Kapitlu 8
Għammon jgħallem lin‑nies ta’ Limħi—Hu jsir jaf dwar l‑erbgħa u għoxrin pjanċa tal‑Ġarediti—L‑annali antiki jistgħu jiġu tradotti minn veġġenti—Id‑don tal‑veġġenza hu akbar minn kull don ieħor. Madwar 121 Q.K.
1 U ġara li wara li s‑sultan Limħi waqaf ikellem lil niesu, għax hu kellimhom dwar bosta ħwejjeġ li ftit biss minnhom jiena ktibt f’dan il‑ktieb, hu qal lil niesu dak kollu li kellu xi jgħidilhom dwar ħuthom li kienu jinsabu fl‑art ta’ Żaraħemla.
2 U hu ried li Għammon jieqaf quddiem il‑miġemgħa, u jgħidilhom dak kollu li ħuthom għaddew minnu miż‑żmien li fih Żeniff ħalla dik l‑art sewwasew saż‑żmien li fih huwa stess telaq ’il barra minn dik l‑art.
3 U hu tennielhom ukoll l‑aħħar kliem li għallimhom is‑sultan Benjamin, u spjega kliemu lin‑nies tas‑sultan Limħi, ħalli huma jkunu jistgħu jifhmu l‑kliem kollu li huwa qal.
4 U ġara li wara li għamel dan kollu, is‑sultan Limħi bagħat ’l hemm lill‑miġemgħa, u ra li kollha kemm huma jerġgħu lura lejn darhom.
5 U ġara li hu talab biex il‑pjanċi li kien fihom l‑istorja ta’ niesu miż‑żmien li huma ħallew l‑art ta’ Żaraħemla, kellhom jinġiebu quddiem Għammon, biex hu jkun jista’ jaqrahom.
6 Issa, hekk kif Għammon qara l‑istorja, is‑sultan ried ikun jaf jekk hu kienx kapaċi jinterpreta l‑ilsna, u Għammon wieġbu li ma kienx.
7 U s‑sultan qallu: Peress li ħassejtni mnikket minħabba l‑hemm ta’ niesi, jiena tlabt biex tlieta u erbgħin persuna minn fost niesi jitilqu lejn ix‑xagħri, forsi b’hekk ikunu jistgħu jsibu l‑art ta’ Żaraħemla, ħalli forsi nkunu nistgħu nappellaw lil ħutna biex jeħilsuna mill‑jasar.
8 U huma spiċċaw intilfu fix‑xagħri għal perjodu ta’ bosta jiem, madankollu huma kienu nies diliġenti, u minkejja li l‑art ta’ Żaraħemla ma sabuhiex, huma reġgħu lura f’din l‑art, wara li għaddew minn art imdawra b’ħafna ilmijiet, u skoprew art li kienet miksija għadam tan‑nies, u tal‑bhejjem, u kienet miksija wkoll bi fdalijiet ta’ bini ta’ kull għamla, fejn skoprew art li fiha kienu jgħammru nies li kienu numerużi daqs l‑eżerċti ta’ Iżrael.
9 U bħala xhieda li dak li qalu kien kollu minnu huma ġabu magħhom erbgħa u għoxrin pjanċa mimlija inċiżjonijiet, magħmula minn deheb pur.
10 U araw, huma ġabu wkoll magħhom pettorali kbar, magħmulin mir‑ram u mir‑ram isfar, f’kundizzjoni mill‑aqwa.
11 U għal darb’oħra, ġabu magħhom xwabel, li l‑manku tagħhom għosfor, u x‑xafra tagħhom rabbiet is‑sadid; u m’hawn ħadd fil‑pajjiż li hu kapaċi jinterpreta l‑ilsien jew l‑inċiżjoni li hemm fuq il‑pjanċi. Għalhekk jiena staqsejtek: Kapaċi tittraduċi?
12 U nerġa nistaqsik: Taf inti lil xi ħadd li kapaċi jittraduċi? Għax jien għandi xewqa kbira li dawn l‑annali jinqalbu għall‑ilsien tagħna; għax, forsi, ikunu jistgħu jipprovdulna għarfien ta’ xi fdal tal‑poplu li safa meqrud, minn fejn ġew dawn l‑annali; jew forsi, jipprovdulna għarfien ta’ dan l‑istess poplu li safa meqrud; u jien għandi xewqa kbira li nkun naf x’wassal għall‑qerda tagħhom.
13 Issa Għammon qallu: Nista’ ngħidlek fiż‑żgur, O sultan, dwar raġel li jista’ jittraduċi l‑annali; għax hu għandu affarijiet li permezz tagħhom jista’ jfittex, u jittraduċi l‑annali kollha li ġejjin minn żmien antik ħafna; u dan huwa don minn Alla. U dawn l‑affarijiet jissejħu interpreti, u l‑ebda bniedem ma jista’ jħares fihom jekk ma jiġix ordnat jagħmel dan, li ma jmurx ifittex għal dak li m’għandux ifittex u jispiċċa jinqered. U kull min jiġi ordnat sabiex iħares ġewwa fihom, dan jissejjaħ veġġent.
14 U ara, is‑sultan tan‑nies li jinsabu fl‑art ta’ Żaraħemla huwa l‑bniedem li ġie ordnat jagħmel dan, u li jippossedi dan id‑don daqstant sublimi mingħand Alla.
15 U s‑sultan qal li veġġent huwa akbar minn profeta.
16 U Għammon qal li veġġent huwa rivelatur kif ukoll profeta; u don akbar minn hekk l‑ebda bniedem ma jista’ jkollu, ħlief jekk hu jippossedi l‑qawwa ta’ Alla, li l‑ebda bniedem ma jista’ jippossedi; madankollu bniedem jista’ jingħata qawwa kbira minn Alla.
17 Iżda veġġent jista’ jkun jaf dwar ħwejjeġ li diġà seħħew, kif ukoll dwar ħwejjeġ li għad iridu jseħħu, u permezz tagħhom kollox jiġi żvelat, jew aħjar, permezz tagħhom ħwejjeġ mistura jsiru magħrufa, u ħwejjeġ moħbija joħorġu għad‑dawl, u ħwejjeġ mhux magħrufa jsiru magħrufa permezz tagħhom, kif ukoll permezz tagħhom ikunu magħrufa ħwejjeġ li kieku kienu jibqgħu mistura.
18 B’hekk Alla pprovda mezz kif il‑bniedem, permezz tal‑fidi, jista’ jwettaq mirakli tal‑għaġeb; għalhekk huwa jkun ta’ benefiċċju kbir għal għajru.
19 U issa, meta Għammon temm jgħid dan il‑kliem is‑sultan feraħ bil‑kbir, radd ħajr lil Alla, u qal: M’hemmx dubju li dawn il‑pjanċi jinkludu fihom misteru kbir, u l‑għan għalfejn ġew imħejjija dawn l‑interpreti hu bla dubju sabiex dawn il‑misteri kollha jiġu żvelati lill‑ulied il‑bnedmin.
20 O kemm huma tal‑għaġeb l‑għemejjel tal‑Mulej, u kemm se jdum jittollera lill‑poplu tiegħu; iva, kemm hija għamja u impenetrabbli l‑fehma ta’ wlied il‑bnedmin; għax huma la jfittxu l‑għerf, u lanqas ma juru x‑xewqa li jħallu l‑għerf imexxihom!
21 Iva, huma jixbhu lil merħla selvaġġa li taħrab minn ħdejn ir‑ragħaj, u tinxtered, u tiġi kkaċċjata, u mittiekla mill‑bhejjem tal‑foresta.