Skrittura
Mosija 12


Kapitlu 12

Abinadi jiġi mitfugħ il‑ħabs talli ħabbar il‑qerda tal‑poplu u l‑mewt tas‑Sultan Noè—Il‑qassisin foloz jikkwotaw l‑iskrittura u jippretendu li jħarsu l‑liġi ta’ Mosè—Abinadi jibda jgħallimhom l‑Għaxar Kmandamenti. Madwar 148 Q.K.

1 U ġara li sentejn wara li Abinadi ġie bil‑moħbi fosthom, huma ma għarfuhx, u hu beda jħabbar fosthom u jgħid: Dan hu dak li ordnali l‑Mulej, fejn qalli—Abinadi, mur u ħabbar fost dan il‑poplu tiegħi, għax huma webbsu qalbhom kontra kliemi; huma ma nidmux mill‑għemejjel ħżiena tagħhom; għalhekk, jiena se nżurhom fl‑għadab tiegħi, iva, fil‑qilla ta’ għadbi jien se nżurhom fil‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tagħhom.

2 Iva, ħażin ikun għalih dan in‑nisel! U l‑Mulej qalli: Medd idek u ħabbar, u għid: Dan jgħid il‑Mulej, għad jiġri li dan in‑nisel, minħabba ħżunitu, sejjer jittieħed fil‑jasar, u se jlaqqatha bil‑ħarta fuq ħaddejh; iva, u huma se jiġu mġiegħla jaħarbu min‑nies, u se jinqatlu; u l‑isqra tal‑ajru, u l‑klieb, iva, u l‑bhejjem selvaġġi, sejrin jieklu laħamhom.

3 U għad jiġri li l‑ħajja tas‑sultan Noè se tiġi stmata sewwasew daqs ilbies ġo forn jaħraq; għax hu għad ikun jaf li jiena l‑Mulej.

4 U għad jiġri li jiena se nara li dan il‑poplu tiegħi jintlaqat minn tbatija kbira, iva, mill‑ġuħ u mill‑pesta; u se nara li huma jgħaddu l‑jum kollu jnewħu.

5 Iva, u se nara li huma jkollhom it‑tagħbija marbuta fuq daharhom; u li jiġu misjuqa bħal ħmar tat‑tagħbija bla kliem.

6 U għad jiġri li jien nibgħat fosthom is‑silġ, u hu jidrobhom; u huma jintlaqtu ħażin ukoll mir‑riħ tal‑lvant; u l‑insetti jinfestaw ukoll arthom, u jieklulhom il‑qamħ tagħhom.

7 U huma jintlaqtu minn pesta kbira—u dan kollu se nagħmlu minħabba l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tagħhom.

8 U jiġri li jekk huma ma jindmux jiena neqridhom għalkollox minn fuq wiċċ l‑art; madankollu huma jħallu warajhom storja miktuba, u jiena nħarisha għal ġnus oħra li sejrin jirtu l‑art; iva, sewwasew jiena nagħmel dan biex inkun nista’ niżvela l‑abominazzjonijiet ta’ dan il‑poplu lil ġnus oħra. U ħafna kienu l‑ħwejjeġ li ħabbar Abinadi kontra dan il‑poplu.

9 U ġara li huma ħaduha kontrih; u qabduh, rabtuh, ħaduh quddiem is‑sultan, u qalu lis‑sultan: Ara, aħna ġibna quddiemek raġel li ħabbar id‑deni kontra niesek, u qal li Alla se jeqridhom.

10 U hu qed iħabbar ukoll id‑deni kontra ħajtek, u jgħid li ħajtek se tkun bħal ilbies ġo ħuġġieġa nar.

11 U qed jgħid ukoll li int se tkun bħal zokk, sewwasew bħal zokk niexef ġo għalqa, li l‑bhejjem jgħaddu minn fuqu u jgħaffġuh taħt saqajhom.

12 U qed jgħid ukoll li int se tkun bħall‑blanzuni tal‑għollieq, li, meta jkunu misjurin, jekk jonfoħ ir‑riħ, jinġarrew ma’ wiċċ l‑art. U hu jasserixxi li kien il‑Mulej li qal dan. U jgħid li dan kollu se jiġi fis‑seħħ jekk inti ma tindimx, u dan minħabba ħżunitek.

13 U issa, O sultan, x’ħażen daqstant kbir inti qatt għamilt, jew xi dnubiet kbar qatt wettqu niesek, li għandna niġu kkundannati minn Alla jew li dan ir‑raġel jagħmel ħaqq minna?

14 U issa, O sultan, ara, aħna bla ħtija, u int, O sultan, ma wettaqt l‑ebda dnub; għalhekk, dan ir‑raġel gideb dwarek, u dak li ħabbar hu kollu għal xejn.

15 U ara, aħna b’saħħitna, m’aħniex se nittieħdu fil‑jasar, u lanqas mhu se nittieħdu fl‑eżilju mill‑għedewwa tagħna; iva, u inti kellek ir‑risq fl‑art, u għad jerġa’ jkollok ir‑risq.

16 Ara, hawn hu r‑raġel, aħna qed nagħtuh f’idejk; agħmel minnu kif tixtieq.

17 U ġara li s‑sultan Noè ordna biex Abinadi jinxteħet fil‑ħabs; u ordna biex il‑qassisin jinġabru flimkien ħalli hu jkun jista’ jiddiskuti magħhom x’għandu jagħmel bih.

18 U ġara li huma qalu lis‑sultan: Ġibulna hawn ħalli nkunu nistgħu ninterrogawh; u s‑sultan ordna biex huwa jinġieb quddiemhom.

19 U huma bdew jinterrogawh, biex forsi jaqbduh f’xi ħaġa, ħalli jkollhom raġuni għalfejn jakkużawh; iżda hu weġibhom bi qlubija kbira, iva, u b’għaġeb kbir għalihom, hu rribatta l‑mistoqsijiet kollha li għamlulu, u ħallihom ilkoll b’ħalqhom miftuħ.

20 U ġara li wieħed minnhom qallu: Xi jfisser il‑kliem li hemm miktub, u li ġie mgħallem minn missirijietna, li jgħid:

21 Kemm huma sbieħ fuq il‑muntanji r‑riġlejn ta’ min iħabbar il‑bxara t‑tajba; ta’ min ixandar is‑sliem; ta’ min iħabbar ir‑risq; ta’ min ixandar is‑salvazzjoni; u jgħid lil Sijon, Alla tiegħek isaltan;

22 L‑għassiesa tiegħek se jgħollu leħinhom; b’leħen wieħed flimkien se jgħannu; għax huma se jkunu f’għaqda waħda bejniethom meta l‑Mulej iġib lura lil Sijon;

23 Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm, għannu lkoll bil‑ferħ; għax farraġ il‑Mulej il‑poplu tiegħu, huwa feda lil Ġerusalemm;

24 Kixef il‑Mulej id‑driegħ tiegħu qaddis, quddiem il‑ġnus kollha, u t‑truf kollha tal‑art se jaraw is‑salvazzjoni ta’ Alla tagħna?

25 U issa Abinadi qalilhom: Intom qassisin, u tippretendu li tgħallmu lil dan il‑poplu, u li tifhmu l‑ispirtu tal‑profezija, u madankollu tixtiequ tkunu tafu mingħandi xi jfissru dawn il‑ħwejjeġ?

26 Jien ngħidilkom, ħażin ikun għalikom talli għawwiġtu triqat il‑Mulej! Għax jekk intom tifhmu dawn il‑ħwejjeġ intom m’għallimtuhomx; għalhekk, intom għawwiġtu triqat il‑Mulej.

27 Qalbkom ma tajtuhiex ċans tifhimhom; għalhekk ma kontux għaqlin; Għalhekk, intom x’tgħallmuh lil dan il‑poplu?

28 U huma qalu: Aħna ngħallmu l‑liġi ta’ Mosè.

29 U għal darb’oħra qalilhom: Jekk intom tgħallmu l‑liġi ta’ Mosè għalfejn ma tħarsuhiex? Għalfejn torbtu qalbkom ma’ ġidkom? Għalfejn taqgħu fiż‑żína u taħlu l‑enerġija tagħkom ma’ nisa żienja, iva, u lil dan il‑poplu twassluh biex jaqa’ fid‑dnub, tant li l‑Mulej kellu jibgħatni hawn biex jien inħabbar kontra dan il‑poplu, iva, sewwasew li ħsara kbira se tolqot lil dan il‑poplu?

30 Ma tafux intom li jien ngħid il‑verità? Iva, intom tafu li jien ngħid il‑verità; u intom għandkom għalfejn tirtogħdu quddiem Alla.

31 U għad jiġri li intom se tiġu kkastigati minħabba ħżunitkom, għax għidtu li intom tgħallmu l‑liġi ta’ Mosè. U x’tafu intom dwar il‑liġi ta’ Mosè? Taħsbu li s‑salvazzjoni tiġi permezz tal‑liġi ta’ Mosè? Xi tgħidu?

32 U huma wieġbu u qalu li s‑salvazzjoni ġiet fis‑seħħ permezz tal‑liġi ta’ Mosè.

33 Iżda issa Abinadi qalilhom: Jiena naf li jekk intom tħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla intom tiksbu s‑salvazzjoni; iva, jekk intom tħarsu l‑kmandamenti li l‑Mulej ta lil Mosè fil‑muntanja Sinaj, meta qal:

34 Jiena hu l‑Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill‑art tal‑Eġittu, minn dar il‑jasar.

35 Ma jkollokx Alla ieħor għajri.

36 La tagħmilx għalik suriet minquxa, jew xi xbieha ta’ xi ħaġa li hemm fl‑għoli tas‑sema, jew xi ħaġa li hawn fl‑art.

37 Imbagħad Abinadi qalilhom, Intom dan kollu għamiltuh? Jien ngħidilkom, Le, m’għamiltuhx. U lil dawn in‑nies għallimtuhom li għandhom jagħmlu dawn il‑ħwejjeġ kollha? Jien ngħidilkom, Le, m’għallimtuhomx.