Skrittura
Mosija 28


Kapitlu 28

Ulied Mosija jmorru jxandru l‑kelma fost il‑Lamaniti—Permezz taż‑żewġ ġebliet tal‑veġġent, Mosija jittraduċi l‑pjanċi tal‑Ġarediti. Madwar 92 Q.K.

1 Issa ġara li wara li wlied Mosija wettqu dan kollu, huma ħadu magħhom grupp żgħir ta’ nies u reġgħu lura għand missierhom, is‑sultan, u xtaquh li huwa jħallihom, flimkien ma’ dawn in‑nies li huma għażlu, jitilgħu sal‑art ta’ Nefi ħalli jkunu jistgħu jxandru l‑ħwejjeġ li huma semgħu, u biex ikunu jistgħu jaqsmu l‑kelma ta’ Alla ma’ ħuthom, il‑Lamaniti—

2 Biex forsi huma jkunu jistgħu jwassluhom biex jagħrfu lill‑Mulej Alla tagħhom, u jikkonvinċuhom dwar il‑ħażen ta’ missirijiethom; u biex forsi jkunu jistgħu jfejquhom mill‑mibegħda li huma għandhom lejn in‑Nefiti, ħalli huma wkoll jaslu biex jithennew fil‑Mulej Alla tagħhom, u jkunu jistgħu joffru l‑id tal‑ħbiberija lil xulxin, u ma jkunx hemm aktar tilwim fl‑art li tahom il‑Mulej Alla tagħhom.

3 Issa huma kellhom ix‑xewqa li s‑salvazzjoni tiġi mxandra lil kull ħlejqa, għax huma ma kinux jifilħu jaraw mqar ruħ waħda tinqered; iva, il‑ħsieb biss li xi ruħ kien se jkollha tgħaddi minn turment bla tmiem wassalhom biex huma jitriegħdu u jirtogħdu.

4 U kien b’dal‑mod li l‑Ispirtu tal‑Mulej ħadem fuqhom, għax huma kienu fost l‑aktar nies midinbin. U l‑Mulej, fil‑ħniena infinita tiegħu, ħass li kellu jħenn għalihom; madankollu huma batew daqstant diqa f’qalbhom minħabba ħżunithom, fejn huma batew ferm għax beżgħu li kienu se jitwarrbu għal dejjem.

5 U ġara li huma għaddew bosta jiem jitolbu b’ħerqa lil missierhom biex iħallihom jitilgħu fl‑art ta’ Nefi.

6 U s‑sultan Mosija mar u staqsa lill‑Mulej jekk għandux iħalli lil uliedu jitilgħu fost il‑Lamaniti biex ixandrulhom il‑kelma.

7 U l‑Mulej qal lil Mosija: Ħallihom jitilgħu, għax se jkunu bosta li sa jemmnu fi kliemhom, u huma se jiksbu l‑ħajja eterna; u jiena sejjer neħles lil uliedek minn idejn il‑Lamaniti.

8 U ġara li Mosija ħallihom jitilgħu u jagħmlu skont ma talbuh.

9 U huma rħewlha lejn ix‑xagħri biex minn hemm jitilgħu jxandru l‑kelma fost il‑Lamaniti; u minn issa ’l quddiem jiena sejjer nikteb dwar dak li għaddew minnu.

10 Issa s‑sultan Mosija ma kellu lil ħadd f’idejn min jgħaddi s‑saltna, għax ma kien hemm ħadd fost uliedu li kien lest jaċċetta s‑saltna.

11 Għalhekk huwa ħa l‑annali li kienu mnaqqxin fuq il‑pjanċi tar‑ram, kif ukoll fuq il‑pjanċi ta’ Nefi, u l‑ħwejjeġ kollha li hu kien żamm għandu u ppreserva skont il‑kmandamenti ta’ Alla, wara li huwa ttraduċa u ra li jinkitbu l‑kitbiet li kien hemm fuq il‑pjanċi tad‑deheb, li kienu nstabu min‑nies ta’ Limħi; u kien l‑istess Limħi li għaddihomlu;

12 U dan għamlu biex lin‑nies tiegħu jaqtagħlhom ix‑xewqa kbira li kellhom; għax huma kellhom xewqa kbira ferm li jkunu jafu dwar in‑nies li kienu nqerdu.

13 U issa huwa ttraduċihom permezz ta’ dawk iż‑żewġ ġebliet li kienu jinsabu marbutin maż‑żewġt itruf ta’ qaws.

14 Issa dawn il‑ħwejjeġ kienu ġew imħejjijin sa mill‑qedem, u ġew mgħoddija minn nisel għal nisel, bil‑għan li jiġu interpretati l‑ilsna;

15 U huma ġew imħarsa u ppreservati permezz ta’ id il‑Mulej, ħalli lil kull ħlejqa li għad tiret l‑art ikun jista’ jgħarrafha dwar il‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tal‑poplu tiegħu;

16 U kull min għandu f’idejh dawn il‑ġebliet jissejjaħ veġġent, skont id‑drawwa tal‑qedem.

17 Issa li Mosija temm jittraduċi dawn l‑annali, araw, huma jitkellmu dwar poplu li safa’ meqrud, miż‑żmien li fih huma nqerdu u jibqgħu sejrin lura sa żmien il‑bini tat‑torri l‑kbir, meta l‑Mulej ħawwad ilsien il‑poplu u huma spiċċaw imxerrdin ma’ wiċċ l‑art kollha, iva, minn dak iż‑żmien u jibqgħu sejrin lura sewwasew sa żmien il‑ħolqien ta’ Adam.

18 Issa dan ir‑rakkont wassal lin‑nies ta’ Mosija biex jitnikktu bil‑kbir, iva, huma mtlew bid‑diqa; madankollu dan wasslilhom ukoll għarfien kbir, u huma ferħu b’dan.

19 U dan ir‑rakkont għandu jinkiteb aktar tard; għax araw, ikun jaqbel li n‑nies kollha jkunu jafu l‑ħwejjeġ li hemm miktuba f’dan ir‑rakkont.

20 U issa, kif għidtilkom, wara li s‑sultan Mosija wettaq dan kollu, huwa ħa l‑pjanċi tar‑ram, u kull ħaġa li kien żamm għandu, u għaddihom lil Alma, li kien iben Alma; iva, huwa tah l‑annali kollha, kif ukoll l‑interpreti, u ordnalu sabiex iħarishom u jippreservahom, u ordnalu wkoll biex jikteb l‑istorja tal‑poplu, ħalli l‑kitba tkun tista’ tgħaddi minn ġenerazzjoni għall‑oħra, l‑istess kif ilha tgħaddi miż‑żmien li fih Leħi ħalla Ġerusalemm.