Kapitlu 21
In‑nies ta’ Limħi jisfaw midruba u megħluba mil‑Lamaniti—In‑nies ta’ Limħi jiltaqgħu ma’ Għammon u jikkonvertu—Huma jgħidu lil Għammon dwar l‑erbgħa u għoxrin pjanċa tal‑Ġarediti. Madwar 122–121 Q.K.
1 U ġara li Limħi u n‑nies tiegħu reġgħu lura fil‑belt ta’ Nefi, u reġgħu bdew jgħammru fil‑pajjiż fis‑sliem.
2 U ġara li wara bosta jiem il‑Lamaniti bdew għal darb’oħra jimtlew bil‑korla kontra n‑Nefiti, u huma bdew jersqu lejn il‑fruntieri tal‑art tal‑madwar.
3 Issa huma m’azzardawx joqtluhom, minħabba l‑ġurament li s‑sultan tagħhom kien għamel ma’ Limħi; iżda huma bdew jagħtuhom bil‑ħarta fuq ħaddejhom, u jħaddmu s‑setgħa tagħhom fuqhom; u bdew jgħabbulhom tagħbija kbira fuq daharhom, u jsuquhom bħal ħmar tat‑tagħbija bla kliem—
4 Iva, u dan kollu ġara biex tkun tista’ tiġi fis‑seħħ il‑kelma tal‑Mulej.
5 U issa t‑tbatija tan‑Nefiti kienet waħda kbira, u ma kien hemm ebda mod kif huma setgħu jeħilsu lilhom infushom minn taħt idejhom, għax il‑Lamaniti kienu ċċirkondawhom minn kull naħa.
6 U ġara li n‑nies bdew jilmentaw mas‑sultan minħabba hemmhom; u huma bdew juru x‑xewqa li jmorru għall‑battalja kontrihom. U lis‑sultan dejquh bil‑kbir bl‑ilmenti kollha tagħhom; għalhekk huwa ħallihom jagħmlu kif jixtiequ.
7 U huma nġabru flimkien għal darb’oħra, u libsu fuqhom l‑armatura tagħhom, u marru jiġġieldu kontra l‑Lamaniti biex ikeċċuhom ’il barra minn arthom.
8 U ġara li l‑Lamaniti spiċċaw biex għelbuhom, u ġegħluhom jirtiraw, u qatlu ħafna minnhom.
9 U issa kien hemm bosta biki u tnehid fost in‑nies ta’ Limħi, l‑armla tibki lil żewġha, l‑iben u l‑bint jibku lil missierhom, u l‑aħwa jibku lill‑aħwa.
10 Issa kien hemm bosta romol fil‑pajjiż, u huma bdew jgħajtu b’qawwa minn jum għal jum, għax huma spiċċaw inħakmu minn biża’ kbira mil‑Lamaniti.
11 U ġara li l‑għajjat kontinwu tagħhom wassal biex il‑bqija tan‑nies ta’ Limħi imtlew bil‑għadab għal‑Lamaniti; u huma reġgħu marru għall‑ġlied, iżda reġgħu ġew imġiegħla jirtiraw, u kienu ħafna fosthom li tilfu ħajjithom.
12 Iva, huma reġgħu marru għat‑tielet darba, u ġralhom l‑istess bħal qabel; u dawk li ma ġewx maqtula reġgħu lura fil‑belt ta’ Nefi.
13 U huma umiljaw ruħhom sat‑trab, u ssottomettew ruħhom għall‑madmad tal‑jasar, fejn ħallew lilhom infushom li jiġu msawta, u jinġarru ’l hemm u ’l hawn, u jġorru t‑tagħbija, skont kif xtaqu l‑għedewwa tagħhom.
14 U huma umiljaw ruħhom sewwasew b’umiltà mill‑aktar kbira; u bdew jgħajtu b’qawwa lil Alla; iva, huma għaddew il‑jum kollu jgħajtu lil Alla tagħhom biex jeħlishom minn hemmhom.
15 U issa l‑Mulej dam ma sema’ l‑għajjat tagħhom minħabba ħżunithom; madankollu l‑Mulej sema’ l‑għajjat tagħhom, u beda jrattab qlub il‑Lamaniti fejn huma bdew iħaffu t‑tagħbija tagħhom; madankollu l‑Mulej ma ħassx li kellu jeħlishom mill‑jasar.
16 U ġara li ftit ftit huma beda jkollkom ir‑risq fil‑pajjiż, u bdew ikabbru l‑qamħ bil‑kotra, u bdew irabbu l‑merħliet u l‑baqar, ħalli ma jbatux il‑ġuħ.
17 Issa kien hemm għadd kbir ta’ nisa, aktar milli kien hemm irġiel; għalhekk is‑sultan Limħi ordna li kull raġel kellu jgħin billi jaqsam ġidu mar‑romol u ma’ wliedhom, li ma jmorrux imutu bil‑ġuħ; u dan huma għamluh minħabba l‑għadd kbir ta’ nies fosthom li sfaw maqtula.
18 Issa n‑nies ta’ Limħi baqgħu lkoll flimkien, kemm jista’ jkun, fi grupp wieħed u raw li jipproteġu l‑qamħ u l‑merħliet tagħhom.
19 U s‑sultan stess m’azzardax li jmur ’il barra s‑swar tal‑belt, sakemm ma jieħux miegħu l‑għassiesa, għax beża’ li b’xi mod seta’ jaqa’ f’idejn il‑Lamaniti.
20 U hu ordna biex in‑nies tiegħu jgħassu l‑art kollha tal‑madwar, biex forsi b’xi mod ikunu jistgħu jaqbdu lil dawk il‑qassisin li ħarbu fix‑xagħri, li ħatfu l‑ulied bniet tal‑Lamaniti, u li wassluhom biex jintlaqtu minn qerda daqstant kbira.
21 Għax huma kellhom ix‑xewqa li jaqbduhom ħalli jkunu jistgħu jikkastigawhom; għax huma daħlu fl‑art ta’ Nefi mal‑lejl, u ġarrew magħhom il‑qamħ u ħafna mill‑ħwejjeġ prezzjużi tagħhom; għalhekk huma baqgħu moħbijin hemm lesti għalihom.
22 U ġara li ma kienx hemm aktar diżgwid bejn il‑Lamaniti u n‑nies ta’ Limħi, sewwasew saż‑żmien li fih Għammon u ħutu waslu fil‑pajjiż.
23 U s‑sultan li kien jinsab barra l‑bibien tal‑belt flimkien mal‑għassies tiegħu, intebaħ b’Għammon u ħutu; u peress li huwa ħasibhom li kienu l‑qassisin ta’ Noè huwa ordna li jaqbduhom, jorbtuhom, u jixħtuhom fil‑ħabs. U li kieku kienu l‑qassisin ta’ Noè huwa kien lest li jordna li huma jingħataw il‑mewt.
24 Iżda meta sab li ma kinux huma, iżda ħutu, li kienu ġew mill‑art ta’ Żaraħemla, huwa mtela b’ferħ mill‑aktar kbir.
25 Issa, qabel il‑miġja ta’ Għammon, is‑sultan Limħi bagħat grupp żgħir ta’ rġiel ifittxu l‑art ta’ Żaraħemla; iżda huma ma setgħux isibuha, u spiċċaw intilfu fix‑xagħri.
26 Madankollu, huma rnexxielhom isibu art li fiha kienu jgħammru n‑nies; iva, art li kienet miksija għadam niexef; iva, art li kienu jgħammru fiha nies li ġew meqruda; u peress li bdew jassumu li kienet l‑art ta’ Żaraħemla, huma reġgħu lura fl‑art ta’ Nefi, fejn waslu fil‑fruntieri tal‑pajjiż ftit jiem biss qabel il‑miġja ta’ Għammon.
27 U magħhom ġabu kitba, sewwasew l‑istorja tan‑nies li kienu sabu l‑għadam tagħhom; u din kienet imnaqqxa fuq pjanċi tal‑metall.
28 U issa Limħi reġa’ mtela bil‑ferħ meta sar jaf minn fomm Għammon li s‑sultan Mosija kien ġie mogħti don minn Alla, li permezz tiegħu seta’ jinterpreta dawn it‑tip ta’ inċiżjonijiet; iva, u Għammon feraħ ukoll.
29 Madankollu Għammon u ħutu mtlew bin‑niket peress li bosta minn ħuthom kienu sfaw maqtula;
30 Kif ukoll peress li s‑sultan Noè u l‑qassisin tiegħu kienu wasslu lin‑nies biex iwettqu bosta dnubiet u ħażen kontra Alla; u huma ħassewhom imnikktin ukoll minħabba l‑mewt ta’ Abinadi; kif ukoll minħabba t‑tluq ta’ Alma u n‑nies li telqu miegħu, li kienu ffurmaw knisja ta’ Alla permezz tal‑qawwa u s‑setgħa ta’ Alla, u permezz tal‑fidi tagħhom fil‑kliem li kien intqal minn Abinadi.
31 Iva, ħassewhom imnikktin għax huma telqu minn ħdejhom, għax ma kinux jafu ’l fejn kienu ħarbu. Issa huma xtaqu kieku li ngħaqdu magħhom, peress li huma stess daħlu f’patt ma’ Alla li kienu lesti li jaqduh u jħarsu l‑kmandamenti tiegħu.
32 U issa, mill‑miġja ta’ Għammon ’l hawn, anke s‑sultan Limħi daħal f’patt ma’ Alla, l‑istess kif għamlu ħafna minn niesu, li huma kienu lesti jaqduh u jħarsu l‑kmandamenti tiegħu.
33 U ġara li s‑sultan Limħi u ħafna min‑nies tiegħu kellhom ix‑xewqa li jitgħammdu; iżda ma kien hemm ħadd fil‑pajjiż li kellu l‑awtorità minn Alla. U Għammon m’aċċettax li jagħmel dan, għax kien iqis lilu nnifsu bħala qaddej indenju.
34 Għalhekk f’dak iż‑żmien huma ma ngħaqdux flimkien bħala knisja, iżda baqgħu jistennew l‑Ispirtu tal‑Mulej. Issa huma kellhom ix‑xewqa li jsiru sewwasew bħal Alma u ħutu, li ħarbu lejn ix‑xagħri.
35 Huma kellhom ix‑xewqa li jitgħammdu bħala xhieda u testimonjanza li huma kienu lesti jaqdu lil Alla b’qalbhom kollha; madankollu huma pposponew dan; u rakkont tal‑magħmudija tagħhom se jingħata aktar tard.
36 U issa kull sforz li bdew jagħmlu Għammon u n‑nies tiegħu, u s‑sultan Limħi u n‑nies tiegħu, kien sabiex huma jeħilsu lilhom infushom minn idejn il‑Lamaniti u mill‑jasar.