Kapitlu 19
Gidgħon jipprova joqtol lis‑Sultan Noè—Il‑Lamaniti jinvadu l‑pajjiż—Is‑Sultan Noè jingħata l‑mewt permezz tan‑nar—Limħi jsaltan bħala monarka tributarju. Madwar 145–121 Q.K.
1 U ġara li l‑armata tas‑sultan reġgħet lura, wara li huma qagħdu jfittxu għal xejn lin‑nies tal‑Mulej.
2 U issa araw, il‑forzi tas‑sultan kienu żgħar, għaliex kienu ċkienu fin‑numru, u beda jkun hemm firda fost il‑bqija tal‑poplu.
3 U dawk li kienu jagħmlu parti mill‑iċken fazzjon bdew ilissnu kliem ta’ theddid kontra s‑sultan, u beda jkun hemm ħafna tilwim bejniethom.
4 U issa kien hemm fosthom raġel li kien jismu Gidgħon, u hu kien bniedem b’saħħtu u kien għadu tas‑sultan, għalhekk huwa silet is‑sejf tiegħu, u fil‑qilla tiegħu ħalef li joqtol lis‑sultan.
5 U ġara li huwa beda jitqabad mas‑sultan; u meta s‑sultan ra li kien sejjer jegħlbu, huwa ħarab b’ġirja u tela’ fuq it‑torri li kien jinsab qrib it‑tempju.
6 U Gidgħon mar warajh u kien għoddu wasal biex jitla’ fuq it‑torri ħalli joqtol lis‑sultan, u s‑sultan ħares ħarsa madwaru lejn l‑art ta’ Semlon, u araw, l‑armata tal‑Lamaniti kienet tinsab mal‑fruntieri tal‑pajjiż.
7 U issa s‑sultan għajjat b’diqa f’qalbu u qal: Gidgħon, ikollok ħniena minni, għax il‑Lamaniti jinsabu fil‑qrib, u huma sejrin jeqirduna; iva, sejrin jeqirdu lill‑poplu tiegħi.
8 U issa s‑sultan aktar beda jinkwieta li ma jmurx jitlef ħajtu milli beda jinkwieta għal niesu; madankollu, Gidgħon wera ħniena miegħu.
9 U s‑sultan ordna lin‑nies biex jaħarbu qabel jaslu l‑Lamaniti, u hu stess mar quddiemhom, u huma ħarbu lejn ix‑xagħri, man‑nisa tagħhom u ma’ wliedhom.
10 U ġara li l‑Lamaniti marru warajhom, u laħquhom, u bdew joqtluhom.
11 Issa ġara li s‑sultan ordna biex l‑irġiel kollha jħallu warajhom lil marthom u lil uliedhom, u jaħarbu ’l bogħod mil‑Lamaniti.
12 Issa kien hemm ħafna li ma ridux iħalluhom warajhom, u kienu jippreferu li jibqgħu hemm u jinqerdu flimkien magħhom. U l‑bqija ħallew warajhom lil marthom u lil uliedhom u ħarbu.
13 U ġara li dawk li baqgħu ma’ marthom u ma’ wliedhom talbu lill‑bniet sbieħ tagħhom sabiex imorru fuq quddiem u jitolbu lil‑Lamaniti sabiex ma joqtluhomx.
14 U ġara li l‑Lamaniti tħassruhom, għax baqgħu b’ħalqhom miftuħ meta raw is‑sbuħija tan‑nisa tagħhom.
15 Għalhekk il‑Lamaniti ħennew għalihom, u ħaduhom bħala lsiera u ġabuhom lura magħhom fl‑art ta’ Nefi, u tawhom iċ‑ċans li jirtu l‑art, bil‑kundizzjoni li huma jagħtu lis‑Sultan Noè f’idejn il‑Lamaniti, u jagħtuhom ukoll nofs ġidhom, sewwasew nofs dak kollu li huma kellhom, nofs id‑deheb u l‑fidda tagħhom, u l‑ħwejjeġ prezzjużi kollha tagħhom, u minn sena għal sena għandhom iħallsu taxxa lis‑sultan tal‑Lamaniti.
16 U issa, fost dawk li kienu ttieħdu fil‑jasar, kien hemm wieħed minn ulied is‑sultan, li kien jismu Limħi.
17 U issa Limħi kellu xewqa li missieru ma jinqatilx; madankollu, Limħi kien jaf sew dwar il‑ħażen ta’ missieru, għax hu stess kien bniedem twajjeb.
18 U ġara li Gidgħon bagħat xi nies bil‑moħbi fix‑xagħri, biex ifittxu lis‑sultan u lil dawk li kienu miegħu. U ġara li fix‑xagħri huma ltaqgħu man‑nies kollha minbarra mas‑sultan u l‑qassisin tiegħu.
19 Issa f’qalbhom huma kienu ħalfu li jerġgħu lura fl‑art ta’ Nefi, u jekk isibu li marthom u wliedhom ġew maqtula, u l‑istess dawk li baqgħu magħhom, huma jaraw kif ipattuhielhom, biex huma jinqatlu magħhom ukoll.
20 U s‑sultan ordnalhom biex ma jerġgħux lura; u huma ħaduha kontra s‑sultan, u raw li huwa jingħata l‑mewt, sewwasew permezz tan‑nar.
21 U kienu sejrin jieħdu magħhom ukoll lill‑qassisin biex joqtluhom, u huma spiċċaw ħarbu minn quddiemhom.
22 U ġara li waqt li kienu se jmorru lura lejn l‑art ta’ Nefi, huma ltaqgħu mal‑irġiel ta’ Gidgħon. U l‑irġiel ta’ Gidgħon qalulhom b’kull ma kien ġara minn marthom u minn uliedhom; u qalulhom li l‑Lamaniti tawhom iċ‑ċans li jirtu l‑art billi jħallsu lil‑Lamaniti taxxa ta’ nofs ġidhom kollu.
23 U n‑nies qalu lill‑irġiel ta’ Gidgħon li huma kienu qatlu lis‑sultan, u li l‑qassisin tiegħu kienu ħarbu minn quddiemhom u telqu ’l bogħod fix‑xagħri.
24 U ġara li wara li huma temmew dan ir‑rit, huma reġgħu lura fl‑art ta’ Nefi, ferħanin li marthom u wliedhom ma kinux inqatlu; u huma qalu lil Gidgħon x’kienu għamlu lis‑sultan.
25 U ġara li s‑sultan tal‑Lamaniti ħalef magħhom li n‑nies tiegħu ma kinux sejrin joqtluhom.
26 U anke Limħi, li kien bin is‑sultan, li ngħata r‑renju f’idejh mill‑poplu, ħa ġurament mas‑sultan tal‑Lamaniti li niesu kienu se jibdew iħallsu t‑taxxa lilu, sewwasew nofs ġidhom kollu.
27 U ġara li Limħi beda jorganizza r‑renju u jistabbilixxi l‑paċi fost il‑poplu tiegħu.
28 U s‑sultan tal‑Lamaniti poġġa numru ta’ għassiesa madwar il‑pajjiż, ħalli huwa jkun jista’ jżomm lin‑nies ta’ Limħi ġewwa l‑pajjiż, biex huma ma jkunux jistgħu jitilqu lejn ix‑xagħri; u lill‑għassiesa tiegħu kien iħallashom mit‑taxxa li kien jirċievi mingħand in‑Nefiti.
29 U issa s‑sultan Limħi esperjenza paċi kontinwa fir‑renju tiegħu għal sentejn sħaħ, li fihom il‑Lamaniti la tawhom fastidju u lanqas ippruvaw jeqirduhom.