Kapitlu 11
Is‑Sultan Noè jsaltan fil‑ħażen—Hu jieħu gost jgħix ħajja mtajra man‑nisa u l‑konkubini tiegħu—Abinadi jħabbar li n‑nies se jittieħdu fil‑jasar—Is‑Sultan Noè jipprova jneħħilu ħajtu. Madwar 160–150 Q.K.
1 U issa ġara li Żeniff għadda s‑saltna f’idejn Noè, wieħed minn uliedu; għalhekk Noè beda jsaltan minfloku; u hu ma mexiex fuq il‑passi ta’ missieru.
2 Għax araw, huwa ma ħarisx il‑kmandamenti ta’ Alla, iżda mexa skont ix‑xewqat ta’ qalbu. U hu kellu bosta nisa u konkubini. U lil niesu wassalhom biex jaqgħu fid‑dnub, u jagħmlu dak li kien abominazzjoni f’għajnejn il‑Mulej. Iva, u huma waqgħu fiż‑żína u f’kull xorta ta’ ħażen.
3 U hu għamel taxxa ta’ wieħed minn ħamsa ta’ dak kollu li kellhom, wieħed minn ħamsa tad‑deheb u l‑fidda tagħhom, u wieħed minn ħamsa taż‑żiff tagħhom, u tar‑ram u r‑ram isfar tagħhom u tal‑ħadid tagħhom; u wieħed minn ħamsa tal‑bhejjem msemmna tagħhom; kif ukoll wieħed minn ħamsa taż‑żerriegħa kollha tagħhom.
4 U hu għamel dan kollu biex jipprovdi għalih innifsu, u għan‑nisa u l‑konkubini tiegħu; kif ukoll għall‑qassisin tiegħu, u għal marthom u l‑konkubini tagħhom; għalhekk hu bidel kulma kellu x’jaqsam mas‑saltna.
5 Għax huwa neħħa minn posthom il‑qassisin kollha li kienu ġew ikkonsagrati minn missieru, u kkonsagra oħrajn ġodda minflokhom, li kienu minfuħin fil‑kburija ta’ qalbhom.
6 Iva, u b’dal‑mod bdew jiġu megħjuna fil‑għażż tagħhom, u fl‑idolatrija tagħhom, u fiż‑żína tagħhom, mit‑taxxi li s‑sultan Noè poġġa fuq niesu; għalhekk in‑nies bdew jaħdmu qatigħ biex jipprovdu għall‑ħażen.
7 Iva, u huma bdew iqimu wkoll l‑allat foloz, għaliex ġew imqarrqa permezz tal‑kliem fieragħ u ħelu tas‑sultan u tal‑qassisin; għaliex huma qalulhom bosta ħwejjeġ qarrieqa.
8 U ġara li s‑sultan Noè bena ħafna bini eleganti u spazjuż; u żejnu b’xogħol tal‑injam mill‑aktar fin, u b’kull xorta ta’ ħwejjeġ prezzjużi, magħmulin mid‑deheb, u l‑fidda, u l‑ħadid, u r‑ram, u ż‑żiff, u r‑ram isfar;
9 U hu bena għalih ukoll palazz spazjuż, u f’nofsu għamel tron, li kien magħmul minn injam fin u kien imżejjen bid‑deheb u l‑fidda u bi ħwejjeġ prezzjużi.
10 U lill‑ħaddiema tiegħu qabbadhom jaħdmu kull tip ta’ xogħol fin bejn il‑ħitan tat‑tempju, permezz tal‑injam, u r‑ram, u r‑ram isfar.
11 U s‑siġġijiet li kienu riservati għall‑qassisin il‑kbar, li kienu ’l fuq mis‑siġġijiet l‑oħra kollha, żejjinhom b’deheb pur; u ordna biex quddiemhom jinbena ċint, biex fuqu jkunu jistgħu jserrħu ġisimhom u dirgħajhom waqt li joqogħdu jgħidu l‑gideb u l‑kliem fieragħ lin‑nies tiegħu.
12 U ġara li huwa bena torri ħdejn it‑tempju; iva, torri mill‑aktar għoli, li tant kien għoli li huwa seta’ jieqaf fuq il‑quċċata tiegħu u minn hemm seta’ jara l‑art ta’ Silom, kif ukoll l‑art ta’ Semlon, li kienet f’idejn il‑Lamaniti; u seta’ jara wkoll l‑art kollha tal‑madwar.
13 U ġara li huwa ordna sabiex jinbena ħafna bini fl‑art ta’ Silom; u ried li jinbena torri kbir fuq il‑għolja li kien hemm fit‑tramuntana tal‑art ta’ Silom, li kienet post ta’ refuġju għal ulied Nefi fiż‑żmien li fih huma ħarbu mill‑pajjiż; u dan hu dak li għamel bil‑ġid li huwa kiseb mit‑taxxi ta’ niesu.
14 U ġara li hu rabat qalbu ma’ ġidu, u għadda ħinu jgħix ħajja mtajra flimkien man‑nisa u l‑konkubini tiegħu; u anke l‑qassisin tiegħu bdew jgħaddu ħinhom man‑nisa żienja.
15 U ġara li huwa ħawwel id‑dwieli mal‑art kollha tal‑madwar; u bena l‑imgħasar tal‑inbid, u beda jipproduċi ħafna nbid; u b’hekk huwa sar bniedem sakranazz, u l‑istess niesu.
16 U ġara li l‑Lamaniti bdew jinżlu jattakkaw lil niesu, gruppi żgħar minnhom, u bdew joqtluhom fl‑għelieqi tagħhom, waqt li kienu jkunu qed jieħdu ħsieb il‑merħliet tagħhom.
17 U s‑sultan Noè bagħat l‑għassiesa madwar il‑pajjiż biex iżommhom ’il bogħod minnhom; iżda n‑numru li bagħat ma kienx biżżejjed, u l‑Lamaniti ġew fuqhom u qatluhom, u keċċew il‑merħliet tagħhom ’il barra mill‑pajjiż; għalhekk il‑Lamaniti bdew joqtluhom, u bdew juru x’mibegħda kellhom lejhom.
18 U ġara li s‑sultan Noè bagħat l‑armati tiegħu kontrihom, u huma ġew imġiegħla jirtiraw, jew aħjar, huma keċċewhom ’il barra għal xi żmien; għalhekk huma reġgħu lura jifirħu b’dak li rnexxielhom jaħtfu.
19 U issa, minħabba dir‑rebħa kbira huma spiċċaw minfuħin fil‑kburija ta’ qalbhom; huma bdew jiftaħru bil‑qawwa tagħhom, u jgħidu li l‑ħamsin raġel tagħhom jistgħu jeħduha kontra eluf ta’ Lamaniti; u b’dal‑mod bdew jiftaħru, u bdew jieħdu gost bid‑demm, u bit‑tixrid tad‑demm ta’ ħuthom, u dan minħabba l‑ħażen tas‑sultan u tal‑qassisin tagħhom.
20 U ġara li fosthom kien hemm raġel jismu Abinadi; u huwa mar fosthom, u beda jħabbar u jgħid: Araw, dan jgħid il‑Mulej, u dan hu dak li ordnali, fejn qalli: Mur, u għid lil dan il‑poplu, dan jgħid il‑Mulej—Ħażin ikun għalih dan il‑poplu, għax jiena rajt l‑abominazzjonijiet tagħhom, u ħżunithom, u ż‑żína tagħhom; u jekk huma ma jindmux jiena lilhom se nżur fl‑għadab tiegħi.
21 U jekk huma ma jindmux u jerġgħu lura lejn il‑Mulej Alla tagħhom, araw, jiena nagħtihom f’idejn l‑għedewwa tagħhom; iva, u huma jittieħdu fil‑jasar; u jispiċċaw ibatu taħt idejn l‑għedewwa tagħhom.
22 U għad jiġri li huma għad isiru jafu li jiena l‑Mulej Alla tagħhom, u jiena Alla għajjur, li nikkastiga lill‑poplu tiegħi minħabba ħżunitu.
23 U għad jiġri li jekk dan il‑poplu ma jindimx u ma jdurx lejn il‑Mulej Alla tiegħu, huma sejrin jittieħdu fil‑jasar; u ħadd ma jkun jista’ jeħlishom, jekk mhux il‑Mulej Alla li Jista’ Kollox.
24 Iva, u għad jiġri li meta huma jgħajtu ismi jiena ndum ma nisma’ l‑għajjat tagħhom; iva, u jiena nħallihom jiġu kkastigati mill‑għedewwa tagħhom.
25 U jekk huma ma jindmux bl‑ilbies tal‑ixkejjer u l‑irmied, u jgħajtu b’qawwa lill‑Mulej Alla tagħhom, jiena ma nismax talbhom, u lanqas ma neħlishom minn hemmhom; u dan jgħid il‑Mulej, u dan hu li huwa ordnali.
26 Issa ġara li meta Abinadi qalilhom dan il‑kliem huma nkurlaw għalih, u ppruvaw ineħħulu ħajtu; iżda l‑Mulej ħelsu minn idejhom.
27 Issa meta s‑sultan Noè sema’ l‑kliem li Abinadi qal lin‑nies, huwa wkoll inkorla; u qal: Min hu Abinadi, biex jikkundanna lili u lil niesi, jew min hu l‑Mulej, biex iġib fuq niesi daqstant tbatija?
28 Qed nordnalkom biex iġġibu lil Abinadi hawnhekk, ħalli noqtlu, għax hu qal dawn il‑ħwejjeġ biex huwa jxewwex lin‑nies tiegħi ħalli huma jinkurlaw wieħed kontra l‑ieħor, u biex iqajjem il‑ġlied fost il‑poplu tiegħi; għalhekk jien sejjer noqtlu.
29 Issa għajnejn in‑nies kienu għomja; għalhekk huma webbsu qalbhom kontra l‑kliem ta’ Abinadi, u minn dak il‑ħin bdew jaraw kif setgħu jaqbduh f’idejhom. U s‑sultan Noè webbes qalbu kontra l‑kelma tal‑Mulej, u huwa ma nidimx mill‑għemejjel ħżiena tiegħu.