Skrittura
Mosija 29


Kapitlu 29

Mosija jipproponi li jintgħażlu mħallfin minflok sultan—Slaten ħżiena jwaqqgħu lill‑poplu tagħhom fid‑dnub—Il‑poplu għażel lil Alma ż‑żgħir bħala prim imħallef—Huwa wkoll il‑qassis il‑kbir fuq il‑Knisja—Alma l‑kbir u Mosija jmutu. Madwar 92–91 Q.K.

1 Issa meta Mosija għamel dan huwa ħareġ proklama mal‑pajjiż kollu, fost in‑nies kollha, fejn xtaq ikun jaf kif huma jaħsbuha dwar min kellu jkun is‑sultan tagħhom.

2 U ġara li nstema’ leħen il‑poplu jgħid: Aħna nixtiequ li ibnek Aron għandu jkun is‑sultan tagħna u l‑mexxej tagħna.

3 Issa Aron kien tela’ fl‑art ta’ Nefi, għalhekk is‑sultan ma setax jgħaddi s‑saltna f’idejh; u Aron lanqas ma kien se jaċċetta li jieħu f’idejh is‑saltna; u ħadd minn fost ulied Mosija ma kien lest li jieħu f’idejh is‑saltna.

4 Għalhekk is‑sultan Mosija reġa’ ħareġ proklama u ordna li kellha tiġi mxandra fost il‑poplu; iva, huwa bagħatha bil‑miktub fost il‑poplu. U dan huwa l‑kliem li huwa kiteb, fejn qal:

5 Araw, ja poplu tiegħi, jew aħjar ħuti, għax jiena nistmakom bħala tali, nixtieq li intom tixtarru ftit dwar dak li ntlabtu tixtarru dwaru—peress hija x‑xewqa tagħkom li jkollhom sultan.

6 Issa jiena nistqarr magħkom li dak li huwa d‑dritt tiegħu li jsaltan m’aċċettax is‑saltna, u mhuwiex lest jieħu s‑saltna f’idejh.

7 U issa jekk kellu jinħatar xi ħadd ieħor minfloku, araw jiena nibża’ li fostkom iqum it‑tilwim. U jista’ jkun li ibni, li s‑saltna tappartjeni lilu, jispiċċa jinkorla u jipperswadi lil xi wħud minn dawn in‑nies biex jimxu warajh, u dan jaf iwassal għal gwerer u tilwim fostkom, u jaf jispiċċa jkun il‑kawża ta’ ħafna tixrid ta’ demm u tgħawwiġ ta’ triq il‑Mulej, iva, u jwassal għall‑qerda ta’ bosta erwieħ.

8 Issa jien ngħidilkom ejjew inkunu għaqlin u nixtarru ftit dwar dawn il‑ħwejjeġ, għax aħna m’għandna l‑ebda dritt li neqirdu lil ibni, lanqas m’għandu jkollna dritt li neqirdu lil xi ħadd ieħor jekk huwa jinħatar minfloku.

9 U jekk ibni jerġa’ jibda jitkabbar u jerġa’ jagħti ruħu għall‑frugħa huwa jirtira dak kollu li kien qal, u bi dritt jieħu lura s‑saltna f’idejh, u dan iwassal biex kemm hu kif ukoll dan il‑poplu jaqgħu waħda sew fid‑dnub.

10 U issa ejjew inkunu għaqlin u nirriflettu ftit dwar dawn il‑ħwejjeġ, u nagħmlu dak li jġib il‑paċi fost dan il‑poplu.

11 Għalhekk jiena nkun is‑sultan tagħkom għal bqija ta’ ħajti; madankollu, ejjew naħtru mħallfin, biex jagħmlu ħaqq minn dan il‑poplu skont il‑liġi tagħna; u nirranġaw mill‑ġdid l‑affarijiet ta’ dan il‑poplu, fejn naħtru nies għaqlin bħala mħallfin, li jagħmlu ħaqq minn dan il‑poplu skont il‑kmandamenti ta’ Alla.

12 Issa, ikun aħjar jekk ikun Alla li jagħmel ħaqq mill‑bniedem milli bniedem ieħor, għax il‑ħaqq ta’ Alla huwa dejjem ġust, iżda l‑ħaqq tal‑bniedem mhux dejjem ġust.

13 Għalhekk, jekk kien possibbli li intom ikollkom nies ġusti bħala slaten tagħkom, li jwettqu l‑liġijiet ta’ Alla, u jagħmlu ħaqq minn dan il‑poplu skont il‑kmandamenti tiegħu, iva, jekk jista’ jkollkom nies bħala slaten tagħkom li jagħmlu sewwasew dak li għamel missieri Benjamin għal dan il‑poplu—jien ngħidilkom, jekk dejjem dan ikun il‑każ mela jkun jaqbel li intom tiġu mmexxija dejjem mis‑slaten.

14 U anke jiena ħdimt bla heda u bil‑ħila kollha tiegħi, biex ngħallimkom il‑kmandamenti ta’ Alla, u nistabbilixxi l‑paċi mal‑pajjiż kollu, ħalli ma jkun hawn l‑ebda gwerer jew tilwim, l‑ebda serq, jew issakkeġġar, l‑ebda qtil, jew xi tip ta’ ħażen;

15 U kull min wettaq il‑ħażen, lilu jiena kkastigajt skont għemilu, skont il‑liġi li ġiet mogħtija lilna minn missirijietna.

16 Issa jien ngħidilkom, peress li mhux il‑bnedmin kollha huma ġusti, ma jaqbilx li intom tiġu mmexxija minn sultan jew slaten.

17 Għax araw, sultan wieħed ħażin iwassal biex jitwettaq bosta ħażen, iva, u kemm tkun kbira l‑qerda!

18 Iva, ftakru fis‑sultan Noè, fil‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tiegħu, kif ukoll fil‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tal‑poplu tiegħu. Araw x’qerda mill‑aktar kbira niżlet fuqhom; u minħabba ħżunithom huma spiċċaw ukoll fil‑jasar.

19 U li kieku ma kienx għall‑intervent tal‑Ħallieq tagħhom, fl‑għerf kollu tiegħu, u dan minħabba l‑indiema sinċiera tagħhom, bla dubju huma kienu jibqgħu fil‑jasar sa issa.

20 Iżda araw, huwa ħelishom peress li huma umiljaw ruħhom quddiemu; u peress li huma talbuh b’qawwa huwa ħelishom mill‑jasar; u b’hekk il‑Mulej jaħdem dejjem bil‑qawwa tiegħu fost ulied il‑bnedmin, fejn huwa joffri d‑driegħ ta’ ħniena tiegħu lil kull min jistkenn fih.

21 U araw, issa jien ngħidilkom, intom ma tistgħux tneħħu mit‑tron sultan inġust ħlief permezz ta’ bosta tilwim, u tant tixrid ta’ demm.

22 Għax araw, sħabu huma nies ħżiena, u huwa jżomm l‑għassiesa madwaru; u hu jara kif jeqred għal kollox il‑liġijiet ta’ dawk li saltnu b’ġustizzja qablu; u huwa jgħaffeġ taħt riġlejh il‑kmandamenti ta’ Alla;

23 U hu jgħaddi ċerti liġijiet, u jibgħathom fost il‑poplu tiegħu, iva, liġijiet skont ħżunitu; u hu jara kif jeqred lil kull min ma jobdix il‑liġijiet tiegħu; u huwa jibgħat l‑armati tiegħu biex jiġġieldu kontra dawk li jeħduha kontrih, u jekk ikun jista’ jeqridhom; u b’dan il‑mod sultan inġust jgħawweġ triqat is‑sewwa kollu.

24 U issa araw, jien ngħidilkom, ma jaqbilx li intom tintlaqtu minn abominazzjonijiet bħal dawn.

25 Għalhekk, agħżlu intom imħallfin, skont ir‑rieda ta’ dal‑poplu, biex isir ħaqq minnkom skont il‑liġijiet li ngħataw lilkom minn missirijietna, liema liġijiet huma korretti, u li ngħataw lilhom mill‑Mulej.

26 Issa mhijiex xi ħaġa komuni li l‑poplu jixtieq xi ħaġa li tmur kontra dak li hu ġust; iżda hi ħaġa komuni li l‑minoranza tal‑poplu tixtieq dak li mhuwiex ġust; għalhekk araw li intom twettqu dil‑ħaġa u tgħadduha bħala liġi—li tagħmlu kollox skont ir‑rieda tal‑poplu.

27 U jekk jasal żmien li l‑poplu jagħżel dak li hu ħażin, dak ikun iż‑żmien meta huma jintlaqtu mill‑kastigi ta’ Alla; iva, dak ikun iż‑żmien meta hu jiġi jżurkom f’nofs qerda kbira sewwasew kif ġara meta huwa żar din l‑art fl‑imgħoddi.

28 U issa jekk ikollkom imħallfin, u huma ma jagħmlux ħaqq minnkom skont il‑liġi li ngħatat, intom tistgħu taraw li jsir ħaqq minnhom minn imħallef superjuri.

29 Jekk l‑imħallfin superjuri tagħkom jagħmlu ħaqq li mhux ġust, għandkom taraw biex numru żgħir mill‑imħallfin inferjuri tagħkom jinġabru flimkien, u huma jagħmlu ħaqq mill‑imħallfin superjuri, skont ir‑rieda tal‑poplu.

30 U jien nordnalkom biex intom tagħmlu dan fil‑biża’ tal‑Mulej; u nordnalkom biex tagħmlu dan, u ma jkollhom l‑ebda sultan; ħalli jekk dawn in‑nies iwettqu d‑dnubiet u l‑ħażen, ikollhom iwieġbu għalihom huma stess.

31 Għax araw jien ngħidilkom, kienu bosta n‑nies li wettqu d‑dnubiet minħabba l‑ħażen tas‑slaten tagħhom; għalhekk il‑ħażen tagħhom iwieġbu għalih is‑slaten tagħhom.

32 U issa nixtieq li din l‑inugwaljanza ma tibqax tgħammar aktar f’din l‑art, speċjalment fost dan il‑poplu tiegħi; iżda nixtieq li din l‑art tkun art ta’ ħelsien, u kull bniedem ikun jista’ jgawdi d‑drittijiet u l‑privileġġi tiegħu bl‑istess mod, sakemm il‑Mulej jara li jkun xieraq li aħna nkomplu ngħixu hawn u nirtu l‑art, iva, sewwasew sakemm xi ħadd minn nisilna jkun għadu jgħammar fuq wiċċ l‑art.

33 U s‑sultan Mosija kitbilhom bosta ħwejjeġ oħra, fejn huwa żvelalhom x’kienu l‑isfidi u l‑inkwiet li jgħaddi minnhom sultan ġust, sewwasew, it‑tbatija kollha tar‑ruħ minħabba nieshom, kif ukoll l‑ilmenti kollha li jaslu għand is‑sultan mingħand in‑nies; u hu spjegalhom dan kollu.

34 U qalilhom li dawn il‑ħwejjeġ m’għandhomx isiru; iżda t‑tagħbija għandu jġorrha l‑poplu kollu, fejn kull bniedem għandu jġorr sehemu.

35 U hu żvelalhom ukoll x’kienu l‑iżvantaġġi kollha li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom, jekk huma jiġu mmexxija minn sultan inġust;

36 Iva, il‑ħażen u l‑abominazzjonijiet kollha tiegħu, u l‑ħafna gwerer, u tilwim, u t‑tixrid ta’ demm, u s‑serq, u l‑issakkeġġar, u l‑għemejjel żienja, u kull xorta ta’ ħażen li ma jistax jingħadd—u qalilhom li dawn il‑ħwejjeġ m’għandhomx isiru, għax huma jmorru kontra l‑kmandamenti ta’ Alla.

37 U issa ġara li wara li s‑sultan Mosija għarraf lill‑poplu b’dawn il‑ħwejjeġ huma bdew iħossuhom konvinti dwar il‑verità ta’ kliemu.

38 Għalhekk huma ma xtaqux aktar li jkollhom sultan, u nibtet ħerqa kbira fihom li kull bniedem madwar il‑pajjiż kollu għandu jkollu l‑istess opportunità; iva, u kull bniedem esprima r‑rieda li jwieġeb għal dnubietu.

39 Għalhekk, ġara li huma nġabru flimkien fi gruppi mal‑pajjiż kollu, biex isemmgħu leħinhom dwar min għandhom ikunu l‑imħallfin tagħhom, biex jagħmlu ħaqq minnhom skont il‑liġi li ġiet mogħtija lilhom; u huma ferħu bil‑kbir minħabba l‑ħelsien li ngħataw.

40 U l‑imħabba tagħhom lejn Mosija kibret ferm; iva, l‑istima li kellhom lejh kienet akbar milli kellhom lejn xi bniedem ieħor; għax huma ma kinux iħarsu lejh bħala xi tirann li kien qed jipprova jagħmel xi gwadann, sewwasew dak il‑profitt li jħassar ir‑ruħ; għax hu ma ried l‑ebda ġid materjali mingħandhom, lanqas ma kien jieħu gost bit‑tixrid tad‑demm; iżda huwa stabbilixxa l‑paċi fl‑art, u ra li niesu jinħelsu minn kull tip ta’ jasar; hu għalhekk li huma għandhom stima kbira lejh, iva, huma jistmawh tassew.

41 U ġara li huma ħatru mħallfin biex imexxuhom, jew biex jagħmlu ħaqq minnhom skont il‑liġi; u huma għamlu dan madwar il‑pajjiż kollu.

42 U ġara li Alma nħatar biex ikun l‑ewwel prim imħallef, hu li kien ukoll il‑qassis il‑kbir, wara li missieru kien tah din il‑kariga, u għamlu responsabbli minn dak kollu li kellu x’jaqsam mal‑knisja.

43 U issa ġara li Alma mexa fi triqat il‑Mulej, u hu ħares il‑kmandamenti tiegħu, u hu għamel ħaqq skont is‑sewwa; u kien hemm paċi kontinwa mal‑pajjiż kollu.

44 U b’dal‑mod ingħata bidu għas‑saltna tal‑imħallfin mal‑art kollha ta’ Żaraħemla, fost in‑nies kollha li kienu jissejħu Nefiti; u Alma kien l‑ewwel prim imħallef.

45 U issa ġara li missieru, li kellu tnejn u tmenin sena, miet, wara li hu għex ħajtu kollha f’ubbidjenza lejn il‑kmandamenti ta’ Alla.

46 U ġara li Mosija, li kellu tlieta u sittin sena, miet ukoll, fit‑tlieta u tletin sena ta’ saltnatu; u dan kien jagħmel b’kollox ħames mija u disa’ snin minn meta Leħi ħalla Ġerusalemm.

47 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑saltna tas‑slaten fuq il‑poplu ta’ Nefi; u b’hekk ġiet fi tmiemha ħajjet Alma, li kien il‑fundatur tal‑knisja tagħhom.