Skrittura
Mosija 6


Kapitlu 6

Is‑sultan Benjamin jirreġistra l‑ismijiet tan‑nies u jaħtar qassisin biex jgħallmuhom—Mosija jsaltan bħala sultan ġust. Madwar 124–121 Q.K.

1 U issa, is‑sultan Benjamin ra li jkun jaqbel, wara li spiċċa jkellem lin‑nies, li huwa jirreġistra l‑ismijiet ta’ dawk kollha li daħlu f’patt ma’ Alla li huma lesti jħarsu l‑kmandamenti tiegħu.

2 U ġara li ma kienx hemm ruħ waħda, ħlief it‑tfal ċkejknin, li ma daħlitx f’dan il‑patt u ħadet fuqha l‑isem ta’ Kristu.

3 Barra minn hekk, ġara li meta s‑sultan Benjamin waqaf jagħmel dan kollu, u kkonsagra lil ibnu Mosija biex ikun mexxej u sultan fuq il‑poplu tiegħu, u għadda f’idejh ir‑responsabbiltà tas‑saltna, kif ukoll ħatar qassisin biex jgħallmu lill‑poplu, biex huma jkunu jistgħu jisimgħu u jitgħallmu l‑kmandamenti ta’ Alla, u biex dan iqanqalhom b’tali mod li huma jiftakru fil‑ġurament li kienu ħadu, hu bagħat lill‑miġemgħa ’l hemm, u kull wieħed u waħda minnhom reġgħu lura, skont familthom, lejn djarhom.

4 U Mosija beda jsaltan minflok missieru. U hu beda jsaltan meta kellu tletin sena, u dan seħħ sewwasew madwar erba’ mija u sitta u sebgħin sena minn meta Leħi ħalla Ġerusalemm.

5 U s‑sultan Benjamin għex għal tliet snin u miet.

6 U ġara li s‑sultan Mosija mexa fi triqat il‑Mulej, u osserva d‑digrieti tiegħu u l‑preċetti tiegħu, u ħares il‑kmandamenti tiegħu f’kull ħaġa li huwa ordnalu.

7 U s‑sultan Mosija ordna lil niesu li huma għandhom jaħdmu l‑art. U huwa stess ukoll beda jaħdem l‑art, ħalli niesu ma jħarsux lejh bħala xi bniedem li jixtieq li jkun ta’ piż fuqhom, u b’hekk kien lest li jaġixxi skont kif aġixxa missieru f’kollox. U għal tliet snin sħaħ ma kien hemm l‑ebda tilwim fost niesu.