2010-2019
Xewqa li Mmorru d-Dar
Ottubru 2017


Xewqa li Mmorru d-Dar

Dawru ruħkom lejn id-dawl. Ibdew il-vjaġġ meraviljuż tagħkom lura d-dar. Hekk kif tagħmlu dan, intom ikollkom aktar skop għaliex tgħixu filwaqt li ħajjitkom tkun aktar ferħana u aħjar.

Hekk kif aħna ltqajna mal-President Thomas S. Monson, huwa esprima, b’ solennità u bi tbissima fuq ħaddejh, kemm huwa verament iħobb lill-Mulej u li huwa jaf li l-Mulej lilu jħobbu. Għeżież ħuti, jiena naf li l-President Monson huwa grat ħafna għall-imħabba tagħkom, għat-talb tagħkom u għad-devozzjoni tagħkom lejn il-Mulej u lejn l-evanġelju meraviljuż Tiegħu.

Bobbie l-Kelb tal-Għaġeb

Xi mitt sena ilu, kien hemm familja minn Oregon li kienet tinsab għal btala ġewwa Indiana—aktar minn 2,000 mil (3,200 km) ‘il bogħod minn fejn kien joqogħdu—meta l-għażiż kelb tagħhom, Bobbie, intilef f’ dawk l-inħawi. B’ disprament huma bdew ifittxuh ma’ kullimkien, iżda kien kollu ta’ xejn. Lil Bobbie ma setgħux isibuh.

B’ qalbhom maqsuma, huma telqu lura lejn id-dar, fejn ma’ kull mil li bdew isuqu bdew aktar jitbiegħdu mill-kelb għażiż tagħhom.

Sitt xhur wara, huma baqgħu ċċassati meta raw lil Bobbie fuq l-għatba tad-dar tagħhom ġewwa Oregon. Għadma w’ ġilda u nkallat kif ukoll bil-pali ta’ saqajh kollha misluħin—deher li kien mexa d-distanza kollha … waħdu.”1 L-istorja ta’ Bobbie ġibdet l-attenzjoni ta’ bosta nies minn kull naħa tal-Istati Uniti, u huwa sar magħruf bħala Bobbie l-Kelb tal-Għaġeb.

Bobbie mhumiex l-uniku annimal li spiċċa biex ħawwad l-ixjenzati bis-sens ta’ direzzjoni u l-istint tal-għaġeb li għandu biex jerġa’ lura d-dar. Kull sena popolazzjonijiet sħaħ ta’ friefet tat-tip monarka jemigraw distanza ta’ 3,000 mil (4,800 km) lejn klimi li huma aktar adattati għas-sopravivenza tagħhom. L-akbar fkieren li nsibu fil-baħar jaqsmu l-Oċean Paċifiku mill-Indoneżja sal-kosta ta’ Kalifornja. Il-balieni tal-ħotba f’ daharhom jgħumu mill-ilmijiet kesħin tal-Poli tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar lejn l-ekwatur u lura. Jista’ jkun li aktar inkredibbli hija l-isterna tal-Artiku li kull sena ttir miċ-Ċirku Artiku sal-Antartika u lura, distanza ta’ madwar 60,000 mil (97,000 km).

Meta l-ixjenzati jistudjaw din l-imġieba mill-aktar affaxxinanti, huma jistaqsu mistoqsijiet bħal “Huma kif jafu fejn għandhom imorru?” u “Kif kull ġenerazzjoni suċċessiva jirnexxilha titgħallem tagħmel dan?”

Meta jiena naqra dwar l-istint daqshekk qawwi li hemm fl-annimali, ma nistax b’ meravilja ma ngħidx bejni u bejn ruħi, “Huwa possibbli li l-bnedmin għandhom fihom ukoll xewqa simili—sistema ġewwa fihom li tiggwidahom, jew—li tmexxihom lejn darhom fis-smewwiet?”

Jien nemmen li kull raġel, mara, tifel u tifla f’ xi ħin jew ieħor f’ ħajjithom ħassew fihom dis-sejħa mis-smewwiet. Fil-profondità ta’ ruħna aħna għandna xewqa li b’ xi mod naqsmu għan-naħa l-oħra tal-velu u nħaddnu magħna lill-Ġenituri tagħna tas-Smewwiet li xi darba aħna konna nafuhom u ngħożżuhom.

Xi wħud jafu jissopressaw din ix-xewqa u jispiċċa jaslu biex itarrxu ruħhom għas-sejħa tagħha. Iżda dawk li ma jissopressawx dan id-dawl li hemm ġo fihom ikunu jistgħu jibdew vjaġġ mill-aktar inkredibbli—migrazzjoni tal-għaġeb lejn klimi ċelestjali.

Alla Jinsab Isejħilkom.

Il-messaġġ sublimi tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hu li Alla huwa Missierna, li Huwa jimpurtah minna, u li hemm mezz kif aħna nistgħu nerġgħu lura ħdejh.

Alla jinsab isejħilkom.

Alla jaf kull ħsieb li intom taħsbu, jaf bin-niket tagħkom u jaf ukoll x’inhuma l-akbar tamiet tagħkom. Alla jaf kemm-il darba intom fittixtuh. Kemm-il darba intom ħassejtu fikom ferħ bla limitu. Kemm-il darba intom bkejtu weħdikom fis-solitudni. Kemm-il darba intom ħassejtukom bla ħeġġa, konfużi u rrabjati.

Madankollu, ġara x’ ġara f’ ħajjitkom—jekk intom qatt ħassejtukom li fallejtu jew forsi tħossukom inċerti, imkissrin, imnikktin, għajjenin jew inkella li ġejtu ttraduti—kunu afu li intom m’intomx weħidkom. Alla xorta waħda għadu qed isejħilkom.

Is-Salvatur qed jagħtikom idu. U l-istess kif għamel lil dawk is-sajjieda li kienu jinsabu weqfin max-xatt tal-Baħar tal-Galilija, b’ imħabba infinita Huwa qed jgħidilkom: “Ejjew, imxu warajja.”2

Jekk intom lesti tisimgħuh, Huwa lest ikellimkom illum stess.

Meta intom timxu fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli—meta intom tersqu lejn Missierna tas-Smewwiet—hemm xi ħaġa ġewwa fikom li tikkonferma magħkom li intom verament smajtu leħen is-Salvatur u li tmexxikom biex iddawru qalbkom lejn id-dawl. Tgħidilkom li intom tinsabu fit-triq il-ġusta u li intom tinsabu fi triqitkom lura d-dar.

Mill-bidu taż-żminijiet, il-profeti ta’ Alla saħqu man-nies ta’ żmienhom: “Isimgħu l-kelma tal-Mulej, Alla tagħkom, … ħarsu l-kmandamenti u l-ordnijiet tiegħu … , u duru lejn il-Mulej b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha.”3

L-iskrittura tgħallimna elf raġuni għalfejn aħna għandna nagħmlu dan.

Illum, ippermettuli nsemmilkom żewġ raġunijiet għalfejn aħna għandna nduru lejn il-Mulej.

L-ewwel, ħajjitkom tkun ferm aħjar.

It-tieni, Alla juża lilkom biex itejjeb ħajjet ħaddieħor.

Ħajjitkom Tkun Ferm Aħjar

Jiena nixhed li meta aħna nibdew jew inkomplu l-vjaġġ inkredibbli li jwassalna ħdejn Alla, ħajjitna tkun ferm aħjar.

Dan ma jfissirx li ħajjitna tkun ħielsa minn kull niket. Ilkoll kemm aħna nafu b’ xi dixxipli fidili ta’ Kristu li f’ ħajjithom huma sofrew xi traġedja kif ukoll inġustizzja—Ġesù Kristu Innifsu sofra aktar minn kulħadd. L-istess kif Alla “jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin,” huwa wkoll jippermetti li l-avversità ġġarrab kemm lil min hu tajjeb kif ukoll lil min mhuwiex.4 Fil-fatt, xi kultant bħal qisu li ħajjitna ssir aktar diffiċli għaliex aħna nkunu qed nippruvaw ngħixu l-fidi tagħna.

Le, li timxu wara s-Salvatur ma jfissirx li intom mhux se tesperjenzaw l-ebda sfida f’ ħajjitkom. Madankollu, jekk timxu warajh intom tkunu warrabtu l-barrieri li jeżistu bejnkom u bejn l-għajnuna li jrid jagħtikom Missierkom tas-Smewwiet. Alla jkun jinsab magħkom. Huwa jidderieġi l-passi tagħkom. Huwa jimxi magħkom kif ukoll iġorrkom meta intom l-aktar tkunu fil-bżonn.

Intom tesperjenzaw il-frott sublimi tal-Ispirtu: “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba u l-fidi.”5

Dan il-frott spiritwali mhuwiex prodott tal-prosperità, tas-suċċess jew tax-xorti temporali. Dan il-frott nesperjenzawh jekk aħna nimxu wara s-Salvatur u nkunu nistgħu nduquh verament anke f’ nofs il-maltempati l-aktar qliel ta’ ħajjitna.

In-nirien u l-kunfużjoni tal-ħajja mortali jafu jhedduna u jbeżżgħuna, iżda dawk li jinklinaw qalbhom lejn Alla jħossu madwarhom il-paċi Tiegħu. Il-ferħ tagħhom ma jonqos qatt. Huma qatt ma jiġu abbandunati jew minsijin.

“Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha,” tgħallem l-iskrittura, “u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’ kull ma tagħmel, u huwa jwittilek triqatek.”6

Dawk kollha li jagħtu kas tas-sejħa li jħossu ġo fihom u jfittxu lil Alla, dawk li jitolbu, jemmnu u jimxu fit-triq li ħejja s-Salvatur—anke jekk xi kultant huma jispiċċaw jiżolqu tul it-triq—huma jirċievu l-assigurazzjoni ta’ konsolazzjoni li “kollox se jseħħ għall-aħjar tagħhom.”7

Għaliex Alla “jagħti s-saħħa lill-għajjenin u jżid il-qawwa lid-dgħajfin.”8

“Għax avolja t-twajbin jaqgħu seba’ darbiet, huma jerġgħu jqumu.”9

U l-Mulej fit-tjubija Tiegħu jistaqsi:

Tridu tesperjenzaw ferħ dejjiem?

Tixtiequ tħossu f’ qalbkom il-paċi li l-ebda moħħ ma jista’ jifhem?10

Jekk hu hekk, araw li ddawru ruħkom lejn id-dawl.

Ibdew il-vjaġġ meraviljuż tagħkom lura d-dar.

Hekk kif tagħmlu dan, intom ikollkom aktar skop għaliex tgħixu filwaqt li ħajjitkom tkun aktar ferħana u aħjar.

Alla Jużakom

Fil-vjaġġ tagħkom lura għand Missierna tas-Smewwiet intom ma ddumux ma tirrealizzaw li dan il-vjaġġ mhuwiex sempliċiment dwar kemm intom kapaċi tiffokaw fuq ħajjitkom. Le, din it-triq twassalkom biex intom tkunu barka f’ ħajjet ulied Alla oħrajn—ħutkom. U l-punt interessanti dwar dan il-vjaġġ hu li hekk kif intom tkunu qed isservu lil Alla, u hekk kif tieħdu ħsieb u tgħinu lil għajrkom, intom tibdew taraw progress kbir f’ ħajjitkom, b’ mod li qatt ma stajtu timmaġinaw qabel.

Jista’ jkun li intom ma tikkunsidrawx lilkom infuskom li intom daqstant bżonnjużi; jista’ jkun li intom ma tikkunsidrawx lilkom infuskom bħala barka fil-ħajja ta’ xi ħadd. Ħafna drabi, meta aħna nħarsu lejna nfusna, aħna nispiċċaw naraw biss il-limitazzjonijiet u d-defiċjenzi tagħna. Jista’ jkun li naħsbu li aħna jeħtieġ li nkunu “aktar” f’ xi ħaġa partikolari biex Alla lilna jużana—aktar intelliġenti, aktar sinjuri, aktar karismatiċi, aktar kapaċi, aktar spiritwali. Il-barkiet ma jaslux għandkom minħabba l-abbiltajiet tagħkom iżda minħabba l-għażliet tagħkom. U l-Alla tal-univers jasal biex jaħdem fikom u permezz tagħkom, fejn ikabbar l-isforzi umli tagħkom għall-għanijiet Tiegħu.

Il-ħidma Tiegħu minn dejjjem kienet tiddependi minn dan il-prinċipju importanti: “U minn ħwejjeġ żgħar joħorġu ħwejjeġ kbar.”11

Meta kien qed jikteb lill-Qaddisin ġewwa Korintu, l-Appostlu Pawlu osserva li ftit li xejn minn fosthom id-dinja kienet tħares lejhom bħala xi nies għaqlin. Iżda dan ma kienx jimporta, għaliex “Alla għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija.”12

L-istorja tal-ħidma ta’ Alla hija mimlija nies li kienu jikkunsidraw lilhom infushom bħala inadegwati. Iżda huma qdew b’ umiltà, fejn kienu jiddependu fuq il-grazzja ta’ Alla u l-wegħda Tiegħu: “Driegħhom ikun driegħi u jiena nkun it-tarka tagħhom … , u huma jiġġieldu b’ qawwa f’ ismi; u … jiena nippreservahom.”13

Is-sajf li għadda aħna bħala familjakellna l-opportunità sabiħa li nżuru flimkien xi wħud mill-ewwel siti storiċi tal-Knisja fil-Lvant tal-Istati Uniti. B’ mod speċjali, aħna għexna l-istorja ta’ dak iż-żmien. Ċerti nies li kont qrajt ħafna dwarhom—nies bħal Martin Harris, Oliver Cowdery u Thomas B. Marsh—saru għalija aktar reali hekk kif aħna imxejna fejn kienu mxew huma u stajt nixtarr dwar is-sagrifiċċji li huma għamlu biex jibnu s-saltna ta’ Alla.

Huma kellhom bosta karatteristiċi li għenuhom biex jagħtu kontribut mill-aktar sinifikattiv għar-Restawrazzjoni tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Iżda huma kienu wkoll umani, dgħajfin u fallibbli—l-istess bħalkom u bħali. Xi wħud spiċċaw f’ nuqqas ta’ qbil mal-Profeta Joseph Smith u saħansitra ma baqgħux aktar fil-Knisja. Aktar tard, ħafna mill-istess nies esperjenzaw bidla f’ qalbhom, ċekknu lilhom infushom u għal darb’oħra fittxew u sabu l-ħbiberija tal-Qaddisin.

Aħna jaf għandna tendenza li niġġudikaw lil dawn l-aħwa u lil xi membri oħra bħalhom. Nafu ngħidu, “Jiena kieku qatt ma kont nasal biex nabbanduna lill-Profeta Joseph.”

Filwaqt li dan jista’ jkun veru, aħna ma nafux xi tfisser verament li tgħix f’ dawk iż-żminijiet, f’ dawk iċ-ċirkustanzi. Le, huma ma kinux perfetti, iżda kemm hija ħaġa li għandha verament tinkuraġġina li nafu li Alla kien kapaċi jużahom xorta waħda. Huwa kien jaf x’inhuma d-dgħjufijiet tagħhom kif ukoll fiex jibbrillaw, u Huwa tahom l-opportunità straordinarja biex jikkontribwixxu xi vers jew xi melodija għall-innu glorjuż tar-Restawrazzjoni.

Kemm hi ħaġa inkuraġġanti li nafu li, għalkemm aħna imperfetti, jekk aħna ndawru qlubna lejn Alla, Huwa jkun ġeneruż u ħanin magħna u jużana għall-għanijiet Tiegħu.

Dawk li jħobbu u jservu lil Alla u lil għajrhom u b’ umiltà u b’ mod attiv jipparteċipaw fil-ħidma Tiegħu jaslu biex jaraw ħwejjeġ meraviljużi jseħħu f’ ħajjithom u fil-ħajja ta’ dawk li huma jħobbu.

Ċerti bibien li jkunu jidhru magħluqin jispiċċaw biex jinfetħu.

L-anġli jmorru qabilhom u jħejjulhom it-triq.

Hi x’inhi l-pożizzjoni tagħkom fil-komunità jew fil-Knisja, Alla jasal biex jużakom jekk dejjem intom tħalluh jużakom. Huwa jkabbar ix-xewqat twajba tagħkom u jibdel l-għemejjel ta’ kompassjoni li intom tiżirgħu fi ħsad mill-aktar kbir ta’ tjubija.

Aħna Ma Nistgħux Naslu Hemm permezz tal-Awtopilota

Aħna lkoll, kull wieħed u waħda minna, “barranin u pellegrini”14 f’ din id-dinja. F’ ċertu sens, aħna ninsabu ‘l bogħod minn darna. Iżda dan ma jfissirx li hemm bżonn li nħossuna mitlufin jew weħidna.

L-għażiż Missierna tas-Smewwiet tana d-Dawl ta’ Kristu. U fil-fond ta’ qalbna, hemm leħen ċelestjali li qed iħeġġiġna biex indawru għajnejna u qalbna lejh hekk kif aħna ninsabu mexjin f’ dan il-pellegrinaġġ lura lejn id-dar ċelestjali tagħna.

Dan jeħtieġ minna ċertu sforz. Intom ma tistgħux taslu hemm mingħajr ma tippruvaw tagħmlu li tistgħu biex titgħallmu minnu, tifhmu l-istruzzjonijiet Tiegħu, bil-ħerqa kollha tapplikawhom, u tpoġġu sieq quddiem l-oħra.

Le, il-ħajja mhux xi karozza li timxi weħidha. Mhijiex xi ajruplan li jaħdem bl-awtopilota.

Ma tistgħux sempliċiment tifflowtjaw fuq l-ilmijiet tal-ħajja u tafdaw li l-kurrent joħodkom fejn tittamaw li xi darba tkunu. Li nkunu dixxipli jfisser li jkollna r-rieda li ngħumu kontra l-kurrent meta jkun hemm bżonn.

Ħadd aktar mhu responsabbli għall-vjaġġ personali tagħkom. Is-Salvatur jgħinkom u jħejji t-triq għalikom, iżda għandkom tkunu intom li turu l-impenn li timxu warajh u żżommu l-kmandamenti Tiegħu. Din hija r-responsabbiltà li intom għandkom, dan hu biss il-privileġġ tagħkom.

Din hija l-avventura kbira tagħkom.

Jekk jogħġobkom agħtu kas tas-sejħa tas-Salvatur tagħkom.

Imxu warajh.

Il-Mulej waqqaf il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem biex jgħinkom f’ dan l-impenn li taqdu lil Alla u lil għajrkom. L-għan tagħha hu li tħeġġeġ, tgħallem, televa u tispira. Din il-Knisja meraviljuża tipprovdilkom opportunitajiet biex intom teżerċitaw il-kompassjoni, tilħqu lil ħaddieħor u ġġeddu u żżommu l-patti sagri tagħkom. Hija mfassla biex tbierek ħajjitkom u ttejjeb id-dar, il-komunità u l-pajjiż tagħkom.

Ejjew, ingħaqdu magħna u afdaw fil-Mulej. Offru t-talenti tagħkom għall-ħidma meraviljuża Tiegħu. Ilħqu, ħeġġu, fejqu u ssapportjaw lil dawk kollha li jħossu fihom ix-xewqa li jmorru lura lejn id-dar ċelestjali tagħhom. Ejjew ningħaqdu flimkien f’ dan il-pellegrinaġġ glorjuż fi triqitna lejn klimi ċelestjali.

L-evanġelju huwa messaġġ traxxendenti ta’ tama, ferħ u hena. Huwa t-triq li twassalna lura d-dar.

Hekk kif kuljum u kull siegħa aħna nħaddnu l-evanġelju b’ fidi u b’ għemil, aħna nersqu aktar viċin ta’ Alla tagħna. Ħajjitna tkun aħjar, u l-Mulej jużana b’ modi meraviljużi biex inbierku lil dawk ta’ madwarna u nġibu fis-seħħ l-għanijiet eterni Tiegħu. Dwar dan jiena nixhed u nagħtikom il-barka tiegħi fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.