2010-2019
Ix-Xhieda Irreżistibbli ta’ Alla: Il-Ktieb ta’ Mormon:
Ottubru 2017


Ix-Xhieda Irreżistibbli ta’ Alla: Il-Ktieb ta’ Mormon:

Il-Ktieb ta’ Mormon hu x-xhieda rreżistibbli tad-divinità ta’ Ġesù Kristu, tas-sejħa profetika ta’ Joseph Smith u tal-verità assoluta ta’ din il-Knisja.

Il-Ktieb ta’ Mormon mhuwiex biss iċ-ċavi ċentrali tar-reliġjon tagħna, iżda jista’ jkun ukoll iċ-ċavi ċentrali tat-testimonjanzi tagħna ħalli meta aħna nħabbtu wiċċna ma’ diversi sfidi jew mistoqsijiet li ma jkollniex tweġiba għalihom, huwa jkun jista’ jibqa’ jżomm b’mod sikur it-testimonjanzi tagħna. Dan il-ktieb huwa dak il-kejl li għandna fuq il-miżien tal-verità li jegħleb il-piż kollu tal-argumenti kollha li jippreżentaw il-kritiċi. Għaliex? Għaliex jekk il-ktieb hu veru, mela Joseph Smith kien profeta u din hija l-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu, irrispettivament minn kull argument storiku li jipprova juri li mhux il-każ. Għal din ir-raġuni, l-intenzjoni tal-kritiċi hi li jippruvaw illi l-Ktieb ta’ Mormon mhuwiex veru, iżda l-ostakli li huma jħabbtu wiċċhom magħhom huma enormi, għaliex il-ktieb hu veru.

L-ewwel nett, il-kritiċi jeħtieġ jispjegaw kif Joseph Smith, tifel raħħal ta’ 23 sena bi ftit li xejn edukazzjoni, ħoloq ktieb b’ mijiet ta’ ismijiet uniċi ta’ nies u postijiet, kif ukoll mijiet ta’ stejjer u ġrajjiet. Minħabba f’ hekk, bosta kritiċi jipproponu illi hu kien ġenju fejn tidħol il-kreattività li uża għadd kbir ta’ kotba u riżorsi oħra lokali biex joħloq il-kontenut storiku tal-Ktieb ta’ Mormon. Iżda kuntrarju għad-dikjarazzjoni tagħhom, m’hemmx xhud wieħed li hu wieħed li jiddikjara li ra lil Joseph b’ dawn l-allegati riżorsi qabel bdiet it-traduzzjoni.

Anke jekk dan l-argument huwa minnu, żgur li mhuwiex biżżejjed biex jispjega l-eżistenza tal-Ktieb ta’ Mormon. Wieħed għandu wkoll jistaqsi l-mistoqsija: allura Joseph kif irnexxielu jaqra dawn l-allegati riżorsi, iwarrab fil-ġenb dak kollu li ma kienx relevanti, iżomm il-konsistenza tad-dettalji dwar min kien f’ dak il-post partikolari u meta kien hemm, u mbagħad jiddetta perfettament dan kollu minn moħħu? Għaliex meta Joseph Smith ittraduċa, huwa ma kellu l-ebda tip ta’ noti. Fil-fatt, martu Emma tiftakar: “Hu ma kellu l-ebda manuskritt jew ktieb biex jaqra minnu. … Kieku kellu xi ħaġa hekk żgur li ma kienx se jaħbiha minni.”1

Allura Joseph kif irnexxielu jwettaq din il-biċċa xogħol daqstant meraviljuża li jiddetta ktieb sħiħ b’ aktar minn 500 paġna mingħajr noti ta’ xejn? Biex jagħmel dan, huwa mhux biss ried ikun ġenju tal-kreattività iżda bilfors li huwa kellu wkoll memorja fotografika mill-aktar straordinarja. Iżda jekk hu hekk, għalfejn il-kritiċi ma jirrikonoxxux dan it-talent mill-aktar meraviljuż?

Iżda mhux hekk biss. Dawn l-argumenti japplikaw biss għall-kontenut storiku tal-ktieb. L-argumenti veri xorta waħda jibqgħu hemm: kif Joseph irnexxielu jipproduċi ktieb li jarmi minnu daqstant Spirtu, u huwa minn fejn ġabha dik id-duttrina daqstant profonda, li ħafna minnha tikkjarifika jew tikkontradixxi t-twemmin Kristjan ta’ żmienu?

Per eżempju, il-Ktieb ta’ Mormon jgħallem, kuntrarju għal ħafna mit-twemmin Kristjan, li l-Waqgħa ta’ Adam kienet pass pożittiv ‘il quddiem. Huwa jiżvela l-patti li aħna nagħmlu fil-magħmudija, liema patti mhumiex indirizzati fil-Bibbja.

Barra minn hekk, wieħed jaf jistaqsi: Joseph minn fejn ġabu l-għarfien daqstant kbir li grazzi għall-Att tal-Fidwa ta’ Kristu, Huwa mhux biss jista’ jnaddafna iżda jista’ wkoll jipperfezzjonana? Huwa minn fejn ġab id-diskors meraviljuż dwar il-fidi li nisbu f’ Alma 32? Jew id-diskors tas-Sultan Benjamin dwar l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur, probabbilment l-aktar diskors memorabbli fuq dan is-suġġett li nsibu fl-iskrittura kollha? Jew l-allegorija tas-siġra taż-żebbuġ bil-kumplessità u l-profondità duttrinali tagħha? Meta jiena naqra din l-allegorija, ikolli bżonn inpinġiha fuq xi karta biex inkun kapaċi nifhem sew il-kumpessità tagħha. Jew issa aħna suppost għandna nibdew nemmnu li Joseph Smith sempliċiment iddetta dan id-diskors kollu minn moħħu mingħajr noti ta’ xejn?

Kuntrarju għal dawn it-tip ta’ konklużjonijiet, l-influwenza ta’ Alla tinħass ma’ kull paġna tal-Ktieb ta’ Mormon, kif inhu evidenti fil-veritajiet duttrinali mill-aktar majestużi li nsibu fih, partikolarment il-priedki eċċezzjonali li naqraw fih dwar l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.

Jekk Joseph ma kienx profeta, mela bħala rikonoxximent għal dan l-għarfien u għal għarfien duttrinali ieħor mill-aktar meraviljuż, il-kritiċi misshom jaslu fil-konklużjoni li huwa kien fil-fatt ġenju fit-teologija. Iżda jekk dan hu l-każ, wieħed jaf jistaqsi: għalfejn Joseph kien l-uniku bniedem tul perjodu ta’ 1,800 sena minn wara l-ministeru ta’ Kristu li pproduċa nixxiegħa daqstant kbira ta’ duttrina mill-aktar unika u ċara? Sewwasew għaliex kienet ir-rivelazzjoni u mhux l-intelliġenza eċċezzjonali tiegħu, li kienet is-sors ta’ dan il-ktieb.

Iżda anke kieku kellna ngħidu li Joseph kien ġenju tal-kreattività u tat-teologija, u li kellu memorja fotografika—dawn it-talenti weħidhom mhux biżżejjed biex jagħmluh kittieb daqstant tajjeb. Biex jispjegaw l-eżistenza tal-Ktieb ta’ Mormon, jeħtieġ ukoll li l-kritiċi jiddikjaraw li fl-età ta’ 23 sena, Joseph kien sewwasew kittieb b’ talent naturali kbir mit-twelid. Jekk mhux hekk, allura huwa kif irnexxielu jikkombina daqstant ismijiet ta’ nies, postijiet u avvenimenti b’ mod mill-aktar armonjuż mingħajr inkonsistenza ta’ xejn. Huwa kif irnexxielu jiddeskrivi b’ daqstant dettall ċerti strateġiji tal-gwerra, u kif ikkompona għadd ta’ diskors mill-aktar elokwenti u ħareġ b’ ċerti frażijiet li kontinwament jiġu enfasizzati, memorizzati, ikkwotati u mwaħħlin fuq il-bibien tal-friġġ minn miljuni ta’ nies, frażijiet bħal, “Meta intom tkunu qed taqdu lil għajrkom intom fil-fatt tkunu qed taqdu lil Alla tagħkom” (Mosiah 2:17) jew “Il-bnedmin twieldu biex ikunu ferħanin” (2 Nephi 2:25). Dawn huma messaġġi mimlijin qawwa—messaġġi ħajjin u li jispiraw. Li tissuġġerixxi li Joseph Smith, fl-età ta’ 23 sena, kien jippossedi l-ħila neċessarja biex jikteb dan ix-xogħol daqstant monumentali f’ perjodu ta’ bejn wieħed u ieħor 65 ġurnata xogħol, mingħajr ebda reviżjoni, hi sempliċiment ħaġa xejn realistika.

Il-President Russell M. Nelson, kittieb bravu ta’ esperjenza, qal li hu kellu bżonn jirrevedi diskors riċenti li huwa għamel għal konferenza ġenerali 40 darba. Jew issa suppost li għandna nemmnu li Joseph Smith, mingħajr l-għajnuna ta’ ħadd, iddetta l-kontenut kollu tal-Ktieb ta’ Mormon, mingħajr reviżjoni ta’ xejn ħlief għal xi ftit tibdil grammatiku li sar wara?

Emma, il-mara ta’ Joseph, ikkonfermat li ħaġa bħal din lanqas biss kienet possibbli: “Joseph Smith, meta kien għadu żagħżugħ, ma kienx kapaċi jikteb jew jiddetta ittra artikolata, bi kliem elokwenti; aħseb u ara kemm kien kapaċi jiddetta ktieb bħalma hu l-Ktieb ta’ Mormon.”2

U finalment, anke kieku stess xi ħadd jaċċetta l-argumenti kollha tal-kritiċi, dubjużi kemm huma dubjużi, il-kritiċi xorta waħda għandhom ma’ wiċċhom ostaklu ieħor kbir mhux ħażin. Joseph iddikjara li l-Ktieb ta’ Mormon ġie miktub fuq pjanċi tad-deheb. Fi żmienu, din id-dikjarazzjoni ntlaqgħet bi kritika kontinwa—għax “kulħadd” kien jaf li l-kitbiet tal-qedem kienu jinkitbu fuq xi papiri jew xi parċmina, sakemm snin wara, ġew skoperti pjanċi tal-metall b’ kitbiet fuqhom ta’ żmien il-qedem. Barra minn hekk, il-kritiċi ddikjaraw li l-użu tas-siment, kif deskritt fil-Ktieb ta’ Mormon, kien xi ħaġa teknikament impossibbli li kien jinħadem mill-Amerikani tal-qedem—sakemm fl-Amerka tal-qedem instabu sewwasew strutturi tas-siment. Illum x’ jgħidu l-kritiċi dwar dawn l-iskoperti u skoperti oħrajn bħalhom? Allura, kif qed taraw, żgur li Joseph kien ukoll bniedem li verament kapaċi jaqta’ ħafna. B’ xi mod, minkejja l-kritika kollha kontrih, kontra kull għarfien xjentifiku u akkademiku ta’ żmienu, huwa kien korrett meta l-oħrajn kollha ma kenux.

Meta nikkunsidraw dan kollu, dak li jkun jaf jistaqsi kif wieħed jista’ jemmen li dawn l-allegati fatturi u forzi, kif proposti mill-kritiċi, b’ kumbinazzjoni ġew ikkumbinati kollha b’ tali mod li wassal biex Joseph jikteb il-Ktieb ta’ Mormon u b’ hekk jasal biex jipproduċi biċċa xogħol li hija frodi satanika. Dan kif qatt jista’ jagħmel sens? F’ oppożizzjoni diretta għal dikjarazzjoni bħal din, dan il-ktieb kien ta’ ispirazzjoni għal miljuni ta’ nies biex huma jkollhom il-qawwa li jitbiegħdu minn Satana u jgħixu ħajja tixbah aktar lil ta’ Kristu.

Filwaqt li xi wħud jafu jagħżlu li jemmnu l-mod kif jaħsbuha l-kritiċi, għalija jekk huma jagħmlu dan huma ma jkunu jistgħu javvanzaw qatt, la intelletwalment u lanqas spiritwalment. Biex jiena nasal biex nemmen dan, ikolli nemmen ukoll ipotesi wara ipotesi, li m’hemmx prova għalihom. Barra minn hekk, ikolli ninjora t-testimonjanza ta’ kull wieħed mill-ħdax-il  xhud,3 minkejja li kull wieħed minnhom baqa’ leali lejn it-testimonjanza tiegħu sal-aħħar; ikolli nwarrab fil-ġenb id-duttrina divina li hemm f’ kull paġna ta’ dan il-ktieb sagru bil-veritajiet divini tagħha; ikolli ninjora l-fatt li numru daqstant kbir ta’ nies, fosthom jiena stess, resqu ferm viċin Alla meta qraw dan il-ktieb aktar minn meta huma qraw kwalunkwe ktieb ieħor; u fuq kollox, ikolli niċħad il-vuċi siekta tal-Ispirtu s-Santu li tikkonfermali l-verità ta’ dan kollu. Dan imur kontra dak kollu li jiena naf li hu veru.

Wieħed mill-ħbieb twajbin u intelliġenti tiegħi għamel żmien ‘il bogħod mill-Knisja. M’ilux huwa kitibli dwar ir-ritorn tiegħu fil-Knisja: “Għall-bidu, jiena ridt li jkolli prova storika, ġeografika, lingwistika u kulturali tal-Ktieb ta’ Mormon. Iżda meta jiena bdejt niffoka dwar x’jgħallem il-ktieb dwar l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u l-missjoni ta’ salvazzjoni Tiegħu, jiena bdejt nikseb testimonjanza tal-verità tiegħu. Darba waħda, waqt li kont qed naqra l-Ktieb ta’ Mormon fil-kamra tiegħi, jiena waqaft, inżilt għarkupptejja, u tlabt talba verament minn qalbi u dak il-ħin ħassejt b’ ċarezza lil Missierna tas-Smewwiet ikellem b’ leħen sieket lill-ispirtu tiegħi u jgħidli li l-Knisja u l-Ktieb ta’ Mormon kienu bla dubju ta’ xejn vera. It-tliet snin u nofs li jien għamilt ninvestiga mill-ġdid il-Knisja wassluni lura bil-qawwa u b’ konvinzjoni kbira lejn il-verità assoluta tagħha.”

Jekk wieħed jiddedika ħin biex, b’ umiltà, jaqra u jixtarr il-Ktieb ta’ Mormon, kif għamel il-ħabib tiegħi, u jiftaħ widnejh għall-frott ħelu tal-Ispirtu, eventwalment huwa jasal biex jirċievi x-xhieda li jkun jixtieq jikseb.

Il-Ktieb ta’ Mormon huwa wieħed mir-rigali imprezzabbli li tana Alla. Huwa x-xabla kif ukoll it-tarka tagħna—jibgħat il-kelma ta’ Alla biex tiġġieled il-battalja f’ isem qlub it-twajbin u jservi wkoll bħala t-tarka li tiddefendi l-verità. Bħala Qaddisin, aħna mhux biss għandna l-privileġġ li niddefendu l-Ktieb ta’ Mormon iżda għandna wkoll l-opportunità li nużawh b’ mod attiv—li nippridkaw bil-qawwa d-duttrina divina tiegħu u naqsmu t-testimonjanza tax-xhieda suprema tiegħu dwar Ġesù Kristu.

Jiena naqsam magħkom it-testimonjanza solenni tiegħi li l-Ktieb ta’ Mormon ġie tradott bid-don u l-qawwa ta’ Alla. Huwa x-xhieda rreżistibbli tad-divinità ta’ Ġesù Kristu, tas-sejħa profetika ta’ Joseph Smith u tal-verità assoluta ta’ din il-Knisja. Jalla huwa jsir iċ-ċavi ċentrali tat-testimonjanza tagħna, ħalli fuqna jkun jista’ jingħad, kif ingħad dwar il-Lamaniti li kkonvertew, li huma “qatt ma tbiegħdu mill-verità” (Alma 23:6). F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Emma Smith, f’ “Last Testimony of Sister Emma,” Saints’ Herald, 1 ta’ Ott. 1879, 289, 290.

  2. Emma Smith, f’ “Last Testimony of Sister Emma,” 290.

  3. Ara “It-Testimonjanza tat-Tliet Xhieda” u “It-Testimonjanza tat-Tmien Xhieda,” Ktieb ta’ Mormon.