L-Indiema hija Ħaġa Pożittiva Dejjem
Il-mument li fih nibdew nimxu fit-triq tal-indiema, aħna nkunu qed nistiednu f’ ħajjitna l-qawwa feddejja tas-Salvatur.
Bosta snin ilu, il-President Gordon B. Hinckley attenda għal logħba futbol tal-kulleġġi. Huwa mar hemm biex iħabbar li l-istadju kien se jissemma għal kowċ tant maħbub li kien ilu żmien twil imexxi t-tìm, li kien wasal biex jirtira. F’ din il-logħba t-tìm kellu verament bżonn ta’ rebħa biex permezz tagħha huma jkunu jistgħu jonoraw lill-kowċ tagħhom. Il-President Hinckley mar iżur il-kamra li fiha jinġabru l-plejers biex jaqsam magħhom ftit kliem ta’ inkuraġġiment. Ispirati bi kliem li qalilhom, it-tim dak inhar spiċċa biex rebaħ il-logħba u temm l-istaġun b’ rekord ta’ rebħ.
Illum, nixtieq inkellem lil dawk li jafu qed jinkwetaw għax f’ ħajjithom huma mhux qed ikunu fuq in-naħa rebbieħa. Il-verità hi, bla dubju, li aħna “kollha dnibna u ċċaħħadna mill-glorja ta’ Alla.”1 Filwaqt li jaf ikun hemm staġuni fl-isports fejn it-tìm ikun fuq in-naħa t-telliefa, fil-ħajja dan ma jkun qatt. Iżda jiena nixhed li s-Salvatur Ġesù Kristu ġab fis-seħħ Att tal-Fidwa mill-aktar perfett u tana r-rigal tal-indiema—it-triq lura għalina għal dija perfetta ta’ tama u ħajja rebbieħa.
L-Indiema Twassal għall-Ferħ
Ħafna drabi aħna nħarsu lejn l-indiema bħala xi ħaġa miżerabbli u ta’ dwejjaq. Iżda l-pjan ta’ Alla huwa l-pjan ta’ ferħ, mhux il-pjan tal-miżerja! L-indiema hija ħaġa edifikanti u nobbli. Huwa d-dnub li jwassal għall-iskuntentizza.2 L-indiema hija t-triq li tgħinna noħorġu minnha! Kif spjega tajjeb il-Presbiteru D. Todd Christofferson: “Fil-ħajja, mingħajr l-indiema la nistgħu nimxu verament ‘il quddiem u lanqas ma nistgħu navvanzaw. … Huwa biss permezz tal-indiema li aħna nistgħu niksbu aċċess għall-grazzja tal-att tal-fidwa ta’ Ġesù Kristu u tas-salvazzjoni. L-indiema … tagħtina l-ħelsien, il-kunfidenza u l-paċi.”3 Il-messaġġ tiegħi lilkom ilkoll—speċjalment liż-żgħażagħ—huwa li l-indiema hija dejjem ħaġa pożittiva.
Meta aħna nitkellmu dwar l-indiema, aħna ma nkunux qed nitkellmu biss dwar l-isforzi li aħna nagħmlu biex nitjiebu personalment. L-indiema vera hija aktar minn hekk—hija ispirata mill-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu u fil-qawwa Tiegħu li jaħfer dnubietna. Kif għallimna l-Presbiteru Dale G. Renlund, “Mingħajr il-Feddej, … l-indiema ssir sempliċiment modifikazzjoni ta’ mġieba miżerabbli.”4 Aħna nistgħu nippruvaw nibdlu l-imġieba tagħna weħidna, iżda huwa biss is-Salvatur li jista’ jneħħi t-tbajja’ tagħna u jtaffi t-tagħbija tagħna, u jagħtina ċ-ċans li nerġgħu lura fit-triq tal-ubbidjenza b’ kunfidenza u qawwa. Il-ferħ tal-indiema huwa aktar minn sempliċiment ferħ li nħossu meta ngħixu ħajja diċenti. Huwa l-ferħ tal-maħfra, li aħna erġajna nodfa mill-ġdid u li qed nersqu aktar viċin Alla. La darba intom tesperjenzaw dan il-ferħ, l-ebda ferħ inferjuri ma jkun suffiċjenti għalina.
L-indiema vera tispirana biex l-ubbidjenza tagħna tkun għalina impenn—patt, fejn nibdew bil-magħmudija u nkomplu billi kull ġimgħa nġedduh permezz tal-Ikla tal-Mulej, is-sagrament. Hemmhekk aħna nirċievu l-wegħda li aħna jista’ “jkollna dejjem magħna l-Ispirtu Tiegħu,”5 bil-ferħ u l-paċi li nistgħu niksbu permezz tas-sħubija kostanti Tiegħu. Dan huwa frott l-indiema, u huwa dan li jwassal biex l-indiema tkun esperjenza ta’ ferħ!
L-Indiema Teħtieġ il-Persistenza
Jiena vermament togħġobni l-parabbola tal-iben il-ħali.6 Hemm xi ħaġa verament li tqanqlek dwar il-mument tant sinifikattiv meta l-iben il-ħali “daħal fih innifsu.” Hekk kif huwa kien jinsab bilqiegħda ġewwa l-maqjel, fejn xtaq li “jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer,” hu finalment irrealizza li huwa mhux biss ħela wirt missieru iżda kien ħela wkoll ħajtu. Bit-tama li missieru jaċċettah lura—jekk mhux bħala ibnu għallinqas bħala l-anqas fost il-qaddejja—huwa ħassu determinat li jħalli warajh il-passat ribelluż tiegħu u jmur lura d-dar.
Mhux l-ewwel darba li kkontemplajt dwar il-mixja twila tiegħu lejn id-dar. Kien hemm mumenti meta huwa beda jitħawwad u beda jgħid bejnu u bejn ruħu, “Tgħid kif se jilqagħni missieri?” Jista’ saħansitra anke ħass li kellu jerġa’ lura lejn il-maqjel. Immaġinaw kemm kienet tkun differenti l-istorja li kieku huwa qata’ qalbu. Iżda l-fidi tiegħu għenitu jibqa’ miexi, u l-fidi kienet ukoll li żammet lil missieru jibqa’ jistennih bil-paċenzja kollha, sakemm finalment:
“Kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.
“Missier,’ qallu ibnu, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.
“Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh: …
“Għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.”
L-Indiema Hi għal Kulħadd
Ħuti, aħna lkoll nixbhu lill-iben il-ħali. Aħna lkoll “dħalna fina nfusna”—probabbilment aktar minn darba—u għażilna t-triq li twassalna lura d-dar. Hija għażla li nagħmlu kuljum, tul ħajjitna.
Ħafna drabi aħna nassoċjaw l-indiema ma’ dnubiet gravi li jeħtieġu “bidla kbira.”7 Iżda l-indiema jeħtieġha kulħadd—dawk li jinsabu jiġġerrew f’ “toroq ipprojbiti u jinsabu mitlufin”8 kif ukoll dawk li “daħlu fit-triq stretta u dejqa” u issa jeħtieġ li “jibqgħu mexjin ‘il quddiem.”9 L-indiema tpoġġina lura fit-triq il-ġusta kif ukoll iżommna sodi fit-triq il-ġusta. Hija għal dawk li għadhom kif bdew jemmnu, għal dawk li ilhom jemmnu, kif ukoll għal dawk li jeħtieġ li jerġgħu jibdew jemmnu. Kif għallem il-Presbiteru David A. Bednar: “Ħafna minna nifhmu b’ mod ċar li l-Att tal-Fidwa hu għall-midinbin. Madankollu, jiena mhux ċert jekk aħna nafux u nifhmux li l-Att tal-Fidwa huwa wkoll għall-qaddisin—nisa u rġiel fidili li huma ubbidjenti, denji u … li qed jippruvaw isiru nies aħjar.”10
M’ilux jiena mort inżur ċentru għat-taħriġ missjunarju hekk kif kienu għadhom kif jaslu grupp ta’ missjunarji ġodda. Ħassejtni verament kommoss hekk kif jiena bdejt inħares lejhom u nosserva d-dawl f’ għajnejhom. Huma dehru veru ferħanin, kuntenti u mimlijin entużjażmu. Fil-pront feġġ ħsieb f’ moħħi: “Huma kienu esperjenzaw il-fidi li twassal għall-Indiema. B’hekk huma jinsabu mimlijin b’ daqsehekk ferħ u tama.”
Ma naħsibx li dan ifisser li huma kienu wettqu xi trasgressjonijiet serji fil-passat tagħhom, iżda jiena naħseb li huma kienu jafu kif kellhom jindmu; huma tgħallmu li l-indiema hija ħaġa pożittiva; u huma kienu lesti u ħerqanin biex jaqsmu dan il-messaġġ ta’ ferħ mad-dinja.
Dan li jiġri meta aħna nħossu l-ferħ tal-indiema. Ikkunsidraw ftit l-eżempju ta’ Enos. Huwa kellu mumenti li fihom hu kellu “jidħol fih innifsu”, u wara li “l-ħtija tiegħu ħallietu,” qalbu daret immedjatament lejn il-ġid tal-oħrajn. Enos għadda l-kumplament ta’ ħajtu jistieden lin-nies kollha sabiex jindmu u “jifirħu minħabba l-indiema aktar milli bl-affarijiet tad-dinja.”11 Dan li tagħmel l-indiema; iddawwar qlubna lejn għajrna, għax aħna nafu li l-ferħ li aħna nħossu għandu jesperjenzah kulħadd.
L-Indiema Għandna Nibqgħu Nfittxuha Tul Ħajjitna
Jiena għandi ħabib li trabba f’ familja ta’ Qaddisin tal-Aħħar Jiem anqas attivi. Meta huwa kien għadu adult żagħżugħ, huwa “daħal fih innifsu” u ddeċieda li jitħejja biex iservi missjoni.
Huwa sar missjunarju eċċellenti. Fl-aħħar jum tiegħu qabel mar lura d-dar, il-president tal-missjoni intervistah u staqsieh biex jaqsam it-testimonjanza tiegħu. Huwa hekk għamel, u wara tgħannieqa mill-aktar kommoventi, il-president qal, ‘Presbiteru, fi ftit xhur inti tista’ tispiċċa tinsa jew tiċħad dak kollu li għadek kif qsamt miegħi fit-testimonjanza tiegħek jekk inti ma tkomplix tagħmel dawk il-ħwejjeġ li wara kollox għenuk tibni t-testimonjanza tiegħek.”
Aktar tard sieħbi qalli li minn dak inhar li huwa rritorna lura mill-missjoni tiegħu, huwa kompla kuljum jitlob u jaqra l-iskrittura. Għax huwa baqa’ kontinwament “isostni lilu nnifsu permezz tal-kelma tajba ta’ Alla” hu baqa’ dejjem “fit-triq il-tajba.”12
Intom li tinsabu titħejjew biex isservu missjoni full-time u intom li ġejjin lura mill-missjoni, isimgħu x’ għedtilkom! Mhux biżżejjed li tiksbu testimonjanza; jeħtieġ li tieħdu ħsiebha u ssaħħuha. Kif jaf kull missjunarju, jekk intom tieqfu taqdfu r-rota, tispiċċaw biex taqgħu, u jekk tieqfu titimgħu t-testimonjanza tagħkom, tispiċċaw tiddgħajfu. Dan l-istess prinċipju japplika għall-indiema—għandna nibqgħu nfittxuha ħajjitna kollha, mhijiex xi esperjenza ta’ darba f’ ħajjitna.
Lil dawk kollha li qed ifittxu l-maħfra—iż-żgħażagħ, l-adulti żgħażagħ single, il-ġenituri, in-nanniet, u iva, anke il-bużnanniet—nistedinkom sabiex tiġu lura d-dar. Issa huwa ż-żmien opportun biex tibdew. Tipprokrastinawx il-jum tal-indiema tagħkom.13
Imbagħad, la darba tkunu ħadtu dik id-deċiżjoni, ibqgħu mexjin fit-triq il-ġusta. Missierna jinsab jistennikom, kollu ħerqa biex jilqagħkom fi ħdanu. Dirgħajh jinsabu miftuħin “il-jum kollu” għalikom.14 L-isforz tagħkom huwa vallapena għall-premju li hemm lest għalikom.
Tiftakru dan il-kliem ta’ Nefi: “Għalhekk ibqgħu mexjin ‘il quddiem b’ fidi soda fi Kristu, b’ tama ta’ dija perfetta u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha. Għalhekk, jekk tibqgħu mexjin fit-triq, tiffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u tibqgħu sodi sat-tmiem, dan jgħid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna.”15
Xi kultant il-vjaġġ jaf jidher wieħed twil—wara kollox, huwa l-vjaġġ lejn il-ħajja eterna. Dan jista’ jkun għalina vjaġġ ferrieħi jekk aħna nimxuh bil-fidi f’ Ġesù Kristu u bit-tama fl-Att tal-Fidwa Tiegħu. Jiena nixhed li l-mument li fih nibdew nimxu fit-triq tal-indiema, aħna nistiednu f’ ħajjitna l-qawwa feddejja tas-Salvatur. Dik il-qawwa ssaħħaħ riġlejna, tespandi l-viżjoni tagħna, u tqawwi r-riżoluzzjoni tagħna li nibqgħu mexjin ‘il quddiem, pass wara pass, sa dak il-jum glorjuż meta aħna finalment nerġgħu lura fid-dar tagħna fis-smewwiet u hemm nisimgħu lil Missierna tas-Smewwiet jgħidilna, “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil.”16 F’ isem Ġesù Kristu, amen.