2010-2019
Il-Mulej Imexxi l-Knisja Tiegħu
Ottubru 2017


Il-Mulej Imexxi l-Knisja Tiegħu

Il-mod kif il-Mulej imexxi l-Knisja Tiegħu jeħtieġ fidi kbira u ferma minn dawk kollha li jinsabu jaqduh hawn fid-dinja.

Għeżież ħuti li tħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla, illejla nixtieq nitkellem dwar il-mod meraviljuż li bih il-Mulej imexxi s-saltna Tiegħu fid-dinja. Intom diġà tafu dak li huwa fundamentali. Jien nitlob li intom ikollkom konferma mill-Ispirtu s-Santu.

L-ewwel, Ġesù Kristu huwa l-kap tal-Knisja fid-dinja kollha.

It-tieni, fi żmienna Huwa jinsab imexxi l-Knisja Tiegħu billi jitkellem ma’ rġiel li huma msejħin bħala profeti, u Huwa jagħmel dan permezz tar-rivelazzjoni.

It-tielet, żmien twil ilu Huwa ta ċerti rivelazzjonijiet lill-profeti Tiegħu, Huwa għadu jagħmel dan, u jkompli jagħmel dan.

Ir-raba’, Huwa jagħti rivelazzjoni ta’ konferma lil dawk li jinsabu jservu taħt it-tmexxija tal-profeti Tiegħu.

Minn dan it-tagħlim fundamentali, aħna nagħrfu li l-mod kif il-Mulej imexxi l-Knisja Tiegħu jeħtieġ fidi kbira u ferma minn dawk li jaqduh hawn fid-dinja.

Per eżempju, jeħtieġ il-fidi biex temmen li l-Mulej mqajjem mill-imwiet jinsab jieħu ħsieb id-dettalji ta’ kuljum tas-saltna Tiegħu. Hemm bżonn il-fidi biex temmen li Huwa jsejjaħ nies imperfetti f’ pożizzjonijiet ta’ fiduċja. Hemm bżonn il-fidi biex temmen li Huwa jaf perfettament lin-nies li Huwa jsejjaħ, kemm il-kapaċitajiet tagħhom kif ukoll il-potenzjal tagħhom, u għalhekk ma jagħmel l-ebda żbalji fis-sejħiet Tiegħu.

Dan jaf iġib tbissima fuq fomm xi wħud minnkom li tinsabu f’ din l-udjenza, jew tafu qed iċċaqalqu raskom biex turu li ma tantx qed taqblu—kemm dawk li jaħsbu li s-sejħa tagħhom li jservu jaf setgħet kienet xi żball kif ukoll dawk li qed iġibu quddiem għajnejhom lil xi wħud li huma jafu li jidhru li ma tantx huma maqtugħin biex iservu fis-saltna tal-Mulej. Il-kunsill tiegħi lil dawn iż-żewġ gruppi hu biex tipposponu l-ġudizzju tagħkom sakemm tkunu tistgħu taraw aħjar dak li qed jara l-Mulej. Il-ġudizzju li jeħtieġ li tagħmlu, minflok, hu li intom ikollkom il-kapaċità li tirċievu r-rivelazzjoni u taġixxu skont dak li tirċievu mingħajr biża’.

Teħtieġu l-fidi biex tagħmlu dan. Teħtieġu fidi akbar biex temmnu li l-Mulej sejjaħ qaddejja umani imperfetti biex imexxukom. L-għan tiegħi illejla hu li nibni l-fidi tagħkom illi Alla jinsab imexxikom fis-servizz tagħkom lejh. U saħansitra aktar importanti minn hekk, it-tama tiegħi hi li nibni l-fidi tagħkom li l-Mulej jinsab jispira n-nies imperfetti li Huwa sejjaħ bħala l-mexxejja tagħkom.

Għall-ewwel tafu taħsbu li din it-tip ta’ fidi mhux importanti għas-suċċess tal-Knisja u s-saltna tal-Mulej. Madankollu, intom tafu tiskopru—tinsabu fejn tinsabu fil-katina ta’ servizz saċerdotali, mill-profeta tal-Mulej sa l-anqas wieħed li ilu jħaddan is-Saċerdozju Aroniku—li l-fidi hija essenzjali.

Ejjew nibdew billi naraw xi tfisser il-fidi għall-presidenti tal-kworum tal-għalliema jew tad-djakni. Huwa ferm importanti għalih li hu jkollu l-fidi li l-Mulej sejjaħlu personalment, u li Hu jaf kemm il-punti debboli kif ukoll il-punti sodi ta’ dan l-għalliem. Jeħtieġ li Huwa jkollu l-fidi li l-bniedem li ppreżentalu dik is-sejħa rċieva rivelazzjoni permezz tal-Ispirtu ta’ Alla. Il-kunsilliera tiegħu u l-membri tal-kworum tiegħu jeħtieġu l-istess fidi biex b’ fiduċja huma jimxu warajh mingħajr biża’.

Jiena rajt din l-istess fiduċja meta darba waħda l-Ħadd filgħodu wieħed tfajjel poġġa bilqiegħda flimkien mal-presidenza tal-kworum tiegħu tad-djakni. Huwa kien għadu kif ġie msejjaħ bħala segretarju. Dawk il-membri żgħażagħ ta’ dik il-presidenza bdew jiddiskutu flimkien. Huma kienu tkellmu dwar diversi modi kif huma setgħu jġibu fis-seħħ ix-xewqa tal-isqof li jġib lura fil-knisja wieħed tfajjel anqas attiv. Wara li huma talbu u ddiskutew, huma ddeċidew li s-segretarju jmur sad-dar ta’ dak it-tfajjel li qatt ma kien jattendi l-laqgħat u jistiednu biex jattendi.

Lil dan it-tfajjel is-segretarju ma kienx jafu, iżda kien jaf li ġenitur tiegħu kien anqas attiv u l-ġenitur l-ieħor ma kienx membru u ma tantx kien simpatiku wisq. Is-segretarju ħass xi ftit anzjetà iżda mhux biża’. Huwa kien jaf li l-profeta ta’ Alla kien talab lil dawk li jħaddnu s-saċerdozju biex jieħdu lura għandu n-nagħaġ il-mitlufa. U huwa kien sema’ t-talba li kienu offrew il-membri tal-presidenza tiegħu. Huwa semagħhom jaqblu bejniethom kemm dwar l-isem tat-tfajjel li kellhom imorru jsalvaw kif ukoll dwaru.

Jiena kont qed inħares lejn dak is-segretarju miexi fit-triq lejn id-dar ta’ dak it-tfajjel anqas attiv. Huwa kien miexi bilmod bħallikieku kien jinsab riesaq lejn xi periklu kbir. Iżda nofs siegħa wara huwa mexa din l-istess triq jitbissem bil-ferħ, flimkien ma’ dak it-tfajjel. Ma nafx jekk dak il-ħin huwa kienx jaf dan, iżda huwa mar hemm b’ fidi li huwa kien ġie mibgħut mill- Mulej. Dik il-fidi baqgħet dejjem miegħu u kibret miegħu tul is-snin fil-kapaċità tiegħu bħala missjunarju, missier, mexxej tal-ġuvintur u isqof.

Ejjew nitkellmu ftit dwar xi tfisser din il-fidi għal wieħed li hu isqof. Xi kultant isqof jiġi msejjaħ biex iservi grupp ta’ nies li jkunu jafuh sew. Il-membri tal-qasam ikunu jafu xi ħaġa dwar id-dgħjufijiet umani tiegħu kif ukoll dwar il-qawwiet spiritwali tiegħu, u huma jafu li kien hemm oħrajn fil-qasam tagħhom li setgħu ġew imsejħin floku—oħrajn li jidhru aktar edukati, b’ aktar esperjenza, aktar dħulin jew saħansitra aktar ħelwin.

Dawn il-membri jeħtieġ li jkunu jafu li s-sejħa li huwa jservi bħala isqof kienet ġejja mill-Mulej, permezz ta’ rivelazzjoni. Mingħajr il-fidi tagħhom, l-isqof, li ġie msejjaħ minn Alla, isibha ferm aktar diffiċli biex jikseb ir-rivelazzjoni li huwa jeħtieġ biex jgħinhom. Huwa ma jkunx jista’ jirnexxi mingħajr il-fidi tal-membri li ssostnih .

Fortunatament, anke l-oppost ta’ dan huwa minnu. Aħsbu ftit dwar il-qaddej tal-Mulej, is-Sultan Benjamin, li wassal lin-nies tiegħu għall-indiema. Il-qlub tan-nies irtabu minħabba l-fidi li kellhom li huwa kien imsejjaħ minn Alla, minkejja d-dgħjufija umana tiegħu, u li kliemu kien ġej minn Alla. Tiftakru x’ qalu n-nies: “Iva, aħna nemmnu l-kliem kollu li inti għedtilna; u wkoll, aħna nafu mingħar dubju li huwa kollu minnu, minħabba l-Ispirtu tal-Mulej Omnipotenti, li wassal biex seħħet bidla kbira ġewwa fina, jew f’ qalbna, li aħna m’għandna l-ebda dispożizzjoni li nagħmlu l-ħażen, iżda li nagħmlu t-tajjeb kontinwament” (Mosiah 5:2).

Biex mexxej jirnexxi fil-ħidma tal-Mulej, il-fiduċja tan-nies li huwa ġie msejjaħ minn Alla għandha tkun aktar b’ saħħitha mill-impressjoni li huma għandhom dwar il-mard u d-dgħjufijiet mortali tiegħu. Tiftakru kif is-Sultan Benjamin spjega l-irwol tat-tmexxija tiegħu:

“Jiena ma tlabtkomx biex tiġu hawn fuq biex tibdew tibżgħu minni, jew biex taħsbu li jien innifsi xi ħaġa aktar minn sempliċiment bniedem mortali.

“Iżda jiena bħalkom, suġġett għal kull tip ta’ mard tal-ġisem u tal-moħħ; madankollu jiena ġejt magħżul minn dan il-poplu, u ġejt ikkonsagrat minn missieri, u l-Mulej innifsu ried li jiena nkun mexxej u sultan ta’ dan il-poplu; u ġejt sostnut u ppreservat permezz tal-qawwa bla paragun tiegħu, li nservikom bis-setgħa u bil-qawwa kollha u bil-moħħ li tani l-Mulej” (Mosiah 2:10–11).

Jista’ jkun li l-mexxej tagħkom fil-Knisja tal-Mulej għalikom jaf jidher xi ftit dgħajjef u uman jew jaf tħarsu lejh bħala bniedem b’ saħħtu u ispirat. Il-fatt hu li kull mexxej għandu mit-tnejn u aktar minn hekk. Ħaġa li tgħin ħafna lill-qaddejja tal-Mulej li ġew imsejħin biex imexxuna hi meta aħna nkunu nistgħu nħarsu lejhom bil-mod kif ħares lejhom il-Mulej meta Huwa sejħilhom.

Il-Mulej jara lill-qaddejja Tiegħu b’mod perfett. Huwa jara l-potenzjal tagħhom u l-futur tagħhom. U Huwa jaf kif l-istess natura tagħhom tista’ tinbidel. Huwa jaf ukoll kif huma jistgħu jinbidlu permezz tal-esperjenzi tagħhom man-nies li huma jmexxu.

Jista’ jkun li intom stess kellkom l-esperjenza li ssaħħaħtu mill-istess nies li ġejtu msejħin biex isservu. Darba jiena ġejt imsejjaħ bħala isqof tal-adulti żgħażagħ single. Jiena mhux ċert jekk l-għan tal-Mulej kienx aktar dwar it-tibdil li jiena stajt ngħinu jagħmel fihom jew it-tibdil li Huwa kien jaf li huma setgħu jagħmlu fija.

Sa ċertu punt jien ma nistax nifhem kif ħafna minn dawk iż-żgħażagħ f’ dak il-qasam kienu jħarsu lejja bħala raġel imsejjaħ minn Alla speċjalment għalihom. Huma kien setgħu jaraw id-dgħjufijiet tiegħi iżda ma kinux iħalluhom jinfluwenzawhom.

Niftakar wieħed żagħżugħ li talbni parir dwar l-għażliet tiegħu fl-edukazzjoni. Huwa kien student tal-ewwel sena f’ università tajba ħafna. Ġimgħa wara li jien kont tajtu l-parir tiegħi, huwa għamel appuntament miegħi.

Meta huwa daħal fl-uffiċċju, hu ssorprendieni meta saqtsieni, “Isqof, nistgħu qabel ma nitkellmu ngħidu talba flimkien? U nistgħu ninżlu għarkupptejna? U nista’ noffriha jien it-talba?”

Issorprendieni b’ dak li qalli. Iżda t-talba tiegħu ssorpendietni saħansitra aktar. Kienet tmur xi ħaġa hekk: “Missierna tas-Smewwiet, Inti taf li ġimgħa ilu l-Isqof Eyring tani parir, u ma ħadimx. Jekk jogħġbok issa ispirah x’ għandi nagħmel.”

Issa jista’ jkun li intom qed titbissmu b’ dan, iżda f’ dak il-mument jiena ma tbissimtx. Huwa diġà kien jaf x’ kien riedu jagħmel il-Mulej. Iżda huwa onora l-uffiċċju ta’ isqof fil-Knisja tal-Mulej u probabbilment riedni li jien ikolli ċ-ċans li nikseb aktar kunfidenza f’ kemm jiena stajt nirċievi rivelazzjoni f’ dik is-sejħa.

U hekk ġara. Hekk kif aħna qomna bilwieqfa u mbagħad poġġejna bilqiegħda, jiena rċevejt rivelazzjoni. Jiena għedtlu x’ kont ħassejt li riedu jagħmel il-Mulej. Dak iż-żmien huwa kellu biss 18-il sena, iżda spiritwalment kien bniedem verament matur.

Huwa diġà kien jaf li ma kellux għalfejn imur għand l-isqof b’ din it-tip ta’ problema. Iżda huwa kien tgħallem kif verament isostni lill-qaddej tal-Mulej anke fid-dgħjufijiet mortali tiegħu. Eventwalment huwa sar president tal-wited. Huwa baqa’ jġorr dejjem miegħu l-lezzjoni li konna tgħallimna flimkien: jekk inti jkollok il-fidi li l-Mulej imexxi l-Knisja Tiegħu permezz ta’ rivelazzjoni mogħtija lil dawk il-qaddejja imperfetti li Huwa jsejjaħ, il-Mulej jispiċċa jiftaħ bwieb is-sema għalihom, kif jista’ jiftaħ għalikom.

Minn dik l-esperjenza, jiena bqajt inġorr f’ ħajti l-lezzjoni li l-fidi tan-nies li aħna nservu, xi kultant aktar mill-istess fidi tagħna, tgħinna nirċievu r-rivelazzjoni li nkunu neħtieġu fis-servizz tal-Mulej.

Iżda jiena tgħallimt ukoll lezzjoni oħra. Li kieku dak it-tfajjel kien iġġudikani għall-falliment tiegħi li nagħtih parir tajjeb mal-ewwel attentat tiegħi, huwa żgur qatt ma kien se jerġa’ jiġi jistaqsini għal parir. U għalhekk, għax għażel li ma jiġġudikanix, huwa rċieva l-konferma li kien jixtieq.

Madankollu kien hemm saħansitra lezzjoni oħra li jiena tgħallimt minn dik l-esperjenza. Sa fejn naf jien, huwa ma kien mar jgħid lil ħadd fil-qasam li l-ewwel parir li jiena kont tajtu ma kienx tajjeb. Kieku għamel hekk, huwa seta’ wassal biex naqqas il-fidi ta’ oħrajn fil-qasam li jafdaw fl-ispirazzjoni tal-isqof.

Jiena nipprova ma niġġudikax lill-qaddejja tal-Mulej jew nitkellem dwar id-dgħjufijiet ovvji tagħhom. U jien nipprova ngħallem dan lil uliedi permezz tal-eżempju. Il-President James E. Faust qasam magħna prinċipju li jiena nipprova napplikah f’ ħajti. Jiena se naqsmu magħkom:

“Aħna … jeħtieġ nissapportjaw u nsostnu lill-mexxejja lokali tagħna, għaliex huma … ġew ‘imsejħin u magħżulin.’ Kull membru ta’ din il-Knisja jaf jirċievi kunsill mingħand isqof jew president tal-fergħa, president tal-wited jew tal-missjoni u mill-President tal-Knisja u l-kunsilliera tiegħu. Ħadd minn dawn l-aħwa ma talab biex jiġi msejjaħ. Ħadd mhu perfett. Madankollu huma kollha qaddejja tal-Mulej, imsejħin minnu permezz ta’ dawk li huma intitolati għall-ispirazzjoni. Dawk li jiġu msejħin, sostnuti u distinti huma intitolati għas-sapport ta’ sosteniment tagħna.

“… Id-disrispett lejn il-mexxejja ekkleżjastiċi wassal biex ħafna jsofru spiritwalment u jintilfu. Aħna għandna nħarsu lil hinn minn xi imperfezzjoni, difett u nuqqas li naħsbu li jkollhom l-irġiel li huma msejħin biex jippresedu fuqna, u għandna nissapportjaw l-uffiċċju li huma jħaddnu” (“Called and Chosen,” Liahona, Nov. 2005, 54–55).

Dak il-kunsill jasal biex ibierek lill-qaddejja ta’ Alla f’ kwalunkwe sitwazzjoni.

Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja tal-Mulej, xi mexxejja viċin tal-Profeta Joseph Smith bdew jitkellmu bejniethom dwar id-difetti tiegħu. Minkejja dak kollu li huma kienu raw b’ għajnejhom u li kienu jafu dwar il-fiduċja li l-Mulej kellu fih, huma spiċċaw ġew infetatti bħall-pesta minn spirtu ta’ kritika u għira. Wieħed mit-Tnax fassal għalina standard ta’ fidi u lealtà li aħna lkoll għandu jkollna jekk se nservu fis-saltna tal-Mulej.

Dan hu dak li qal: “Bosta presbiteri sejħu laqgħa fit-tempju għal dawk kollha li kienu jikkunsidraw lil Joseph Smith bħala Profeta mitluf. L-intenzjoni tagħhom kienet li jaħtru lil David Whitmer bħala l-mexxejja l-ġdid tal-Knisja. … Wara li sema’ l-argumenti kollha li ġew ippeżentati kontra l-Profeta, Brigham Young qam u xehed, ‘Joseph kien Profeta, u jien kont naf dan, u verament li huma setgħu jiddenunzjawh u jimmalafamawh kemm riedu; iżda huma ma setgħux jeqirdu l-ħatra tal-Profeta ta’ Alla, huma setgħu biss jeqirdu l-istess awtorità li huma kellhom, jaqtgħu l-konnessjoni li huma kellhom mal-Profeta u ma’ Alla, u jispiċċaw jixħtu lilhom infushom fl-infern” (Church History in the Fulness of Times Student Manual [manwal tas-Sistema Edukattiva tal-Knisja, 2003], it-tieni ed., 174; ara wkoll Teachings of Presidents of the Church: Brigham Young [1997], 79).

Hemm konnessjoni diretta li aħna għandna mal-Mulej fis-servizz tagħna. Tinsab f’kull sejħa li aħna msejħin biex inservu fiha fis-saltna, u tibqa’ sejra sa dawk imsejħin li jippresiedu fuqna fis-saċerdozju, sewwasew sal-profeta li huwa f’ kuntatt mal-Mulej. Jeħtieġ li jkollna l-fidi u l-umiltà biex aħna nservu fis-sejħa li ġejna msejħin fiha, biex nafdaw li Hu l-Mulej li sejjaħ lilna u lil dawk li jippresiedu fuqna, u li aħna għandna nsostnuhom b’ fidi sħiħa.

Ikun hemm mumenti, kif ġara fi żmien Kirtland, meta aħna nkunu neħtieġu l-fidi u l-integrità ta’ Brigham Young biex nieqfu fil-post fejn sejħilna l-Mulej, b’ lealtà lejn il-Profeti Tiegħu u lejn il-mexxejja li Huwa għażel.

Jiena naqsam ix-xhieda solenni madankollu ta’ ferħ tiegħi li l-Mulej Ġesù Kristu jinsab fit-tmun. Huwa jmexxi l-Knisja Tiegħu u lill-qaddejja Tiegħu. Jiena naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi li Thomas S. Monson huwa l-uniku bniedem li jħaddan u jeżerċita l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju mqaddes fid-dinja f’ dawn iż-żminijiet. U jien nitlob għall-barkiet fuq il-qaddejja umli kollha li jaqdu bil-qalb u b’ diliġenza fil-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu, liema Knisja Huwa stess personalment jinsab imexxi. Jiena nixhed li Joseph Smith ra lil Alla l-Missier u lil Ġesù Kristu. Huma tkellmu miegħu. L-imfietaħ tas-saċerdozju ġew irrestawrati biex jitbierku l-ulied kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet. Hija l-missjoni tagħna u d-dmir tagħna li aħna nservu fis-sejħa tagħna fil-kawża tal-Mulej. F’ isem Ġesù Kristu, amen.