Duru lejn il-Mulej
Aħna ma nistgħux nikkontrollaw kull ħaġa li tiġrilna, iżda aħna għandna kontroll assolut dwar kif aħna nirrispondu għat-tibdil f’ ħajjitna.
Fir-rebbiegħa tal-1998, jien u Carol irnexxielna nikkumbinaw in-negozju ma’ btala mal-familja fi vjaġġ ta’ ftit ġranet sal-Ħawajj li aħna ppjanajna mal-erbat itfal tagħna u mal-kunjata li kienet għadha kif romlot.
Il-lejla ta’ qabel ma kellna ntiru lejn il-Ħawaii, it-tifel tagħna ta’ erba’ xhur, Jonathon, qabditu infezzjoni doppja f’ widnejh, u ġejna mgħarrfin li huwa kellu jagħmel tal-anqas tlett ijiem jew erbgħa mingħajr ma jivvjaġġa. Ħadna deċiżjoni li Carol tibqa’ d-dar ma’ Jonathon, filwaqt li jiena mmur nivvjaġġa flimkien mal-kumplament tal-familja.
Ftit wara l-wasla tagħna, kelli l-ewwel indikazzjoni li dan ma kienx il-vjaġġ li jiena kont qed nittama għalih. Waqt mixja tul mogħdija kollha siġar tal-palm taħt dawl il-qamar b’ veduta tal-baħar mill-isbaħ quddiemna, jien bdejt nikkummenta dwar is-sbuħija ta’ dik il-gżira u f’ dak il-mument daqstant romantiku, jiena dort u minflok ma’ rajt quddiemi lil Carol, spiċċajt inħares dritt f’ għajnejn il-kunjata—li ppermettuli ngħid, li nħobbha verament. Dan sempliċiment ma kienx dak li jien kont anteċipajt. Kif lanqas Carol stess ma stenniet li kienet se tispiċċa tqatta’ l-btala tagħha d-dar weħida mat-tifel ċkejken tagħna li kien spiċċa ma jiflaħx.
Ikun hemm mumenti f’ ħajjitna meta aħna nsibu lilna nfusna f’ xi mogħdija li ma nkunux qed nistennew, u nispiċċaw inħabbtu wiċċna ma’ ċirkustanzi aktar severi minn btala xi ftit imħarbta. Aħna kif nirreaġixxu meta ċerti avvenimenti, li ħafna drabi ma jkollniex kontroll fuqhom, jispiċċaw ibiddlu l-ħajja li nkunu fassalna jew ittamajna għaliha?
Fis-6 ta’ Ġunju, 1944, iż-żagħżugħ Hyrum Shumway, li kien it-tieni logutenent fl-Armata tal-Istati Uniti, niżel fuq ix-Xtajta ta’ Omaha bħala parti mill-invażjoni ta’ Jum il-Liberazzjoni (D-day). Huma niżel mingħajr ebda periklu, iżda fis-27 ta’ Lulju, bħala parti mill-offensiva tal-Alleati, huwa spiċċa ferut b’ mod gravi permezz ta’ splużjoni ta’ mina ta’ kontra t-tankijiet. F’ ħakka tajn, dan ħalla impatt mill-aktar drammatiku fuq ħajtu kif ukoll fuq il-karriera medika futura tiegħu. Wara diversi operazzjonijiet, li għenuh jirkupra minn ħafna mill-feriti serji li kellu, Brother Shumway baqa’ qatt ma kiseb lura d-dawl t’għajnejh. X’ kienet ir-reazzjoni tiegħu għal dan?
Wara li qatta’ tliet snin fi sptar għar-riabilitazzjoni, huwa mar lura d-dar ġewwa Lovell, Wyoming. Huwa kien jaf li l-ħolma tiegħu li jsir tabib mediku ma kenitx aktar possibbli, iżda huwa kien determinat li jibqa’ javvanza, jiżżewweġ u jissapportja familja.
Eventwalment huwa sab impjieg ġewwa Baltimore, Maryland, bħala kunsillier tar-rijabilitazzjoni u bħala speċjalista tal-impjiegi għall-għomja. Fl-istess proċess ta’ riabilitazzjoni tiegħu, huwa rrealizza li l-għomja huma ferm aktar kapaċi milli kien jaħseb hu, u fit-tmien snin li huwa għamel f’ din il-pożizzjoni, huwa wassal li n-nies għomja jsibu impjieg aktar minn kull kunsillier ieħor fil-pajjiż.
Issa li kien kunfidenti li seta’ jipprovdi għal familja tiegħu, Hyrum ippropona lill-maħbuba tiegħu billi qalilha, “Jekk inti lesta taqra l-ittri li nirċievu bil-post, tiġbor il-kalzetti u ssuq il-karozza, jiena lest nagħmel il-kumplament.” Huma ma damux ma ġew issiġillati ġewwa t-Tempju ta’ Salt Lake u ultimament ġew imbierka bi tmint itfal.
Fl-1954, huwa marru lura f’ Wyoming, fejn Brother Shumway ħadem għal 32 sena sħaħ bħala Direttur tal-Edukazzjoni tal-Istat għall-Għomja u t-Torox. Matul dak iż-żmien, huwa serva għal seba’ snin bħala l-isqof tal-Ewwel Qasam ta’ Cheyenne u, aktar tard, għal 17-il sena bħala patrijarka tal-wited. Wara li huwa rtira, Brother u Sister Shumway servew ukoll bħala koppja anzjana fil-Missjoni tan-Nofsinhar tal-Londra, l-Ingilterra.
Hyrum Shumway għadda għal ħajja oħra f’ Marzu, 2011, u minkejja l-kundizzjoni diffiċli li kien fiha, huwa ħalla warajh wirt ta’ fidi u fiduċja fil-Mulej, lil ħafna dixxendenti tiegħu: lil uliedu, lin-neputijiet u lill-proneputijiet tiegħu.1
Huwa minnu li l-ħajja ta’ Hyrum Shumway inbidlet minħabba l-gwerra, iżda huwa qatt ma ddubita n-natura divina u l-potenzjal etern tiegħu. Bħalu, aħna ulied spirtu ta’ Alla, u aħna “aċċettajna l-pjan Tiegħu li permezz tiegħu aħna nistgħu niksbu ġisem fiżiku u esperjenza f’ din id-dinja biex nimxu ‘l quddiem lejn il-perfezzjoni u ultimament nirrealizzaw id-destin divin tagħna bħala werrieta tal-ħajja eterna.”2 L-ebda bidla, sfida jew oppożizzjoni, kbar kemm huma kbar, ma jistgħu jibdlu din ir-rotta eterna—jistgħu jibdluha biss l-għażliet tagħna, hekk kif aħna neżerċitaw l-għażla ħielsa tagħna.
It-tibdil, u l-isfidi li jġib miegħu, li dan jikkaġuna, li aħna nħabbtu wiċċna miegħu fil-mortalità, jista’ jkun ta’ diversi forom li lilna ma jaffettwawniex kollha bl-istess mod. Bħalkom, jiena rajt b’ għajnejja ħbieb u membri tal-familja jħabbtu wiċċhom ma’ ċerti sfidi riżultat ta’:
-
Mewt ta’ xi ħadd maħbub.
-
Divorzju diffiċli.
-
Forsi qatt ma kellhom l-opportunità li jiżżewġu.
-
Marda jew korriment.
-
U saħansitra minħabba ċerti diżastri naturali, hekk kif għandna kif rajna m’ilux madwar id-dinja.
U l-lista ma tispiċċa qatt. Għalkemm kull “bidla” taf tkun unika għaċ-ċirkustanzi individwali tagħna, hemm element komuni fl-isfidi li din il-bidla taf tikkawża f’ ħajjitna—it-tama u l-paċi huma dejjem disponibbli permezz tas-sagrifiċċju tat-tpattija ta’ Ġesù Kristu. L-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu jipprovdi l-aqwa miżura korrettiva u ta’ fejqan lil kull ġisem midrub, lil kull spirtu dgħajjef u lil kull qalb maqsuma.
B’ mod li ħadd aktar ma jista’ jifhem, Huwa jaf x’ neħtieġu aħna, individwalment, sabiex inkunu nistgħu nibqgħu mexjin ‘il quddiem minkejja l-bidla. B’ differenza għall-ħbieb u l-maħbubin tagħna, is-Salvatur mhux biss jissimpatizza magħna, iżda Huwa jista’ wkoll jempatizza magħna b’ mod perfett għaliex Huwa esperjenza dak li qed nesperjenzaw aħna. Barra milli ħallas il-prezz u sofra għal dnubietna, Ġesù Kristu mexa wkoll kull mogħdija, ħabbat wiċċu ma’ kull sfida, u ma’ kull weġgħa—fiżika, emozzjonali jew spiritwali—li aħna qatt nistgħu nesperjenzaw fil-ħajja mortali tagħna.
Il-President Boyd K. Packer għallem: “Il-ħniena u l-grazzja ta’ Ġesù Kristu mhumiex limitati biss għal dawk li jikkommettu d-dnubiet, … , iżda jikkomprendu wkoll il-wegħda tal-paċi dejjiema lil dawk li jaċċettaw u jimxu warajh u wara t-tagħlim Tiegħu. … Il-ħniena Tiegħu hija l-fejjieq setgħan, anke għal dawk l-innoċenti miġruħa.”3
F’ din l-esperjenza mortali tagħna, aħna ma nistgħux nikkontrollaw kull ħaġa li tiġrilna, iżda aħna għandna kontroll assolut dwar kif nirrispondu għat-tibdil f’ ħajjitna. Dan ma jimplikax li l-isfidi li aħna niffaċċjaw f’ ħajjitna ma jħallu warajhom l-ebda konsegwenza u li aħna nistgħu niffaċċjawhom faċilment. Dan ma jimplikax li aħna se nkunu ħielsa minn kull uġigħ jew uġigħ il-qalb. Iżda dan ifisser li aħna għandna verament raġun li nkunu mimlijin tama u grazzi għall-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, aħna nistgħu nimxu ‘l quddiem lejn żmien aħjar—sewwasew żmien mimli ferħ, dawl u hena.
F’ Mosija aħna naqraw ir-rakkont ta’ Alma, li kien qassis tas-Sultan Noè, u l-poplu tiegħu, li, “wara li ġew imwissija mill-Mulej … huma telqu fid-deżert biex jaħarbu mill-armati tas-sultan Noè.” Wara tmint ijiem, “huma waslu … f’ art mill-isbaħ u ideali” fejn “hemmhekk huma waqqfu t-tined tagħhom, u bdew jaħdmu l-art u bdew jibnu l-bini.”4
Is-sitwazzjoni tagħhom dehret waħda promettenti. Huma aċċettaw l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Huma tgħammdu bħala patt li huma kienu lesti jservu lill-Mulej u jżommu l-kmandamenti Tiegħu. U “huma tkattru u stagħnew fil-pajjiż.”5
Madankollu, iċ-ċirkustanzi tagħhom ma damux ma nbidlu. “Armata minn fost il-Lamaniti kienet tinsab fil-fruntiera tal-pajjiż.”6 Fi żmien qasir Alma u l-poplu tiegħu spiċċaw fil-jasar, u “tant kienet kbira s-sofferenza tagħhom li huma bdew jitolbu b’ qawwa kbira lil Alla.” Barra minn hekk, huma ġew mitlubin ukoll mill-ħakkiema tagħhom biex ma jibqgħux jitolbu, għax inkella, “kull min jinqabad jitlob lil Alla jiġi maqtul.”7 Alma u n-nies tiegħu ma kienu għamlu xejn biex jistħoqqilhom li jiġu ttrattati b’ dan il-mod. X’ kienet ir-reazzjoni tagħhom għal dan?
Minflok ma taw tort lil Alla, huma daru lejh u “fetħu qalbhom miegħu.” Bi tweġiba għall-fidi u t-talb sieket tagħhom, il-Mulej weġibhom: “Tfarrġu. … jiena … nħaffef it-tagħbija li għandkom fuq spallejkom, li anke intom stess ma tħossuhiex aktar fuq daharkom” Ftit wara, “il-Mulej tahom aktar saħħa sabiex huma jkunu jistgħu jġorru t-tagħbija tagħhom mingħajr wisq diffikultà, u huma ssottomettew ruħhom b’ ferħ u b’ tant paċenzja għar-rieda tal-Mulej.”8 Għalkemm huma kienu għadhom ma ġewx meħlusin mill-jasar, peress li huma daru lejn il-Mulej, u mhux lil hinn mill-Mulej, huma ġew imberkin skont il-bżonnijiet tagħhom u skont l-għerf tal-Mulej.
Il-Presbiteru Dallin H. Oaks għallem: “Il-barkiet tal-fejqan jaslu għandna b’ diversi modi, ilkoll kemm huma jilħqu l-bżonnijiet individwali tagħna, skont l-għarfien ta’ dak li l-aktar li jħobbna Xi kultant ‘il-fejqan’ jasal biex ifejjaq il-mard tagħna jew itaffi t-tagħbija tagħna. Iżda xi drabi aħna niġu ‘mfejqin’ billi ningħataw il-qawwa jew l-għarfien jew il-paċenzja biex inġorru t-tagħbija li nkunu qed inġorru.”9
Ultimament, “tant kienet kbira l-fidi u l-paċenzja tagħhom” li Alma u n-nies tiegħu ġew meħlusin mill-Mulej, kif nistgħu niġu meħlusin aħna wkoll, “u huma wrew il-gratitudni tagħhom,” “għaliex huma kienu fil-jasar, u ħadd minnhom ma seta’ jeħlishom ħlief il-Mulej Alla tagħhom.”10
L-ironija kiefra hi li, ħafna drabi, dawk li huma l-aktar fil-bżonn jispiċċaw jitbiegħdu mill-uniku sors perfett li jista’ jgħinhom— is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Rakkont familjari mill-iskrittura dwar is-serp tal-bronż jgħallimna li aħna jkollna quddiemna għażla meta niġu ffaċċjati bl-isfidi. Wara li ħafna minn fost ulied Iżrael spiċċaw ingidmu mis- “sriep velenużi u jtiru,”11 “ġie mqajjem xbieha … li kull min iħares lejh … jgħix. Iżda din kienet għażla. U kienu ħafna li ħarsu lejh u għexu.
“… Iżda kien hemm ħafna oħrajn li tant webbsu qalbhom li ma ridux iħarsu lejh, għalhekk spiċċaw biex inqerdu.”12
Bħall-Iżraelin ta’ żmien il-qedem, aħna wkoll mitlubin u mħeġġin biex inħarsu lejn is-Salvatur u ngħixu—għaliex il-madmad Tiegħu hu ħelu, u t-toqol Tiegħu ħafif, anke meta t-tagħbija tagħna tkun waħda tqila.
Alma ż-Żgħir għallem din il-verità sagra meta huwa qal, “Kull min jafda f’ Alla se jiġi megħjun fl-isfidi tiegħu, fl-inkwiet tiegħu u fis-sofferenza tiegħu, u se jiġi mgħolli ‘l fuq fl-aħħar jum.”13
F’ dawn l-aħħar jiem, il-Mulej ipprovdielna diversi riżorsi, is- “sriep tal-bronż” tagħna, li l-għan tagħhom kollha hu li jgħinuna nħarsu lejn Kristu u nafdaw fih. Li aħna niffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja ma jfissirx li aħna ninjuraw ir-realtà iżda li nipprioritizzaw fuq xiex nagħżlu li niffokaw u dwar il-pedament li aħna qed nagħżlu biex nibnu fuqu.
Fost affarijiet oħra, dawn ir-riżorsi jinkludu:
-
L-istudju regolari tal-iskrittura u t-tagħlim tal-profeti ħajjin.
-
It-talb u s-sawm frekwenti u sinċier.
-
Li nieħdu sehem b’ mod den fis-sagrament.
-
Li nattendu t-tempju regolarment.
-
Il-barkiet tas-saċerdozju.
-
Kunsill għaqli minn nies professjonisti mħarrġin.
-
Kif ukoll il-mediċina, meta din tingħata lilna b’ mod xieraq u noħduha kif mitlubin.
Jinbidlu kemm jinbidlu ċ-ċirkustanzi f’ ħajjitna, u tkun xi tkun it-triq xejn mistennija li jkollna nimxu fiha, il-mod kif aħna nirrispondu hija għażla tagħna. L-aqwa għażla tkun meta aħna nduru lejn is-Salvatur u naqbdu idu f’ idejna, liema id tinsab dejjem lesta biex issalvana.
Il-Presbiteru Richard G. Scott għallem din il-verità eterna: “Il-ferħ veru u li jibqa’ flimkien mal-qawwa, mal-kuraġġ u mal-kapaċità li negħlbu l-aktar sfidi diffiċli ta’ ħajjitna niksbuh meta aħna ngħixu ħajjitna ċċentrata fuq Ġesù Kristu. … M’hemmx garanzija li r-riżultati se niksbuhom mil-lum għal għada, iżda teżisti ċertezza assoluta, li fil-ħin li jagħżel il-Mulej, soluzzjoni tinstab, il-paċi tirbaħ u l-vojt jimtela.”14
Ta’ dawn il-veritajiet jiena nagħti x-xhieda tiegħi. F’ isem Ġesù Kristu, amen.