitna.
Mija u sebgħin sena ilu, Brigham Young ħares għall-ewwel darba lejn il-Wied ta’ Salt Lake u ddikjara, “Dan huwa sewwasew il-post!”1 Huwa kien jaf li dak kien il-post għaliex urieh dan il-Mulej.
Sas-sena 1869, aktar minn 70,000 Qaddis għamlu vjaġġ simili. Minkejja l-ħafna differenzi fil-lingwa, fil-kultura u fin-nazzjonalità, huma kellhom komuni bejniethom testimonjanza tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, tar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, u xewqa li huma jibnu flimkien Sijon—post ta’ paċi, ferħ u sbuħija bi tħejjija għat-Tieni Miġja tas-Salvatur.
Fost l-ewwel qaddisin li waslu ġewwa Utah kien hemm Jane Manning James—it-tifla ta’ skjav liberat, li kkonvertiet għall-Knisja rrestawrata, u li kienet dixxiplu mill-aktar meraviljuża li ħabtet wiċċha ma’ għadd ta’ sfidi kbar. Bħala mara Qaddisa tal-Aħħar Jiem, Sister James baqgħet fidila sal-mewt tagħha fl-1908.
Hija kitbet: “Sewwasew f’ dan il-mument jien nixtieq ngħid li l-fidi tiegħi fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu kif inhu mgħallem mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, għadha b’ saħħtiha llum, anzi, possibbilment aktar b’ saħħitha milli kienet fil-jum li fih ġejt mgħammda. Jiena nħallas id-dieċmi u l-offerti, inżomm il-kelma tal-għerf, immur norqod kmieni u nqum kmieni, u għalkemm dgħajfa, nipprova nkun ta’ eżempju tajjeb għal kulħadd.”2
Sister James, bħal ħafna Qaddisin tal-Aħħar Jiem oħra, mhux biss bniet Sijon permezz tad-demm, tal-għaraq u tad-dmugħ tagħha iżda wkoll billi fittxet il-barkiet tal-Mulej billi ppruvat tgħix il-prinċipji tal-evanġelju bl-aħjar mod li setgħet filwaqt li baqgħet iżżomm soda mal-fidi tagħha f’ Ġesù Kristu—l-akbar tabib li jista’ jkollhom dawk kollha li b’ sinċerità jfittxuh.
L-ewwel Qaddisin ma kinux perfetti, iżda huma stabbilixxew is-sisien li fuqhom illum aħna ninsabu nibnu familji u soċjetà li jħobbu u jżommu il-patti, li jiġu rrapportati f’ diversi stejjer tal-aħbarijiet madwar id-dinja minħabba l-impenn tal-membri tagħna lejn Ġesù Kristu u l-isforzi volontarji tagħna biex ngħinu lil dawk li huma kemm viċin kif ukoll ‘il bogħod minna.3
President Eyring, ippermettili nżid mal-apprezzament tiegħek l-apprezzament tiegħi ukoll lejn l-għexieren ta’ eluf ta’ anġli libsin il-flokkijiet sofor li qed iservu ġewwa Texas, il-Messiku u f’ postijiet oħra.
Jiena għandi konvinzjoni kbira li jekk aħna nitilfu r-rabta li aħna għandna ma’ dawk li ġew qabilna, fosthom missirijietna u ommijietna l-pijunieri, aħna nkunu tlifna teżor mill-aktar prezzjuż. Fil-passat jiena tkellimt dwar “Il-Fidi ma’ Kull Pass” u fil-ġejjieni se nkompli nagħmel dan għaliex naf li l-ġenerazzjoni li għadha tiela’ għandha jkollha l-istess tip ta’ fidi fil-Mulej Ġesù Kristu u fl-evanġelju rrestawrat Tiegħu li kellhom il-Qaddisin tal-ewwel żminijiet.4
Il-missirijiet u l-ommijiet pijunieri tiegħi kienu fost dawk il-pijunieri fidili li ġibdu l-karrijiet tal-idejn, rikbu l-vaguni u mxew lejn Utah. Huma, bħal Sister Jane Manning James, kellhom fidi profonda f’ kull pass li huma kienu qed jagħmlu hekk kif kienu għaddejjin bil-vjaġġ tagħhom.
Id-djarji tagħhom huma mimlija b’ deskrizzjonijiet ta’ mumenti diffiċli, ġuħ u mard kif ukoll b’ testimonjanzi tal-fidi tagħhom f’ Alla u fl-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.
Rikkezzi ftit li xejn kellhom iżda kienu jgawdu minn abbundanza ta’ barkiet mir-relazzjoni ta’ bejn l-aħwa li huma sabu fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Kull meta setgħu, huma farrġu lill-immarġinati u bierku lill-morda permezz tas-servizz li kienu jagħtu lil xulxin u permezz tas-saċerdozju ta’ Alla.
L-aħwa nisa ġewwa l-Wied ta’ Cache, f’ Utah, għenu lill-Qaddisin f’ ispirtu li jikkaratterizza s-Soċjetà tal-Għajnuna li “jaħdmu f’ unità biex jgħinu lil dawk fil-bżonn.”5 Il-bużnanna tiegħi Margaret McNeil Ballard serviet flimkien mar-raġel tagħha, Henry, hekk kif huwa għamel 40 sena jippresedi bħala l-isqof tat-Tieni Qasam ta’ Logan. Margaret għaddiet 30 sena minnhom bħala president tas-Soċjetà tal-Għajnuna tal-qasam. Hija laqgħet f’ darhom lill-foqra, lill-morda, lir-romol u l-orfni, u hija anke libbset lill-mejtin bl-ilbies nadif tagħhom tat-tempju.
Għalkemm huwa xieraq u importanti li niftakru l-vjaġġ storiku tal-pijunieri Mormoni tas-seklu 19, jeħtieġ li aħna niftakru li għal kull wieħed u waħda minna “il-vjaġġ fil-ħajja jkompli!” hekk kif aħna nittestjaw il- “fidi ma’ kull pass” tagħna.
Il-membri ġodda m’għadhomx aktar jinġabru f’ komunitajiet tal-pijunieri ġewwa l-Punent tal-Istati Uniti. Minflok, il-membri l-ġodda jinġabru fil-kongregazzjonijiet lokali tagħhom, fejn il-Qaddisin iqimu l-Missierna tas-Smewwiet f’ isem Ġesù Kristu. B’ aktar minn 30,000 kongregazzjoni mwaqqfa madwar id-dinja, ilkoll kemm huma jinsabu miġburin fis-Sijon tagħhom. Kif tgħidilna l-iskrittura, “Għaliex dan hu Sijon—dawk ta’ qalbhom safja.”6
Hekk kif aħna nimxu t-triq tal-ħajja, aħna niġu ttestjati biex nuru jekk aħniex lesti “nosservaw dak kollu li kkmandana l-Mulej Alla tagħna.”7
Ħafna minna ninsabu fuq vjaġġ meraviljuż ta’ skopertà—li jwassalna għal sodisfazzjoni personali u illuminazzjoni spiritwali. Xi wħud minna, madankollu, ninsabu fuq vjaġġ li jwassal għan-niket, għad-dnub, għad-diqa ta’ qalb u d-disperazzjoni.
F’ dan il-kuntest, jekk jogħġobkom staqsu lilkom infuskom: X’ inhi d-destinazzjoni finali tagħkom? Il-passi tagħkom fejn qed jeħdukom? U l-vjaġġ tagħkom qiegħed iressaqkom lejn “il-barkiet bla għadd” li wegħidna s-Salvatur?8
Il-vjaġġ tagħna lejn Missierna tas-Smewwiet huwa l-aktar vjaġġ importanti ta’ ħajjitna, u aħna nkomplu nimxuh kull ġurnata, kull ġimgħa, kull xahar, u kull sena hekk kif aħna nkabbru l-fidi tagħna fih u f’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu.
Jeħtieġ noqogħdu attenti fejn qed jeħduna l-passi tagħna fil-ħajja. Jeħtieġ inżommu għajnejna miftuħin u nagħtu kas tal-kunsill li Ġesù ta lid-dixxipli Tiegħu hekk kif Huwa wieġeb dawn il-mistoqsijiet: “Għidilna, dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal tal-miġja tiegħek u ta’ tmiem id-dinja?
“U Ġesù weġibhom, Araw li ħadd ma jqarraq bikom.”9
Illum jiena se nirrepeti ċerti kunsilli li kienu ġew mogħtija qabel mill-mexxejja tal-Knisja.
-
Ħuti, araw li d-duttrina ta’ Kristu żżommuha pura u li qatt ma tiġu mqarrqin minn dawk li jbagħbsu d-duttrina. L-evanġelju tal-Missier u l-Iben ġie rrestawrat permezz ta’ Joseph Smith, il-profeta ta’ din l-aħħar dispensazzjoni.
-
Tisimgħux minn dawk li ma ġewx ordnati u/jew distinti għas-sejħa tagħhom fil-Knisja u li ma ġewx sostnuti mill-membri tal-Knisja.10
-
Oqogħdu attenti minn organizzazzjonijiet, gruppi jew individwi li jiddikjaraw li għandhom xi tweġiba sigrieta għal xi mistoqsijiet duttrinali li jgħidu li l-appostli u l-profeti ta’ żmienna m’għandhomx tweġiba għalihom jew ma jifhmuhomx.
-
Tisimgħux minn dawk li jħajrukom b’ xi skemi ħalli tistgħanew malajr. Il-membri tagħna diġà tilfu ammonti kbar ta’ flus, għalhekk oqogħdu attenti.
F’ xi postijiet, ħafna min-nies tagħna qegħdin iħarsu lil hinn mit-tagħlim żvelat lilna u għall-fejqan u s-sapport huma qed ifittxu għarfien sigriet f ‘ċerti drawwiet li jqumu ħafna flus u mhux ta’ min jafdahom.
Dikjarazzjoni uffiċjali tal-Knisja, li ħarġet sena ilu, tiddikjara: “Aħna nisħqu mal-membri tal-Knisja biex joqogħdu attenti milli jipparteċipaw f’ xi grupp li jwiegħed—bi ħlas—fejqan mirakoluż jew li jiddikjara li għandu metodi speċjali kif jaċċessa l-qawwa tal-fejqan lil hinn minn dawk li ġew ordnati b’ mod xieraq għas-saċerdozju.”11
Il- Manwali tal-Knisja jgħid: “Il-membri m’għandomx jużaw drawwiet mediċi jew li huma relatati mas-saħħa li huma etikament jew legalment dubjużi. Il-mexxejja lokali għandhom jagħtu parir lil dawk il-membri li għaddejjin minn xi problemi ta’ saħħa biex jikkonsultaw ma’ tobba professjonali u kompetenti li huma liċenzjati fil-pajjiż fejn jipprattikaw.”12
Ħuti, kunu għaqlin u iftħu għajnejkom għax drawwiet bħal dawn verament jafu jħajrukom emozzjonalment iżda ultimament jafu jagħmlulkom il-ħsara kemm spiritwali kif ukoll fiżika.
Għall-antenati pijunieri tagħna, kien importanti ħafna li huma jkunu indipendenti u li ma jiddependux fuq ħaddieħor, iżda s-sens ta’ komunità kien daqstant ieħor importanti. Huma kienu jaħdmu flimkien u jgħinu lil xulxin jegħlbu l-isfidi fiżiċi u emozzjonali ta’ żmienhom. Għall-irġiel, kien hemm il-kworum tas-saċerdozju u n-nisa kienu jinqdew mis-Soċjetà tal-Għajnuna. L-istess fi żmienna.
Is-Soċjetà tal-Għajnuna u l-kworums tas-saċerdozju jipprovdu għall-benesseri spiritwali u temporali tal-membri tagħna.
Ibqgħu fit-triq tal-evanġelju billi jkollkom il- “fidi ma’ kull pass” ħalli tkunu tistgħu terġgħu lura fil-preżenza ta’ Missierna tas-Smewwiet u tal-Mulej Ġesù Kristu. Il-Mulej huwa s-Salvatur prezzjuż tagħna. Huwa l-Feddej tad-dinja. Għandna nonoraw l-isem sagru Tiegħu u m’għandna qatt nużawh b’ mod ħażin, u għandna dejjem nagħmlu l-almu tagħna biex inżommu l-kmandamenti Tiegħu. Jekk nagħmlu dan, Huwa jberikna u jmexxina lura d-dar mingħajr periklu.
Nistieden lil kull min qed jismagħni biex jilqa’ u jħaddan miegħu lil dawk kollha li llum jinsabu għaddejjin bil-vjaġġ tagħhom, irrelevanti fejn jinsabu bħalissa f’ dan il-vjaġġ.
Jekk jogħġobkom ftakru li m’hawn l-ebda messaġġ ikbar li bniedem jista’ jaqsam ma’ ħaddieħor mill-messaġġ tar-Restawrazzjoni, li, lil wieħed li jirċevih u jgħixu, iwiegħdu ferħ u paċi eterni—sewwasew il-ħajja eterna. Ejjew nużaw l-enerġija, il-qawwa u t-testimonjanza tagħna biex nassistu lill-missjunarji tagħna ħalli huma jsibu, jgħallmu u jgħammdu lil ulied Alla ħalli huma wkoll ikunu jista’ jkollom il-qawwa tad-duttrina tal-evanġelju biex tiggwida l-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Aħna neħtieġu li nħaddnu lil ulied Alla b’ kompassjoni u għandna neliminaw kull tip ta’ preġudizzji, inkluż ir-razziżmu, is-sessiżmu u n-nazzjonaliżmu. Jalla jingħad fuqna li aħna nies li verament nemmnu li l-barkiet tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu huma għall-ulied kollha ta’ Alla.
Jiena nixhed li “l-vjaġġ ikompli,” u nistedinkom biex tibqgħu mexjin fit-triq tal-evanġelju hekk kif tkomplu mexjin ‘il quddiem billi tilħqu lill-ulied kollha ta’ Alla b’ imħabba u kompassjoni, biex aħna flimkien inkunu nistgħu nkunu ta’ qalb safja u ta’ jdejn nodfa biex nirċievu “l-barkiet bla għadd” li hemm jistennew lil dawk li verament iħobbu lil Missierna tas-Smewwiet u lil Ibnu l-Għażiż, li għal dan jien nitlob fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.