Skrittura
Mosija 9


L‑Istorja ta’ Żeniff—Rakkont ta’ niesu, miż‑żmien li telqu mill‑art ta’ Żaraħemla saż‑żmien li ġew meħlusa minn idejn il‑Lamaniti.

Tikkonsisti minn kapitlu 9 sa 22.

Kapitlu 9

Żeniff imexxi grupp ta’ nies minn Żaraħemla biex jieħdu f’idejhom l‑art ta’ Leħi‑Nefi—Is‑sultan Lamanita jħallihom jirtu l‑art—Tqum gwerra bejn il‑Lamaniti u n‑nies ta’ Żeniff. Madwar 200–187 Q.K.

1 Jiena, Żeniff, ġejt mgħallem f’kull ħaġa relatata ma’ lsien in‑Nefiti, u kelli għarfien dwar l‑art ta’ Nefi, jew dwar l‑art tal‑ewwel wirt ta’ missirijietna, u jiena ntbagħatt bħala spija fost il‑Lamaniti biex nitkixxef dwar il‑forzi tagħhom, ħalli nkunu nistgħu naħbtu għalihom bl‑armata tagħna u neqirduhom—iżda meta rajt dak kollu li kien hemm tajjeb fosthom ġietni x‑xewqa li ma jinqerdux.

2 Għalhekk, jiena ħadtha ma’ ħuti fix‑xagħri, għax ridt li l‑mexxej tagħna jagħmel trattat magħhom; iżda hu, li kien raġel aħrax u għatxan għad‑demm, ordna li jien ninqatel; iżda jien ġejt meħlus permezz ta’ aktar tixrid ta’ demm; fejn missier tqabad ma’ missier, u l‑aħwa tqabdu mal‑aħwa, sakemm il‑maġġorparti tal‑armata tagħna sfat meqruda fix‑xagħri; u aħna, dawk fostna li bqajna ħajjin, erġajna lura lejn l‑art ta’ Żaraħemla, biex ngħidu lil marthom u lil uliedhom dwar dak li kien ġara.

3 U madankollu, jiena, li kont mimli ħerqa biex niret art missirijietna, ġbart miegħi lil kull min kellu x‑xewqa li jitla’ biex jiret l‑art, u erġajna komplejna bil‑vjaġġ tagħna lejn ix‑xagħri fi triqitna ’l fuq lejn dik l‑art; iżda aħna ntlaqatna minn ġuħ kbir u tbatija kbira; għax konna tqal biex niftakru fil‑Mulej Alla tagħna.

4 Madankollu, wara bosta jiem niġġerrew fix‑xagħri aħna tellajna t‑tined tagħna fil‑post fejn inqatlu ħutna, li kien jinsab qrib l‑art ta’ missirijietna.

5 U ġara li jien erġajt mort fil‑belt għand is‑sultan, ma’ erba’ rġiel minn tiegħi, biex forsi nsir naf kif kien jaħsibha s‑sultan, u nara jekk kellix nidħol flimkien ma’ niesi u nieħu l‑art f’idejja bis‑sewwa.

6 U jiena mort għand is‑sultan, u hu għamel patt miegħi li jien stajt nieħu f’idejja l‑art ta’ Leħi‑Nefi, u l‑art ta’ Silom.

7 U hu ordna wkoll lin‑nies tiegħu biex jitilqu ’l barra mill‑art, u jiena u niesi dħalna fil‑pajjiż biex forsi noħduh f’idejna.

8 U aħna bdejna nibnu l‑bini, u nsewwu s‑swar tal‑belt, iva, sewwasew is‑swar tal‑belt ta’ Leħi‑Nefi, u l‑belt ta’ Silom.

9 U aħna bdejna naħdmu l‑art, iva, u bdejna niżirgħu kull tip ta’ żerriegħa, kemm żerriegħa tal‑qamħ, u tax‑xgħir, kif ukoll nejs, u seum, u żerriegħa ta’ frott ta’ kull xorta; u aħna bdejna nitkattru u beda jkollna r‑risq fil‑pajjiż.

10 Issa kien sewwasew minħabba l‑qerq u l‑ingann tas‑sultan Laman, biex iwassal lil niesi fil‑jasar, li huwa offrielna l‑art biex inkunu nistgħu noħduha f’idejna.

11 Għalhekk ġara, li wara li aħna konna ilna ngħammru fil‑pajjiż għal tnax‑il sena sħaħ, is‑sultan Laman beda jinkwieta li b’xi mod in‑nies tiegħi jispiċċaw joktru sew fil‑pajjiż, u huma ma jkunux jistgħu jegħlbuhom u jitfgħuhom fil‑jasar.

12 Issa huma kienu nies għażżenin u jqimu l‑allat foloz; għalhekk kellhom xewqa kbira li lilna jitfgħuna fil‑jasar, biex huma jkunu jistgħu jistagħnew permezz tal‑ħidma ta’ jdejna; iva, ħalli jkunu jistgħu jiffungaw fl‑ikel mill‑merħliet tar‑raba’ tagħna.

13 Għalhekk ġara li s‑sultan Laman beda jxewwex lil niesu biex jibdew jitlewmu ma’ niesi; għalhekk beda jkun hemm il‑gwerer u l‑ġlied fil‑pajjiż.

14 Għaliex fit‑tlettax‑il sena tas‑saltna tiegħi fl‑art ta’ Nefi, lil hinn fin‑nofsinhar tal‑art ta’ Silom, meta niesi kienu qed jisqu u jitimgħu merħliethom, u jaħdmu artijiethom, ġew fuqhom numru kbir ta’ Lamaniti u bdew joqtluhom, u joħdulhom merħliethom, u l‑qamħ tar‑raba’ tagħhom.

15 Iva, u ġara li dawk kollha li ma waqgħux taħt idejhom, spiċċaw ħarbu sewwasew lejn il‑belt ta’ Nefi, u ġew jitolbuni biex nipproteġihom.

16 U ġara li jien armajthom bil‑qwas, u bil‑vleġeġ, bix‑xwabel, u bix‑ximitarri, u bil‑lembubi, u bl‑iżbandoli, u b’kull xorta ta’ armi li stajna nivvintaw, u jien u niesi morna sabiex niġġieldu kontra l‑Lamaniti.

17 Iva, bil‑qawwa tal‑Mulej aħna morna niġġieldu kontra l‑Lamaniti; għaliex jiena u niesi għajjatna b’qawwa lill‑Mulej biex hu jeħlisna minn idejn l‑għedewwa tagħna, peress li feġġet f’moħħna l‑memorja tal‑ħelsien ta’ missirijietna.

18 U Alla sema’ l‑għajjat tagħna u wieġeb talbna; u aħna tlaqna minn hemm bil‑qawwa tiegħu; iva, aħna morna noħduha kontra l‑Lamaniti, u f’temp ta’ jum u lejl aħna qtilna tlett elef u tlieta u erbgħin ruħ; u bqajna noqtluhom sewwasew sakemm ħriġnihom ’il barra minn artna.

19 U jiena stess, permezz ta’ jdejja, mort ngħin sabiex jindifnu l‑mejtin tagħhom. U araw, hu ta’ diqa u dispjaċir kbir għalina li mitejn u disgħa u sebgħin minn ħutna sfaw maqtula.