Tibżgħux Tagħmlu t-Tajjeb
Il-Mulej jgħidilna li meta aħna nieqfu b’ fidi fuq il-blata Tiegħu, id-dubju u l-biża’ jonqsu; ix-xewqa li nagħmlu t-tajjeb tikber.
Għeżież ħuti, b’ umiltà nitlob li l-Ispirtu tal-Mulej ikun magħna hekk kif jiena inkellimkom illum. Qalbi mimlija gratitudni għall-Mulej, li Tiegħu din il-Knisja hi, għall-ispirazzjoni li aħna ħassejna permezz tat-talb ferventi, tad-diskors ispirat u tal-kant anġeliku f’ din il-konferenza.
April li għadda, il-President Thomas S. Monson wasslilna messaġġ li qanqal il-qlub ta’ ħafna madwar id-dinja, fosthom tiegħi. Huwa tkellem dwar il-qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon. Huwa talabna biex nistudjaw, nixtarru u napplikaw it-tagħlim tiegħu. Huwa wiegħed li jekk aħna niddedikaw ħin kuljum biex nistudjaw u nixtarru u nżommu l-kmandamenti li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon, aħna jkollna testimonjanza qawwija tal-verità tiegħu u t-testimonjanza riżultanti ta’ Kristu l-Ħaj tmexxina lil hinn mill-periklu fi żminijiet ta’ nkwiet. (Ara “Il-Qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon,” Liahona, Mejju 2017, 86–87.)
Bħal ħafna bħalkom, meta jiena smajt kliem il-profeta jiena smajt leħen il-Mulej ikellimni. U, ukoll bħal ħafna bħalkom, jiena ddeċidejt li nobdi dak il-kliem. Mela, minn meta kont għadni tifel żgħir, jiena ħassejt fija x-xhieda li l-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma ta’ Alla, li l-Missier u l-Iben dehru lil Joseph Smith u tkellmu miegħu, u li Appostli tal-qedem żaru lill-Profeta Joseph biex jirrestawraw l-imfietaħ tas-saċerdozju fil-Knisja tal-Mulej.
B’ din it-testimonjanza, jiena għaddejt 50 sena naqra kuljum il-Ktieb ta’ Mormon. Għalhekk forsi bir-raġun jien stajt naħseb li kliem il-President Monson kien jgħodd għal ħaddieħor u mhux għalija. Madankollu, bħal ħafna bħalkom, jiena ħassejt l-inkuraġġiment tal-profeta u l-wegħda tiegħu jistednuni biex nagħmel daqsxejn ta’ sforz akbar. Ħafna minnkom għamiltu wkoll dak li għamilt jiena: tlabtu b’ intenzjoni akbar, xtarrejtu l-iskrittura b’ aktar attenzjoni u għamiltu sforz akbar biex isservu l-Mulej u lil ħaddieħor f’ ismu.
Ir-riżultat feliċi għalija, u għal ħafna minnkom, kien dak li wiegħed il-profeta. Dawk fostna li mxew wara dan il-kunsill ispirat waslu biex semgħu l-leħen tal-Ispirtu b’ mod aktar distint. Aħna sibna qawwa akbar biex nirreżistu t-tentazzjoni u ħassejna ġewwa fina fidi akbar f’ Ġesù Kristu mqajjem mill-imwiet, fl-evanġelju Tiegħu u fil-Knisja ħajja Tiegħu.
Fi żmien fejn l-inkwiet fid-dinja aktar ma jmur aktar qed jikber, dan it-tkabbir fit-testimonjanza tagħna wasal biex keċċa ‘l barra minn ġo fina d-dubju u l-biża’, u wasslilna sentimenti ta’ paċi. Li jiena tajt kas tal-kunsill tal-President Monson wassal biex ħalla fuqi effett mill-isbaħ doppju: L-ewwel, l-Ispirtu li huwa wiegħed ipproduċa sens ta’ ottimiżmu dwar il-ġejjieni, saħansitra fi żmien fejn il-konfużjoni fid-dinja tidher li se tkompli tikber. U, it-tieni, il-Mulej ta lili—u lilek—sewwasew sentiment akbar tal-imħabba Tiegħu għal dawk li jinsabu jbatu. Aħna ħassejna xewqa akbar li mmorru nieħdu sehem fil-ħidma tagħna biex insalvaw lil ħaddieħor. Dik ix-xewqa kienet dejjem fil-qalba tal-ministeru u tat-tagħlim tal-President Monson.
Il-Mulej wiegħed l-imħabba lejn ħaddieħor u l-kuraġġ lill-Profeta Joseph Smith u lil Oliver Cowdery meta dak li kellhom jagħmlu deher diffiċli ħafna li jwettquh. Il-Mulej qal li l-kuraġġ li huma tant kienu jeħtieġu setgħu jiksbuh permezz tal-fidi tagħhom Fih bħala l-blata tagħhom:
“Tibżgħux tagħmlu t-tajjeb, uliedi, għaliex dak li intom tiżirgħu, hu wkoll dak li intom taħsdu; għalhekk, il-premju tagħkom se jkun li jekk intom tiżirgħu t-tajjeb intom għandkom taħsdu wkoll it-tajjeb.
“Għalhekk, tibżgħux, merħla ċkejkna; ħallu d-dinja u l-infern jingħaqdu t-tnejn kontrikom, għaliex jekk intom tkunu mibnija fuq il-blata tiegħi, huma ma jegħlbukomx.
“Araw, jiena ma nikkundannakomx; morru u tidinbux aktar; wettqu b’ għaqal il-ħidma li jiena qabbadtkom tagħmlu.
“Ħarsu lejja f’ kull ħsieb; tiddubitawx, tibżgħux.
“Araw il-ġrieħi li nifdu ġenbejja, u wkoll il-marki tal-imsiemer f’ idejja u f’ riġlejja; ibqgħu fidili, żommu l-kmandamenti tiegħi, u intom għandkom tirtu s-saltna tas-smewwiet” (D&C 6:33–37).
Il-Mulej qal lill-mexxejja Tiegħu tar-Restawrazzjoni, u Huwa jgħid lilna lkoll, li meta aħna nieqfu b’ fidi fuq il-blata Tiegħu, id-dubju u l-biża’ jonqsu; ix-xewqa li nagħmlu t-tajjeb tikber. Hekk kif aħna naċċettaw l-istedina tal-President Monson biex niżirgħu ġewwa qalbna t-testimonjanza ta’ Ġesù Kristu, aħna niksbu l-qawwa, ix-xewqa u l-kuraġġ li mmorru nsalvaw ukoll lil ħaddieħor mingħajr ma noqogħdu ninkwetaw dwar il-bżonnijiet tagħna.
Ħafna drabi jiena rajt b’ għajnejja din it-tip ta’ fidi meta l-Qaddisin tal-Aħħar Jiem fidili ħabbtu wiċċhom ma’ ċerti sfidi mill-aktar terribbli. Eżempju partikolari kien waqt li jiena kont f’ Idaho meta fil-5 ta’ Ġunju ċediet id-Diga ta’ Teton. Minnha niżlet kaskata sħiħa ilma. Kienu eluf li ħarbu minn darhom. Eluf ta’ djar u negozji spiċċaw biex inqerdu. B’ mod mirakoluż, mietu anqas minn 15-il ruħ.
Dak li jiena rajt b’ għajnejja hemmhekk, rajtu wkoll kull fejn il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem waqfu fermi fuq il-blata tat-testimonjanza tagħhom ta’ Ġesù Kristu. Peress li huma m’ għandomx dubju li Huwa jinsab iħarishom dejjem, huma jsiru letteralment bla biża’. Huma jinjoraw l-isfidi li jkunu għaddejjin minnhom huma stess biex imorru jgħinu lil ħaddieħor. U huma jagħmlu dan sforz l-imħabba tagħhom lejn il-Mulej, mingħajr ma jippretendu l-ebda kumpens.
Per eżempju, meta ċediet id-Diga ta’ Teton, kien hemm koppja Qaddisin tal-Aħħar Jiem li kienu qed jivvjaġġaw mili ‘l bogħod minn darhom. Malli semgħu l-aħbar fuq ir-radju, huma telqu jiġru lejn Rexburg. Minflok ma marru jaraw jekk id-dar tagħhom inqerditx, huma marru jfittxu lill-isqof tagħhom. Huwa kien jinsab f’ bini li kien qed jintuża bħala ċentru fejn wieħed seta’ jirkupra. Huwa kien qed jgħin jidderieġi eluf ta’ voluntiera li kienu qed jaslu f’ numru ta’ karozzi tal-linja sofor tal-iskola.
Din il-koppja marret fuq l-isqof u qaltlu, “Għandna kif wasalna. Isqof, fejn nistgħu ngħinu?” Huwa tahom l-ismijiet ta’ familja. Din il-koppja baqgħet għaddejja timbotta l-ħama u l-ilma minn dar għall-oħra. Huma qattgħu jiem sħaħ jaħdmu minn filgħodu sa filgħaxija. Finalment huma waqfu ftit biex imorru jagħtu titwila d-dar tagħhom. Kienet inqerdet fid-dilluvju, fejn ma kien baqa’ letteralment xejn xi jnaddfu. Għalhekk huma mill-ewwel marru lura għand l-isqof tagħhom. Huma staqsewh, “Isqof, għandek lil xi ħadd lil min ngħinu?”
Dak il-miraklu ta’ kuraġġ sieket u ta’ karità—l-imħabba pura ta’ Kristu—irrepeta ruħu tul is-snin u madwar id-dinja kollha. Dan seħħ fiż-żminijiet terribbli ta’ persekuzzjoni u sfidi ta’ żmien il-Profeta Joseph Smith ġewwa Missouri. Dan seħħ hekk kif Brigham Young mexxa l-eżodu minn Nauvoo u mbagħad sejjaħ lill-Qaddisin biex imorru f’ nofs deżert ġewwa l-punent tal-Istati Uniti, biex jgħinu lil xulxin joħolqu Sijon f’ isem il-Mulej.
Jekk taqraw dak li hemm miktub fid-djarju ta’ dawk il-pijunieri, intom taraw miraklu ta’ fidi jkeċċi d-dubju u l-biża’. U taqraw ukoll dwar Qaddisin iħallu warajhom l-interessi personali tagħhom biex jgħinu lil xi ħadd ieħor f’ isem il-Mulej, qabel ma l-ewwel imorru jieħdu ħsieb l-istess nagħaġ tagħhom jew jaħdmu l-għelieqi tagħhom li kienu għadhom ma ġewx maħruta.
Ftit tal-jiem ilu jiena rajt dan l-istess miraklu jseħħ fil-jiem ta’ wara l-Uragan Irma ġewwa l-Puerto Rico, San Tumas u Florida, fejn il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem ingħaqdu ma’ membri ta’ knejjes oħra, ma’ gruppi mill-komunità lokali u ma’ organizzazzjonijiet nazzjonali ħalli jibdew bil-ħidma tagħhom biex inaddfu l-post.
L-istess bħall-ħbieb tiegħi ġewwa Rexburg, kopja mhux membri ġewwa Florida iffukaw il-ħidma tagħhom fuq li jgħinu l-komunità minflok ma jaħdmu fuq l-istess propjetà tagħhom. Meta xi ġirien Qaddisin tal-Aħħar Jiem offrew li jgħinuhom ineħħu ż-żewġ siġriet kbar li kienu qed jimblukkaw id-daħla tad-dar tagħhom, dik il-koppja spjegat li huma ħassewhom kommossi ħafna u għalhekk telqu jgħinu lil ħaddieħor, għax kellhom il-fidi li l-Mulej kien se jipprovdi l-għajnuna li kienu jeħtieġu għad-dar tagħhom. Imbagħad ir-raġel qasam magħna li qabel ma l-membri tal-Knisja waslu biex joffru l-għajnuna tagħhom, hu u martu kienu qed jitolbu flimkien. Huma rċevew tweġiba li l-għajnuna kienet se tasal ma ddumx. Din waslet wara ftit sigħat li huma rċevew tweġiba għal talbhom.
Jiena smajt rapport li xi wħud bdew isejħu lill-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li kienu lebsin il-flokkijiet sofor tal-Idejn tal-Għajnuna “L-Anġli s-Sofor.” Membru Qaddisa tal-Aħħar Jiem ħadet il-karozza tagħha biex tisservisjaha u dan ir-raġel li għenha ddeskriva l- “esperjenzi spiritwali” li huwa kellu meta n-nies bil-flokkijiet sofor neħħew is-siġar minn quddiem id-dar tiegħu u mbagħad qal li huma “bdew ikantawli xi kanzunetta dwar li jiena iben Alla.”
Mara oħra minn Florida— li wkoll ma kenitx membru tagħna—semmiet li l-Qaddisin tal-Aħħar Jiem marru fid-dar tagħha waqt li hija kienet qed taħdem quddiem id-dar meqruda tagħha hekk kif kienet qed tħossha verament kommossa, għajjiena u kważi se tinfexx tibki. Il-voluntiera ħolqu, skont kliemha, “miraklu mill-aktar pur.” Huma taw is-servizz tagħhom mhux biss b’ diliġenza iżda wkoll billi bdew jidħqu u jitbissmu flimkien, u bla ma ppretendew xejn lura.
Jiena rajt b’ għajnejja dik l-istess diliġenza u smajt b’ widnejja dak l-istess daħq meta, tard is-Sibt filgħaxija, jiena mort inżur grupp ta’ Qaddisin tal-Aħħar Jiem ġewwa Florida. Il-voluntieri waqfu biss bil-ħidma tagħhom ta’ tindif biex ikunu jistgħu jeħduli b’idi. Huma qalu li l-lejla ta’ qabel, 90 membru mill-wited tagħhom f’ Georgia kienu fasslu pjan biex jingħaqdu fil-ħidma ta’ salvataġġ ġewwa Florida.
Huma telqu minn Georgia fl-4 ta’ filgħodu, ivvjaġġaw għal sigħat sħaħ, qattgħu minn filgħodu sa filgħaxija jaħdmu u kienu qed jippjanaw li l-għada jagħmlu l-istess.
Huma ddeskrivewli dan kollu bi tbissima fuq fommhom u b’ doża tajba ta’ umoriżmu. L-uniku stress li ħassejt li kellhom fuqhom kien li huma xtaquni nieqaf nirringrazzjahom ħalli jkunu jistgħu jerġgħu jkomplu bil-ħidma tagħhom. Il-president tal-wited reġa’ xagħal is-serrieq tal-elettriku tiegħu u beda jaħdem fuq is-siġra li kien hemm mal-art filwaqt li l-isqof kien qed iressaq il-friegħi tas-siġra hekk kif aħna dħalna fil-karozza tagħna biex immorru nżuru lit-tim ta’ salvataġġ li kien imiss.
Aktar kmieni dak inhar, hekk kif konna ħa nitilqu minn post ieħor fejn kienet qed tingħata l-għajnuna, wieħed raġel resaq lejn il-karozza tagħna, neħħa l-kappell li kien liebes u rringrazzjana għal dawn il-voluntiera. Huwa qal, “Jiena mhux membru tal-knisja tagħkom. Lanqas biss irrid nemmen kemm għamiltu għalina. Alla jberikkom.” Wieħed voluntier Qaddis tal-Aħħar Jiem li kien wieqaf ħdejh bil-flokk isfar tbissem u ċaqlaq spallejh bħallikieku ma kienx jistħoqqlu l-ebda tifħir.
Filwaqt li l-voluntiera minn Georgia marru jgħinu lil dan ir-raġel li lanqas biss ried jemmen dak li ra, mijiet ta’ Qaddisin tal-Aħħar Jiem minn dik in-naħa ta’ Florida, li ntlaqtet verament ħażin, ivvjaġġaw mijiet ta’ mili lejn in-nofsinhar ta’ Florida f’ post ieħor għax kienu semgħu li n-nies hemmhekk kienu ntlaqtu aktar ħażin minnhom.
Dak inhar jiena ftakart u fhimt aħjar il-kliem profetiku tal-Profeta Joseph Smith: “Bniedem mimli bl-imħabba ta’ Alla, ma jkunx kuntet li titbierek biss il-familja tiegħu, iżda jdur madwar id-dinja kollha, anzjuż li jbierek ir-razza umana kollha” (Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 426).
Din it-tip ta’ mħabba narawha fil-ħajja ta’ bosta Qaddisin tal-Aħħar Jiem ma’ kullimkien. Kull darba li jseħħ xi avveniment traġiku xi mkien fid-dinja, il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem joffru donazzjonijiet u jagħtu ħinhom fl-isforzi umanitarji tal-Knisja. Rari ħafna li jkollna nagħmlu talba għall-voluntiera. Fil-fatt, xi kultant, aħna jkollna nitolbu lil dawk li jkunu jridu jgħinu biex jistennew ftit qabel jivvjaġġaw lejn il-post li fih tkun tenħtieġ l-għajnuna sakemm dawk li jkunu qed imexxu l-ħidma jkunu lesti li jilqgħuhom.
Dik ix-xewqa li tbierek lil ħaddieħor hija l-frott ta’ nies li għandhom testimonjanza ta’ Ġesù Kristu, tal-evanġelju Tiegħu, tal-Knisja rrestawrata Tiegħu u tal-profeti Tiegħu. Huwa għalhekk li n-nies tal-Mulej ma jiddubitawx u ma jibżgħux. Huwa għalhekk li l-missjunarji joffru s-servizz tagħhom f’ kull rokna tad-dinja. Huwa għalhekk li l-ġenituri jitolbu ma’ wliedhom għal ħaddieħor. Huwa għalhekk li l-mexxejja jħeġġu liż-żgħażagħ biex jilqgħu l-istedina tal-President Monson li jistudjaw f’ mod profond il-Ktieb ta’ Mormon. Il-frott ma jinkisibx għaliex iż-żgħażagħ u l-membri jiġu sfurzati mill-mexxejja iżda għaliex huma jaġixxu skont il-fidi tagħhom. Din il-fidi, meta huma jsarrfuha f’ għemil, li jeħtieġ ċertu sagrifiċċju altruwista, iġġib fis-seħħ il-bidla fil-qalb li twassalhom sabiex huma jħossu fihom l-imħabba ta’ Alla.
Madankollu, din il-bidla f’ qalbna tista’ sseħħ biss hekk kif aħna nkomplu nimxu wara l-kunsill tal-profeta. Jekk aħna nieqfu nippruvaw wara sforz wieħed biss li nkunu għamilna, din il-bidla ma tantx iddum wisq.
Ħafna Qaddisin tal-Aħħar Jiem fidili kabbru l-fidi tagħhom fil-Mulej Ġesù Kristu, fil-Ktieb ta’ Mormon bħala l-kelma ta’ Alla u fir-restawrazzjoni tal-imfietaħ tas-saċerdozju fil-vera Knisja Tiegħu. Dik it-testimonjanza dejjem tikber tatna kuraġġ u sens ta’ responsabbiltà akbar lejn ulied Alla oħrajn. Iżda l-isfidi u l-opportunitajiet li għad irridu niffaċċjaw fi żminijiet li ġejjin jeħtieġu aktar minna.
Aħna ma nistgħux nipprevedu d-dettalji, iżda aħna diġà nafu l-istampa sħiħa kif inhi. Aħna nafu li fl-aħħar jiem, id-dinja se tinħakem minn konfużjoni. Aħna nafu li f’ nofs l-inkwiet kollu li nistgħu niffaċċjaw, il-Mulej se jmexxi lill-Qaddisin tal-Aħħar Jiem fidili biex huma jaqsmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ma’ kull ġens, razza, ilsien u poplu. U aħna nafu li l-vera dixxipli tal-Mulej se jkunu denji u ppreparati biex jilqgħuh meta Huwa jerġa’ jiġi. M’għandniex għalfejn nibżgħu.
Għalhekk, minkejja li aħna diġà bnejna l-fidi u l-kuraġġ f’ qalbna, il-Mulej jistenna aktar minna—u mill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Jeħtieġ li huma jkunu aktar b’ saħħithom u għaqlin għaliex huma se jwettqu ħwejjeġ akbar u aktar diffiċli milli wettaqna aħna. U huma se jiffaċċjaw oppożizzjoni akbar mill-għadu tal-erwieħ.
Il-Mulej uriena l-mod kif nistgħu nkunu ottimisti hekk kif niffaċċjaw il-ġejjieni: “Ħarsu lejja f’ kull ħsieb; tiddubitawx, tibżgħux” (D&C 6:36). Il-President Monson qalilna kif nistgħu nagħmlu dan. Aħna għandna nixtarru u napplikaw il-Ktieb ta’ Mormon u l-kliem tal-profeti. Itolbu dejjem. Emmnu dejjem. Servu l-Mulej b’ qalbkom kollha, b’ moħħkom kollu u bil-qawwa tagħkom kollha. Aħna għandna nitolbu bl-enerġija kollha ta’ qalbna għad-don tal-karità, l-imħabba pura ta’ Kristu (ara Moroni 7:47–48). U fuq kollox, aħna għandna nkunu konsistenti u persistenti hekk kif aħna nimxu wara l-kunsill profetiku.
Meta t-triq tkun waħda diffiċli, aħna nistgħu nafdaw fil-wegħda tal-Mulej—il-wegħda li l-President Monson fakkarna fiha meta huwa spiss ikkwota dan il-kliem tas-Salvatur: “U kull min jilqagħkom, hemm inkun jiena wkoll, għax jiena se nkun quddiemkom. Jiena sa nkun fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħkom, u l-Ispirtu tiegħi sa jkun f’ qalbkom, u l-anġli tiegħi jduru magħkom, biex jgħinukom.” (D&C 84:88).
Jiena nixhed li l-Mulej se jkun jinsab quddiemkom kull meta tkunu qed twettqu l-ħidma Tiegħu. Xi kultant intom tkunu l-anġlu li l-Mulej jibgħat biex jgħin lil ħaddieħor. Xi kultant tkunu intom li tkunu mdawrin bl-anġli li jiġu sabiex jgħinukom. Iżda intom dejjem se jkollkom l-Ispirtu Tiegħu f’ qalbkom, kif tiġu mwiegħda f’ kull servizz tas-sagrament. Li intom għandkom tagħmlu hu biss li żżommu l-kmandamenti Tiegħu.
L-aqwa żmien għadu ġej għas-saltna ta’ Alla fid-dinja. L-oppożizzjoni se ssaħħaħ il-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu, kif għamlet fi żmien il-Profeta Joseph Smith. Il-fidi dejjem tegħleb il-biża’. Jekk intom tieqfu flimkien intom toħolqu l-għaqda. U t-talb tagħkom għal dawk fil-bżonn jinstama’ u jiġi mwieġeb minn Alla li tant iħobbkom. Huwa la qatt jongħos u lanqas jorqod.
Jiena naqsam ix-xhieda tiegħi li Alla l-Missier jgħix u Huwa jridkom tersqu lejh. Din hi l-vera Knisja tal-Mulej Ġesù Kristu. Huwa jafkom; Huwa jħobbkom; Huwa jħariskom. Huwa patta għal dnubietkom u għal dnubieti u għad-dnubiet tal-ulied kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet. Li intom timxu warajh f’ ħajjitkom u fis-servizz li toffru għal ħaddieħor hija l-unika triq li twassal għall-ħajja eterna.
Jiena nixhed dwar dan u nħallilkom il-barka u l-imħabba tiegħi. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.