Skrittura
Mosija 7


Kapitlu 7

Għammon isib l‑art ta’ Leħi‑Nefi, fejn Limħi huwa s‑sultan—In‑nies ta’ Limħi huma lsiera tal‑Lamaniti—Limħi jirrakkonta l‑istorja tagħhom—Profeta (Abinadi) xehed li Kristu huwa l‑Alla u l‑Missier ta’ kollox—Dawk li jiżirgħu l‑ħmieġ jaħsdu r‑riefnu, u dawk li jafdaw fil‑Mulej jiġu meħlusa. Madwar 121 Q.K.

1 U issa, ġara li wara li s‑sultan Mosija esperjenza paċi kontinwa għal tliet snin sħaħ, hu kellu xewqa kbira li jsir jaf dwar in‑nies li telgħu jgħammru fl‑art ta’ Leħi‑Nefi, jew fil‑belt ta’ Leħi‑Nefi; għax niesu baqgħu ma semgħu xejn mingħandhom miż‑żmien li huma ħallew l‑art ta’ Żaraħemla; għalhekk, huma bdew jaqbdu miegħu u jdejquh.

2 U ġara li s‑sultan Mosija qabel li sittax‑il raġel b’saħħtu minn fosthom setgħu jitilgħu fl‑art ta’ Leħi‑Nefi, biex jitkixxfu dwar ħuthom.

3 U ġara li l‑għada bdew iħejju rwieħhom ħalli jmorru, u magħhom kellhom wieħed jismu Għammon, li kien raġel b’saħħtu u qalbieni, u kien ġej min‑nisel ta’ Żaraħemla; u hu kien ukoll il‑mexxej tagħhom.

4 U issa, huma ma kinux jafu liema triq kellhom jaqbdu fix‑xagħri biex jitilgħu fl‑art ta’ Leħi‑Nefi; għalhekk huma għaddew bosta jiem jiġġerrew fix‑xagħri, sewwasew huma damu erbgħin jum jiġġerrew.

5 U wara li kienu ilhom erbgħin jum jiġġerrew huma waslu ħdejn għolja, li tinsab fit‑tramuntana tal‑art ta’ Silom, u hemmhekk waqqfu t‑tined tagħhom.

6 U Għammon ħa miegħu tlieta minn ħutu, u isimhom kien Għamaleki, Ħelem, u Ħem, u huma rħewlha lejn l‑art ta’ Nefi.

7 U araw, huma ltaqgħu mas‑sultan tan‑nies li kienu fl‑art ta’ Nefi, u fl‑art ta’ Silom; u huma spiċċaw imdawrin bl‑għassiesa tas‑sultan, li qabduhom, u rabtuhom, u xeħtuhom f’ħabs.

8 U ġara li meta kienu ilhom jumejn fil‑ħabs huma reġgħu ttieħdu quddiem is‑sultan, u nħallu mill‑irbit; u waqfu quddiem is‑sultan, u ngħataw iċ‑ċans, jew aħjar ġew ordnati, li jwieġbu l‑mistoqsijiet li kien se jistaqsihom.

9 U hu qalilhom: Araw, jiena Limħi, bin Noè, li kien iben Żeniff, li ġie hawn mill‑art ta’ Żaraħemla sabiex jiret din l‑art, li kienet l‑art ta’ missirijiethom, li kien inħatar sultan permezz ta’ leħen il‑poplu.

10 U issa, nixtieq inkun naf għalfejn intom urejtu daqstant kuraġġ li tiġu ħdejn is‑swar tal‑belt, meta jien stess, kont ninsab mal‑għassiesa tiegħi barra l‑bieb?

11 U issa, għal dir‑raġuni jiena rajt li intom tkunu mħarsa, ħalli jiena nkun nista’ nikseb l‑informazzjoni mingħandkom, għax kieku ridt stajt tlabt lill‑għassiesa tiegħi sabiex joqtlukom. Issa jien qed nagħtikom ċans titkellmu.

12 U issa, meta Għammon ra li kien qed jingħata ċ‑ċans jitkellem, hu mar u miel quddiem is‑sultan; u wara li reġa’ qam huwa qal: O sultan, illum jiena nħossni grat ħafna lejn Alla li għadni ħaj, u qed ningħata ċ‑ċans nitkellem; u se nipprova nitkellem bl‑aktar mod ċar;

13 Għax jien ninsab ċert li kieku inti kont tafni inti lili ma kontx tħallini nintrabat b’dawn il‑ħbula. Għax jiena Għammon, u jien ġej min‑nisel ta’ Żaraħemla, u ġejt hawn mill‑art ta’ Żaraħemla biex nitkixxef dwar ħutna, li lilhom Żeniff ħareġ ’il barra minn dik l‑art.

14 U issa, ġara li wara li Limħi sema’ dak li qal Għammon, hu feraħ tassew, u qal: Issa, jiena naf fiż‑żgur li ħuti li kienu fl‑art ta’ Żaraħemla għadhom ħajjin. U issa, jien għandi għalfejn nithenna; u għada se nara li niesi jithennew ukoll.

15 Għax ara, aħna lsiera tal‑Lamaniti, u aħna ġejna ntaxxati b’taxxa li hi ta’ piż kbir għalina. U issa, ara, ħutna sejrin jeħilsuna mill‑jasar tagħna, jew minn idejn il‑Lamaniti, u aħna se nkunu l‑ilsiera tagħhom; għax ikun aħjar li nkunu lsiera tan‑Nefiti milli nħallsu t‑taxxa lis‑sultan tal‑Lamaniti.

16 U issa, is‑sultan Limħi ordna lill‑għassiesa tiegħu biex ma jħallux lil Għammon u lil ħutu marbutin aktar, iżda talabhom biex imorru ħdejn l‑għolja li kienet fit‑tramuntana ta’ Silom, u jġibu lil ħuthom fil‑belt, biex ikunu jistgħu jieklu, u jixorbu, u jistrieħu mill‑iskariġġ tal‑vjaġġ tagħhom; għax huma kienu batew ħafna; huma batew il‑ġuħ, l‑għatx, u l‑għeja.

17 U issa, ġara li l‑għada s‑sultan Limħi ħareġ proklama fejn talab lin‑nies tiegħu kollha sabiex jinġabru flimkien ħdejn it‑tempju, biex jisimgħu dak li huwa kellu x’jgħidilhom.

18 U ġara li meta huma nġabru flimkien hu kellimhom b’dan il‑mod, fejn qalilhom: Ja poplu tiegħi, għollu raskom ’il fuq u qawwu qalbkom; għax araw, is‑siegħa waslet, jew mhijiex fil‑bogħod, fejn aħna mhux se jkollna nibqgħu aktar taħt il‑ħakma tal‑għedewwa tagħna, minkejja l‑ħafna taqbid tagħna, li kien kollu ta’ xejn; madankollu nħoss li aħna għad baqgħalna ngħaddu minn taqbida li se tkun ta’ siwi għalina.

19 Għalhekk, għollu raskom ’il fuq, u ifirħu, u afdaw f’Alla, f’dak Alla li kien l‑Alla ta’ Abraham, u ta’ Iżakk, u ta’ Ġakobb; kif ukoll, dak Alla li ħareġ lil ulied Iżrael ’il barra mill‑art tal‑Eġittu, u għamilha possibbli li huma jimxu min‑nofs il‑Baħar tal‑Qasab fuq art niexfa, u li temagħhom il‑manna ħalli huma ma jispiċċawx meqruda fid‑deżert; u bosta ħwejjeġ oħra hu għamel għalihom.

20 Barra minn hekk, dak l‑istess Alla ħareġ lil missirijietna ’l barra mill‑art ta’ Ġerusalemm, u baqa’ jħares u jippreserva lill‑poplu tiegħu sewwasew sal‑ġurnata tal‑lum; u araw, hu minħabba ħżunitna u l‑abominazzjonijiet tagħna li hu ħalliena nispiċċaw fil‑jasar.

21 U llum intom ilkoll xhieda li Żeniff, li ġie maħtur sultan fuq dan il‑poplu, għax kien daqstant ħerqan li jiret l‑art ta’ missirijietu, għalhekk huwa safa mqarraq permezz tal‑qerq u l‑ingann tas‑sultan Laman, li daħal fi trattat mas‑sultan Żeniff, u għaddielu f’idejh il‑pussess ta’ parti mill‑art, jew sewwasew il‑belt ta’ Leħi‑Nefi, u l‑belt ta’ Silom; u l‑art tal‑madwar—

22 U l‑uniku għan għaliex għamel dan kien biex dan il‑poplu jispiċċa maħkum jew fil‑jasar. U araw, aħna bħalissa qed inħallsu t‑taxxa lis‑sultan tal‑Lamaniti, li tammonta għal nofs il‑qamħ tagħna, u x‑xgħir tagħna, u saħansitra ċ‑ċereali kollha tagħna ta’ kull għamla, u nofs it‑tkabbir tal‑imrieħel tagħna u tal‑baqar tagħna; u s‑sultan tal‑Lamaniti jitlob minna saħansitra nofs dak kollu li għandna jew nofs ġidna, jew inkella ħajjitna.

23 U issa, dan mhuwiex piż tqil wisq li għandna nġorru? U mhux tassew li hemmna huwa kbir? Issa araw, kemm għandna tabilħaqq għalfejn inħossuna mnikktin.

24 Iva, ngħidilkom, għandna tassew għalfejn inħossuna mnikktin; għax araw, kemm minn fost ħutna sfaw maqtula, u demmhom ixxerred għal xejn, u dan kollu seħħ minħabba l‑ħażen.

25 Għax kieku dan il‑poplu ma waqax fit‑trasgressjoni l‑Mulej ma kienx iħallihom jgħaddu minn dan il‑ħażen daqstant kbir. Iżda araw, huma ma tawx widen għal kliemu; iżda fosthom qam tilwim kbir, tant li huma spiċċaw xerrdu d‑demm ta’ xulxin.

26 U profeta tal‑Mulej spiċċa nqatel; iva, hu li kien raġel magħżul minn Alla, li għarrafhom dwar il‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tagħhom, u li ħabbar dwar bosta ħwejjeġ li għad iridu jseħħu, iva, anke dwar il‑miġja ta’ Kristu.

27 U għax hu qalilhom li Kristu kien l‑Alla u l‑Missier ta’ kollox, u qal ukoll li hu kien se jieħu fuqu x‑xbieha ta’ bniedem, li se tkun ix‑xbieha li fuqha ġie maħluq il‑bniedem fil‑bidu; jew fi kliem ieħor, li l‑bniedem ġie maħluq fi xbieha ta’ Alla, u li Alla sejjer jinżel fost ulied il‑bnedmin, u li se jieħu fuqu nnifsu ġisem tad‑demm u l‑laħam, u li sejjer jimxi fuq wiċċ l‑art—

28 U issa, għax huwa qal dan, huma qatluh; u għamlu ħafna ħwejjeġ oħra li wasluhom biex ġabu fuqhom stess il‑korla ta’ Alla. Għalhekk, tistagħġbu intom li huma jinsabu fil‑jasar, u li ġew milquta minn daqstant tbatija?

29 Għax araw, il‑Mulej qal: Jien m’iniex se ngħin lil niesi f’jum it‑trasgressjoni tagħhom; iżda jien se nagħlqilhom triqathom ħalli huma ma jkollhomx ir‑risq; u l‑għemejjel tagħhom se jservu bħala ostakli quddiemhom.

30 U għal darb’oħra, huwa qal: Jekk niesi se jiżirgħu l‑ħmieġ huma se jaħsdu l‑karfa tiegħu fir‑riefnu; u l‑effett tagħha huwa velenuż.

31 U għal darb’oħra huwa qal: Jekk niesi se jiżirgħu l‑ħmieġ huma se jaħsdu r‑riħ mil‑lvant, li jġib miegħu l‑qerda f’qasir żmien.

32 U issa, araw, il‑wegħda tal‑Mulej ġiet fis‑seħħ, u intom ġejtu kkastigati u mgħakksin.

33 Iżda jekk intom idduru lejn il‑Mulej b’impenn sħiħ f’qalbkom, u tafdaw fih, u lilu intom taqdu bid‑diliġenza kollha ta’ moħħkom, jekk intom tagħmlu dan, huwa jeħliskom mill‑jasar, skont ir‑rieda u x‑xewqa tiegħu.