Il-Pjan u l-Proklamazzjoni
Il-proklamazzjoni tal-familja hija l-enfasi mill-ġdid li l-Mulej għamel fuq il-veritajiet tal-evanġelju li aħna lkoll neħtieġu sabiex isostnuna qalb l-isfidi kurrenti li qed tiffaċċja l-familja.
Kif inhu evidenti fil-proklamazzjoni tal-familja, il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem huma mberkin b’ duttrina unika u b’ perspettiva differenti kif huma jħarsu lejn id-dinja. Aħna nipparteċipaw u saħansitra neċċellaw f’ bosta attivitajiet tad-dinja, iżda hemm attivitajiet oħra tad-dinja li aħna m’għandna qatt nipparteċipaw fihom hekk kif aħna nfittxu li nimxu wara t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu u l-Appostli Tiegħu, kemm tal-qedem kif ukoll ta’ żmienna.
I.
Permezz ta’ parabbola, Ġesù ddeskriva lil dawk li “jisimgħu l-kelma” iżda “ma jagħmlux frott” meta l-kelma “tinħonoq” permezz “tal-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art” (Mattew 13:22). Aktar tard, Ġesù kkoreġa lil Pietru għax ma ħasibx “fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin,” fejn iddikjara, “Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?” (Mattew 16:23, 26). Fl-aħħar tagħlim Tiegħu fil-ħajja mortali, Huwa qal lill-Appostli Tiegħu, “Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha; iżda billi m’intomx tad-dinja, … id-dinja tobgħodkom” (Ġwanni 15:19; ara wkoll Ġwanni 17:14, 16).
Bl-istess mod, il-kitba tal-ewwel Appostli ta’ Ġesù spiss kienet tinkludi fiha l-immaġni tad-“dinja” li tirrappreżenta oppożizzjoni lejn it-tagħlim tal-evanġelju. “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja” (Rumani 12:2), għallem l-Appostlu Pawlu. “Għax l-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla” (1 Korintin 3:19). U, “Qisu,” huwa widdeb, “li ħadd ma ijassarkom … skont dak li hu ġej mill-bnedmin, skont il-prinċipji tad-dinja u mhux ta’ Kristu” (Kolossin 2:8). L-Appostlu Ġakbu għallem li “l-ħbiberija mad-dinja hija l-għadu ta’ Alla. Min mela jrid isir ħabib tad-dinja huwa għadu ta’ Alla” (Ġakbu 4:4).
Il-Ktieb ta’ Mormon spiss juża din l-immaġni tal-oppożizzjoni tad-“dinja.” Nefi bassar il-qerda eventwalment ta’ “dawk li jiftaħru b’ rixhom biex ikunu popolari f’ għajnejn id-dinja, u dawk li jfittxu … l-ħwejjeġ tad-dinja” (1 Nephi 22:23; ara wkoll 2 Nephi 9:30). Alma kkundanna lil dawk li kienu “mkabbrin … minħabba l-ħwejjeġ vanitużi tad-dinja” (Alma 31:27). Il-ħolma ta’ Leħi turina li dawk li jfittxu li jimxu wara l-bastun tal-ħadid, il-kelma ta’ Alla, jirnexxilhom jikkumbattu l-oppożizzjoni tad-dinja. L-okkupanti tal-“bini kbir u spazjuż” li Leħi ra kienu qegħdin “jgħadduhom biż-żmien” u “jirridikolawhom” (1 Nephi 8:26–27, 33). Fil-viżjoni li kellu li interpretat din il-ħolma, Nefi tgħallem li din ir-ridikulaġni u l-oppożizzjoni kienu ġejjin mill- “miġemgħa tad-dinja, … mid-dinja u l-għerf tagħha; … il-kburija tad-dinja” (1 Nephi 11:34–36).
X’inhi t-tifsira ta’ dawn it-twissijiet u l-kmandamenti li ma nkunux “tad-dinja” jew il-kmandament ta’ żmienna biex “niċħdu d-dinja”? (D&C 53:2). Il-President Thomas S. Monson iddeskriva fi ftit kliem dan it-tagħlim: “Jeħtieġ li aħna nkunu viġilanti f’ dinja li tbiegħdet wisq minn dak li huwa spiritwali. Hija ħaġa mill-aktar essenzjali li aħna niċħdu kull ħaġa li mhijiex konforma mal-istandards tagħna, li fil-proċess nirrifjutaw li nikkonsenjaw ruħna għal dak li nixtiequ l-aktar: il-ħajja eterna fis-saltna ta’ Alla.”1
Alla ħoloq din id-dinja skont il-pjan Tiegħu biex jipprovdi lill-ulied spirti Tiegħu post li fih huma jesperjenzaw il-mortalità bħala pass neċessarju lejn il-glorji li Huwa jixtieq għal uliedu kollha. Filwaqt li hemm diversi saltniet u glorji, l-akbar xewqa li Missierna tas-Smewwiet għandu għal uliedu hi dik li l-President Monson isejħilha “l-ħajja eterna fis-saltna ta’ Alla,” li hija l-eżaltazzjoni bħala familji. Din hija xi ħaġa ogħla mis-salvazzjoni. Il-President Russell M. Nelson fakkarna, “Fil-pjan etern ta’ Alla, is-salvazzjoni hija xi ħaġa li niksbuha b’ mod individwali; iżda l-eżaltazzjoni hija xi ħaġa li niksbuha bħala familja.”2
L-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu u l-proklamazzjoni ispirata tal-familja, li se niddiskutiha dalwaqt, huma tagħlim essenzjali li jiggwida t-tħejjija mortali għall-eżaltazzjoni. Anke filwaqt li aħna għandna ngħixu skont il-liġijiet maritali u skont ċerti drawwiet oħra f’ dinja li aktar ma tmur aktar qed issir ħażina, dawk li jagħmlu l-almu tagħhom biex jilħqu l-eżaltazzjoni jeħtieġ jagħmlu ċerti għażliet personali fil-ħajja tal-familja skont il-mod kif irid il-Mulej kull meta l-mod tal-Mulej ikun differenti mill-mod tad-dinja.
F’ din il-ħajja mortali, aħna ma bqajniex niftakru x’ ġara qabel ma aħna twelidna, u issa f’ din id-dinja aħna qed nesperjenzaw l-oppożizzjoni. Aħna nikbru u nimmaturaw spiritwalment meta aħna nagħżlu li nobdu l-kmandamenti ta’ Alla f’ suċċessjoni ta’ għażla tajba wara l-oħra. Dan jinkludi ċerti patti u ordinanzi kif ukoll li aħna nindmu meta aħna ma nagħżlux it-tajjeb. B’ kuntrast għal dan, jekk aħna ma tantx ikollna fiduċja fil-pjan ta’ Alla u nkunu diżubbidjenti jew deliberatament nibqgħu lura milli nagħmlu xi ħaġa, aħna nkunu qed inwaqqfu dak it-tkabbir u dik il-maturità. Il-Ktieb ta’ Mormon jgħallem, “Din il-ħajja hija ż-żmien li fih il-bnedmin jitħejjew biex jiltaqgħu ma’ Alla” (Alma 34:32).
II.
Il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li jifhmu l-pjan tas-salvazzjoni għandhom perspettiva unika li tgħinhom jaraw ir-raġuni għalfejn aħna għandna l-kmandamenti tal-Alla, tgħinhom jifhmu r-raġuni wara n-natura li ma tinbidel qatt tal-ordinanzi meħtieġa Tiegħu, u l-irwol fundamentali tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. L-Att tal-Fidwa tas-Salvatur tagħna jipprovdilna mod kif aħna nistgħu negħlbu l-mewt u jsalvana mid-dnub jekk aħna nindmu. B’ din il-perspettiva, il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem għandhom ċerti prioritajiet u drawwiet distintivi u huma mberkin bil-qawwa li tgħinhom jikkumbattu l-frustrazzjoni u l-uġigħ tal-ħajja mortali.
Inevitabbilment, l-għemejjel ta’ dawk li jippruvaw jimxu wara l-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla jafu jwasslu għal nuqqas ta’ ftehim jew saħansitra kunflitt ma’ dawk il-membri tal-familja u dawk il-ħbieb li ma jemmnux fl-istess prinċipji. Dejjem se jkun hemm dan il-kunflitt. Kull ġenerazzjoni li ppruvat timxi wara l-pjan ta’ Alla kellha l-isfidi tagħha. Fi żmien il-qedem, il-profeta Isaija għamel il-kuraġġ lill-Iżraelin, li lilhom huwa sejjaħ “intom li tagħrfu l-ġustizzja, … il-liġi tiegħi f’qalbkom.” Lilhom huwa qal, “La tibżgħux mit-tagħjir tan-nies; u minn tkasbirhom la tiregħxux” (Isaija 51:7; ara wkoll 2 Nephi 8:7). Iżda tkun xi tkun il-kawża ta’ kunflitt ma’ dawk li ma jifhmux jew ma jemmnux il-pjan ta’ Alla, dawk li jifhmuh huma dejjem mitlubin biex jagħżlu l-mod kif irid il-Mulej mhux kif trid id-dinja.
III.
Il-pjan tal-evanġelju li kull familja għandha timxi warajh biex tkun tista’ titħejja għall-ħajja eterna u għall-eżaltazzjoni huwa deskritt fil-qosor fil-proklamazzjoni tal-Knisja tal-1995, “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja.”3 Id-dikjarazzjonijiet li nsibu fiha huma, bla dubju, differenti għall-aħħar mil-liġijiet, mid-drawwiet u mid-dikjarazzjonijiet kurrenti tad-dinja li ninsabu ngħixu fiha. Fi żmienna, id-differenzi l-aktar evidenti huma l-koabitazzjoni mingħajr żwieġ, iż-żwieġ bejn nies tal-istess sess u t-trobbija tat-tfal f’ relazzjonijiet bħal dawn. Dawk li ma jemmnux fl-eżaltazzjoni jew ma jaspirawx għaliha u li jipperswadu ruħhom mill-modi tad-dinja jikkunsidraw din il-proklamazzjoni tal-familja bħala sempliċiment dikjarazzjoni ta’ polisi partikolari li hemm bżonn tinbidel. B’ kuntrast għal dan, il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem jaffermaw li l-proklamazzjoni tal-familja tiddefinixxi t-tip ta’ relazzjonijiet tal-familja li fihom iseħħ l-aktar żvilupp importanti li aħna jista’ jkollna, l-iżvilupp etern tagħna.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar bdejna naraw il-pubbliku ġenerali jaċċetta l-koabitazzjoni mingħajr żwieġ u ż-żwieġ bejn nies tal-istess sess. Is-sapport, l-edukazzjoni u saħansitra l-ħtiġijiet okkupazzjonali tal-midja qed joħolqu ċerti sfidi diffiċli għall-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Jeħtieġ li aħna nippruvaw nibbilanċjaw id-domanda kompetittiva li aħna għandna li nimxu wara l-liġijiet u t-tagħlim tal-evanġelju fil-ħajja personali tagħna, sewwasew hekk kif aħna nippruvaw nuru mħabbitna lejn kulħadd.4 Hekk kif nagħmlu dan, xi kultant aħna jkollna niffaċċjaw, iżda mingħajr ma nibżgħu, dak li Isaija sejjaħlu “t-tagħjir tan-nies.”
Dawk il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li kkonvertew verament jemmnu li l-proklamazzjoni tal-familja, li ħarġet kważi kwart ta’ seklu ilu u li llum hija tradotta f’ numru kbir ta’ lingwi, hija l-enfasi mill-ġdid li l-Mulej għamel fuq il-veritajiet tal-evanġelju, veritajiet li aħna lkoll neħtieġu biex isostnuna qalb l-isfidi kurrenti li qed tiffaċċja l-familja. Żewġ eżempji ta’ dan huma ż-żwieġ bejn nies tal-istess sess u l-koabitazzjoni mingħajr żwieġ. Kien biss 20 sena wara l-proklamazzjoni tal-familja li l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti awtorizzat iż-żwieġ bejn nies tal-istess sess, ħaġa li mhi xejn ħlief att sovversiv kontra eluf ta’ snin ta’ żwieġ limitat biss bejn raġel u mara. Il-persentaġġ xokkanti ta’ tfal fl-Istati Uniti li twieldu minn omm li mhijiex miżżewġa lill-missier it-tarbija qiegħed aktar ma jmur aktar jikber. 5 fil-mija fl-1960,5 32 fil-mija fl-1995,6 u llum il-ġurnata 40 fil-mija.7
IV.
Il-proklamazzjoni tal-familja tibda billi tiddikjara “li ż-żwieġ bejn raġel u mara hu ordnat minn Alla u li l-familja hija fil-qalba tal-pjan tal-Kreatur għad-destin etern ta’ wliedu.” Tafferma wkoll li “s-sess tagħna, aħniex maskili jew femminili, huwa karatteristika essenzjali tal-identità u l-għan primortali, mortali u etern ta’ kull individwu.” Tkompli tiddikjara “li Alla talabna biex il-qawwiet sagri tal-prokreazzjoni għandhom jitħaddmu biss minn raġel u mara li huma miżżewġin skont il-liġi.”
Il-proklamazzjoni tafferma d-dmir kontinwu tar-raġel u l-mara li joktru u jimlew id-dinja u li għandhom “responsabbiltà solenni li jħobbu u jieħdu ħsieb xulxin u jieħdu ħsieb wliedhom”: “It-tfal huma intitolati li jitwieldu minn rabta taż-żwieġ, u jittrabbew minn missier u omm li jonoraw il-wegħdi taż-żwieġ tagħhom b’ lealtà sħiħa.” Hija twiddeb b’ solennità kontra l-abbuż lejn il-mara (jew raġel) jew lejn l-ulied, u tafferma li “l-kuntentizza fil-ħajja tal-familja hemm ċans akbar li tinkiseb meta tkun ibbażata fuq it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu.” Finalment, tħeġġiġna wkoll biex nippromwovu “miżuri uffiċjali maħluqin biex isostnu u jsaħħu l-familja bħala l-unit fundamentali tas-soċjetà.”
Fl-1995, President tal-Knisja u 14-il Appostlu ieħor tal-Mulej ħarġu dawn id-dikjarazzjonijiet duttrinali mill-aktar importanti. Bħala wieħed mis-seba’ Appostli li għadna ħajjin, għall-informazzjoni ta’ dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu, jiena nħossni obbligat li naqsam magħkom x’ kien li wassal għall-proklamazzjoni tal-familja.
It-tmexxija tal-Knisja, ‘il fuq minn 23 sena ilu, irċeviet l-ispirazzjoni li wasslitna biex nidentifikaw il-bżonn għal proklamazzjoni dwar il-familja. Kienet sorpriża għal xi wħud li ħasbu li l-veritajiet duttrinali dwar iż-żwieġ u l-familja kulħadd kien jifhimhom sew mingħajr il-bżonn li aħna nerġgħu nagħmlu enfażi dwarhom.8 Madankollu, aħna ħassejna din il-konferma u għamilna xi ħaġa dwarha. Għal madwar sena sħiħa l-membri tal-Kworum tat-Tnax identifikaw u ddiskutew numru ta’ suġġetti. Il-lingwa ġiet proposta, analizzata u riveduta. Aħna kontinwament tlabna bil-ħerqa lill-Mulej għall-ispirazzjoni Tiegħu dwar x’ għandna ngħidu u kif għandna ngħiduh. Aħna tgħallimna “linja wara linja, preċett wara preċett,” kif wiegħed il-Mulej (D&C 98:12).
Waqt dan il-proċess rivelatorju, ġie ppreżentat test lill-Ewwel Presidenza, li ssorveljaw u ddikjaraw it-tagħlim u d-duttrina tal-Knisja. Wara li l-membri tal-Presidenza għamlu aktar tibdil, il-proklamazzjoni dwar il-familja ġiet imħabbra mill-President tal-Knisja, Gordon B. Hinckley. Fil-laqgħa tan-nisa tat-23 ta’ Settembru, 1995, huwa introduċa l-proklamazzjoni permezz ta’ dan il-kliem: “B’ daqstant sofistika li tiġi ddikjarata bħala verità, b’ daqstant qerq fejn jidħlu standards u valuri, b’ daqstant tentazzjoni u istigazzjonijiet biex niċċappsu bl-affarijiet tad-dinja, aħna ħassejna li għandna nwissu u nerġgħu nwissu.”9
Jiena nixhed li l-proklamazzjoni dwar il-familja hija dikjarazzjoni ta’ verità eterna, ir-rieda tal-Mulej għal uliedu li qed ifittxu l-ħajja eterna. Kienet il-bażi tat-tagħlim u d-drawwiet tal-Knisja għal dawn l-aħħar 22 sena u se tkompli tkun hekk fil-ġejjieni. Araw li anke intom tikkunsidrawha hekk, araw li intom tgħallmuha, tgħixu skont il-prinċipji tagħha u żgur tkunu mberkin hekk kif timxu ‘l quddiem lejn il-ħajja eterna.
Erbgħin sena ilu, il-President Ezra Taft Benson għallem li “kull ġenerazzjoni għandha l-isfidi tagħha u n-nies ta’ dik il-ġenerazzjoni għandhom ukoll iċ-ċans li jieqfu u jippruvaw lilhom infushom.”10 Jiena nemmen li l-attitudni tagħna lejn il-proklamazzjoni tal-familja u l-mod kif aħna nużawha huma wħud mill-isfidi ta’ din il-ġenerazzjoni. Jiena nitlob biex il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem jieqfu fermi f’ din l-isfida.
Se nagħlaq bit-tagħlim li l-President Gordon B. Hinckley għallem sentejn wara li ġiet mħabbra l-proklamazzjoni tal-familja. Huwa qal: Jiena qed nara futur mill-isbaħ f’ dinja mill-aktar inċerta. Jekk aħna ngħixu skont il-valuri tagħna, jekk aħna nkomplu nibnu fuq il-wirt tagħna, jekk aħna nimxu f’ ubbidjenza quddiem il-Mulej, jekk aħna sempliċiment ngħixu l-evanġelju, aħna niġu mberkin b’ mod mill-aktar meraviljuż. Jibdew iħarsu lejna bħala nies pekuljari li rnexxielna nsibu s-sigriet għall-ferħ pekuljari.”11
Jiena nixhed dwar il-verità u l-importanza eterna tal-proklamazzjoni tal-familja, kif żvelata mill-Mulej Ġesù Kristu lill-Appostli Tiegħu għall-eżaltazzjoni ta’ wlied Alla (ara Doctrine and Covenants 131:1–4), f’ isem Ġesù Kristu, amen.