Mulej, Ara Li Għajnejja Jinfetħu
Aħna għandna nħarsu lejn ħaddieħor permezz t’ għajnejn is-Salvatur tagħna.
The Lion King huwa film animat klassiku dwar is-savanna Afrikana. Meta l-iljun sultan imut waqt li huwa jkun qed isalva lil ibnu, l-iċkejken iljun prinċep jiġi mġiegħel jeżilja ruħu filwaqt li wieħed mexxej tirann jeqred il-bilanċ li kien hemm fis-savanna. L- iljun prinċep jikseb lura s-saltna bl-għajnuna ta’ wieħed li kien jafda. Huwa seta’ jara ċar il-bżonn li jkun hemm bilanċ fiċ-ċirku kontinwu u meraviljuż tal-ħajja. Hekk kif kien xieraq huwa ħa lura postu bħala sultan, l-iljun żagħżugħ mexa wara l-kunsill li huwa ngħata li kien: “ħares lil hinn minn dak li tara b’ għajnejk.”1
Hekk kif aħna nitgħallmu biex insiru werrieta ta’ dak kollu li għandu Missierna, l-evanġelju jgħallimna biex inħarsu lil hinn minn dak li nistgħu naraw b’ għajnejna. Biex inħarsu lil hinn minn dak li qed naraw b’ għajnejna, aħna għandna nħarsu lejn ħaddieħor permezz t’ għajnejn is-Salvatur tagħna. L-evanġelju kapaċi jinfluwenza nies minn kull qasam tas-soċjetà. Aħna ma nistgħux nifhmu kompletament l-għażliet u l-ambjent psikoloġiku tan-nies fid-dinja tagħna, fil-kongregazzjonijiet tal-Knisja u saħansitra fil-familji tagħna, għaliex aħna rari jkollna l-istampa sħiħa ta’ min verament huma. Jeħtieġ li aħna nħarsu lil hinn mis-suppożizzjonijiet u s-sterjotipi u nespandu l-perspettiva mill-aktar limitata tagħna.
Għajnejja waslu biex infetħu u b’ hekk stajt “inħares lil hinn minn dak li stajt nara b’ għajnejja” meta jien kont qed inservi bħala president tal-missjoni. Wieħed presbiteru żagħżugħ kien jidher verament inċert u beżgħan. Hekk kif aħna t-tnejn iltqajna biex inkun nista’ nintervistah, b’ qalbu maqtugħa huwa qalli, “Irrid immur lura d-dar.” Jiena għedt bejni u bejn ruħi, “Solizzjoni żgur insibu.” Jiena tajtu parir biex jaħdem iebes u jagħmel ġimgħa jitlob dwar dan u mbagħad jerġa’ jiġi ħa nitkellmu. Ġimgħa wara, kważi fil-ħin propju li fih konna tkellimna ġimgħa qabel, huwa ġie jarani. Huwa xorta kien għadu bil-ħsieb li jmur lura d-dar. Jiena erġajt tajtu parir li jerġa’ jitlob dwar dan, jagħmel kulma jista’ u fi żmien ġimgħa jerġa’ jiġi jarani. Fl-intervista li kellna l-ġimgħa ta’ wara, baqa’ ma nbidel xejn. Huwa baqa’ jinsisti li jmur lura d-dar.
Jiena sempliċiment ma xtaqtx li jiġri dan. Jiena bdejt ngħallmu dwar in-natura sagra tas-sejħa tiegħu. Jiena ħeġġiġtu biex “jinsa lilu nnifsu u jerħilha għax-xogħol.”2 Iżda kienet x’ kienet is-soluzzjoni li jien bdejt noffrilu, jiena b’xejn ma stajt nibdillu ħsibijietu. Finalment għaddieli ħsieb minn moħħi li probabbilment jiena ma kontx naf l-istampa ċara tas-sitwazzjoni. Kien f’ dak il-ħin li jiena ħassejt fija li kelli nistaqsih il-mistoqsija: “Presbiteru, x’inhi dik il-ħaġa li inti qed issib daqshekk diffiċli?” It-tweġiba tiegħu ħassejtha tinfidli qalbi: “President, jiena ma nafx naqra.”
Il-kunsill għaqli li jiena kont ħsibt li kien verament importanti għalih ma kienx daqstant relevanti għall-bżonnijiet tiegħu. Dak li huwa kien verament jeħtieġ kien li jiena nħares lil hinn mill-valutazzjoni mgħaġġla tiegħi u nħalli l-Ispirtu jgħinni nifhem x’ kien dak li kien qed jinkwieta verament lil dan il-presbiteru. Huwa ridni li jiena nħares lejh mil-lenti t-tajba u noffrilu raġuni għalfejn għandu jkollu t-tama. Minflok, jiena aġixxejt bħal balla ta’ demolizzjoni ġganteska. Dan il-presbiteru qalbieni spiċċa biex tgħallem jaqra u sar dixxiplu mill-aqwa ta’ Ġesù Kristu. Huwa fetaħli għajnejja għal kliem il-Mulej: “Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb” (1 Samwel 16:7).
X’ barka hi meta l-Ispirtu tal-Mulej ikabbrilna l-perspettiva tagħna. Tiftakru lill-profeta Eliżew, li hekk kif huwa stenbaħ huwa sab il-belt tiegħu mdawra biż-żwiemel u l-karrijiet tal-armata Sirjana? Il-qaddej tiegħu beża’ u staqsa lil Eliżew x’ setgħu jagħmlu kontra sitwazzjoni daqshekk diffiċli. Eliżew qallu biex ma jinkwetax, permezz ta’ dan il-kliem memorabbli: “La tibżax! hemm nies aktar magħna milli magħhom.” (2 Slaten 6:16). Il-qaddej ma kellu l-ebda idea x’ kien qed jgħid il-profeta. Huwa ma bediex iħares lil hinn minn dak li hu seta’ jara b’ għajnejh. Madankollu, Eliżew ra quddiemu battaljuni sħaħ ta’ anġli preparati biex jiġġieldu f’ isem in-nies tal-profeta. Għalhekk Eliżew talab lill-Mulej biex jiftaħ għajnejn dan iż-żagħżugħ, “u dan ra l-għolja mimlija żwiemel u karrijiet tan-nar madwar Eliżew” (2 Slaten 6:17).
Ħafna drabi aħna nisseparaw ruħna minn ħaddieħor minħabba d-differenzi li aħna naraw. Aħna nħossuna komdi kontra dawk li jaħsbu, jitkellmu, jilbsu u jaġixxu bħalna u skomdi ma’ dawk li ġejjin minn ċirkustanzi u ambjent differenti minn tagħna. Fir-realtà, mhux aħna lkoll ġejjin minn pajjiżi differenti u nitkellmu lingwi differenti? Mhux aħna lkoll inħarsu lejn id-dinja permezz tal-esperjenza mill-aktar limitata ta’ ħajjitna? Għaliex xi wħud jaraw u jitkellmu permezz tal-għajnejn spiritwali, kif kien il-każ tal-profeta Eliżew, u oħrajn jaraw u jikkomunikaw permezz tal-għajnejn fiżiċi tagħhom, kif għamilt jien mal-missjunarju illitterat tiegħi.
Aħna ngħixu f’ dinja fejn in-nies iħobbu jqabblu, jikkategorizzaw u jikkritikaw. Minflok ma nħarsu mil-lenti tal-midja soċjali, aħna għandna nħarsu ġewwa fina għall-kwalitajiet divini li lkoll kemm aħna għandna. Dawn il-kwalitajiet u x-xewqat divini ma nistgħux nippostjawhom fuq Pinterest jew Instagram.
Li naċċettaw u nħobbu lil ħaddieħor ma jfissirx li għandna nħaddnu l-ideat tiegħu. Ovvjament, il-verità titlob il-lealtà sħiħa tagħna, għalkemm m’għandha qatt iżommna milli nuru l-ħniena lejn ħaddieħor. Biex verament inħobbu lil ħaddieħor jeħtieġ li aħna kontinwament naċċettaw l-isforz li jkunu qed jagħmlu dawk in-nies li l-esperjenzi u l-limitazzjonijiet tagħhom fil-ħajja aħna mhux dejjem nifhmu. Biex aħna nħarsu lil hinn minn dak li nistgħu naraw b’ għajnejna jeħtieġ minna li niffokaw verament fuq is-Salvatur.
Fit-28 ta’ Mejju, 2016, Beau Richey, ġuvni ta’ 16-il sena u sieħbu Austin kienu jinsabu fir-ranċ tal-familja ġewwa Kolorado. Beau u Austin daħlu ġewwa l-vettura tagħhom, li kienet tajba għal kull tip ta’ terren, bil-ħsieb li jqattgħu jum mimli avventura. Ma tantx kienu ilhom isuqu wisq meta huma ltaqgħu ma ċerti kundizzjonijiet mill-aktar prekarji, li wasslu fil-fatt għal traġedja. F’ daqqa waħda l-vettura li Beau kien qed isuq inqalbet rasha ‘l isfel u spiċċat xeħtet lil Beau taħt 400 libbra (180 kg) ħadid. Meta Austin, sieħeb Beau mar biex jgħinu, huwa nduna li Beau kien fil-periklu tal-mewt. Bil-qawwa tiegħu kollha, huwa pprova jgħolli l-vettura minn fuq sieħbu. Ma ridet tiċċaqlaq b’ xejn. Huwa beda jitlob għal Beau u mbagħad b’ mod frenetiku mar ifittex l-għajnuna. Finalment waslu n-nies tal-emerġenza, iżda ftit sigħat wara Beau miet. Huwa ġie meħlus minn din il-ħajja mortali.
Waslu fil-post il-ġenituri tiegħu b’ qalbhom maqsuma. Hekk kif huma waqfu f’ nofs l-isptar żgħir mal-ħabib għażiż ta’ Beau u mal-membri tal-familja tiegħu, uffiċjal tal-pulizija daħal fil-kamra u ta l-mowbajl ta’ Beau lil ommu. Hekk kif hija ħadet f’ idejha t-telefon, daqq l-alarm. Hija fetħet il-mowbajl u rat l-alarm li Beau kien ipprogramma biex idoqq kuljum. B’ leħen għoli hija qrat il-messaġġ li ż-żgħażugħ binha, li kien iħobb daqstant l-avventura, kien issettja biex ikun jista’ jaqrah kuljum. Kien jgħid, “Ftakar biex kuljum tpoġġi lil Ġesù Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajtek.”
Li Beau kien jiffoka daqshekk fuq il-Feddej tiegħu ma naqqasx min-niket li l-maħbubin tiegħu kienu qed iħossu fin-nuqqas tiegħu. Madankollu, dan kien jagħti tama u tifsira kbira lill-ħajja ta’ Beau u l-għażliet li hu għamel f’ ħajtu. Dan kien qed jagħti ċans lill-familja u lill-ħbieb tiegħu biex ma jiffukawx biss fuq in-niket tal-mewt bikrija tiegħu iżda jiffukaw ukoll fuq ir-realtajiet ta’ ferħ tal-ħajja li jmiss. Xi ħniena tenera għall-ġenituri ta’ Beau li permezz t’ għajnejn binhom huma setgħu jaraw x’ kienu l-aktar ħwejjeġ għeżież għalih.
Bħala membri tal-Knisja, aħna ġejna mogħtijin alarm spiritwali li jwiddibna kull meta aħna nkunu qed inħarsu biss permezz tal-għajnejn mortali tagħna, lil hinn mis-salvazzjoni. Is-sagrament huwa dak li kull ġimgħa jfakkarna biex kontinwament aħna niffokaw fuq Ġesù Kristu, li dejjem niftakru fih u nkunu nistgħu jkollna dejjem magħna l-Ispirtu Tiegħu (ara D&C 20:77). Madankollu aħna xi kultant ninjoraw dawn is-sentimenti li jfakkruna u li jiġbdu l-attenzjoni tagħna. Meta aħna jkollna lil Ġesù Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, Huwa jwassal biex għajnejna jinfetħu għal possibiltajiet akbar milli aħna qatt nistgħu nimmaġinaw mingħajr l-għajnuna Tiegħu.
Jiena rċevejt din l-ittra mill-aktar interessanti dwar esperjenza li t-twajba oħti kellha dwar alarm protettiv. Hija qaltli li fi sforz biex tgħin lir-raġel tagħha jifhem sew kif kienet qed tħossha, hija bdiet iżżomm lista elettronika fuq it-telefon tagħha ta’ ħwejjeġ li huwa kien jagħmel u jgħid li kienu verament jirritawha. Hija kienet tirraġuna li fil-mument opportun, hija kienet tkun ġabret biżżejjed evidenza li mbagħad tkun tista’ taqsamha miegħu u twasslu biex huwa jkun irid jibdel l-attitudni tiegħu. Madankollu, darba waħda f’ jum il-Ħadd meta hija kienet qed tieħu sehem fis-sagrament u tiffoka fuq l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur, hija rrealizzat li l-atteġjament tagħha li tiddokumenta s-sentimenti negattivi tagħha dwar żewġha kien verament qed ibiegħed minnha l-Ispirtu u qatt ma kien se jwassalha biex tbiddilu l-attitudni tiegħu.
F’ qalbha hija ħasset bħal alarm spiritwali jgħidilha: “Ieqaf; ieqaf. Ħassar dawk in-noti. Mhumiex se jgħinuk.” Imbagħad hija kitbet, u jien se nikkwota: “Domt ħin mhux ħażin biex jiena għafast ‘għażel kollox’ u saħansitra domt aktar naħsibha biex nagħfas ‘ħassar.’ Iżda kif għamilt dan, dawk is-sentimenti negattivi kollha telqu fl-arja. Qalbi mtliet bl-imħabba—imħabba għal żewġi u mħabba għall-Mulej.” Bħal Sawl fit-triq ta’ Damasku, il-viżjoni tagħha nbidlet. Minn għajnejha waqa’ l-qxur li ma kienx qed iħalliha tara sew.
Is-Salvatur tagħna ta’ spiss jiftaħ għajnejn dawk li huma għomja fiżikament u spiritwalment. Li niftħu għajnejna għall-verità divina, b’ mod letterali u figurattiv, iħejjina biex niġu mfejqin minn nuqqas ta’ vista mortali tagħna. Meta aħna noqogħdu attenti għall- “alarms” spiritwali li juruna l-bżonn li aħna ma nibqgħux nagħmlu li qed nagħmlu jew li għandu jkollna aktar perspettiva eterna, aħna nkunu qed nirċievu l-wegħda sagramentali li jkollna l-Ispirtu Tiegħu dejjem magħna. Hekk ġara lil Joseph Smith u lil Oliver Cowdery ġewwa t-Tempju ta’ Kirtland meta Ġesù Kristu għallimhom ċerti veritajiet importanti, fejn wegħidhom li “l-velu” tal-limitazzjonijiet mortali kien se “jitneħħa minn quddiem moħħhom u li l-għajnejn tal-għarfien tagħhom kienu se jinfetħu” (D&C 110:1).
Jiena nagħti xhieda li permezz tal-qawwa ta’ Ġesù Kristu, aħna nkunu kapaċi nħarsu lil hinn minn dak li nkunu qed naraw letteralment b’ għajnejna. Hekk kif aħna niftakru fih u jkollna l-Ispirtu Tiegħu magħna, l-għajnejn tal-għarfien tagħna jispiċċaw jinfetħu. Imbagħad ir-realtà kbira tad-divinità li tinsab f’ kull wieħed u waħda minna tiġi stampata b’ qawwa akbar ġewwa qalbna. F’ isem Ġesù Kristu, amen.