Skrittura
Mosija 1


Il‑Ktieb ta’ Mosija

Kapitlu 1

Is‑Sultan Benjamin jgħallem lil uliedu s‑subien l‑ilsien u l‑profeziji ta’ missirijiethom—Ir‑reliġjon u ċ‑ċiviltà tagħhom ġew ippreservati grazzi għall‑annali miżmuma fuq diversi pjanċi—Mosija magħżul bħala sultan u mogħti l‑kustodja tal‑annali u ta’ ħwejjeġ oħra. Madwar 130–124 Q.K.

1 U issa ma kienx hemm aktar tilwim fl‑art kollha ta’ Żaraħemla, fost il‑poplu kollu li kien immexxi mis‑sultan Benjamin, għalhekk is‑sultan Benjamin baqa’ jsaltan f’paċi kontinwa għall‑bqija ta’ ħajtu.

2 U ġara li huwa kellu tliet subien; u semmiehom Mosija, u Ħeloru, u Ħelaman. U ra li huma jiġu mgħallmin kull ħaġa relatata ma’ lsien missirijiethom, ħalli huma jkunu jistgħu jsiru nies għaqlin; u ħalli jkunu jafu dwar il‑profeziji li ġew imlissna b’fomm missirijiethom, li ġew mgħoddija lilhom minn id il‑Mulej.

3 U hu għallimhom ukoll dwar l‑annali li ġew imnaqqxa fuq il‑pjanċi tar‑ram, fejn qalilhom: Uliedi, irridkom tiftakru li kieku ma kienx għal dawn il‑pjanċi, li fihom dawn l‑annali u dawn il‑kmandamenti, aħna konna nibqgħu ngħixu fl‑injoranza, sewwasew sal‑ġurnata tal‑lum, mingħajr ebda għarfien tal‑misteri ta’ Alla.

4 Għax ma kienx ikun possibbli li missierna, Leħi, jiftakar dawn il‑ħwejjeġ kollha, u jgħallimhom lil uliedu, li kieku ma kienx bis‑saħħa ta’ dawn il‑pjanċi; għax hu ġie mgħallem dwar ilsien l‑Eġizzjani għalhekk hu seta’ jaqra din l‑inċiżjoni, u jgħallem lil uliedu, ħalli huma jkunu jistgħu jgħallmu lil uliedhom, u b’hekk iwettqu l‑kmandamenti ta’ Alla, sewwasew sal‑ġurnata tal‑lum.

5 Uliedi, ngħidilkom li kieku ma kienx għal dawn il‑ħwejjeġ, li ġew imħarsa u ppreservati minn id Alla, ħalli aħna nkunu nistgħu naqraw u jkollna għarfien dwar il‑misteri tiegħu, u quddiem għajnejna jkollna dejjem il‑kmandamenti tiegħu, anke missirijietna stess, ftit, ftit, kienu jispiċċaw jitilfu l‑fidi, u aħna konna nispiċċaw bħal ħutna, il‑Lamaniti, li ma jafu xejn dwar dawn il‑ħwejjeġ, jew inkella ma jemmnuhomx meta jiġu mgħallmin lilhom, minħabba t‑twemmin ta’ missirijiethom, li huwiex korrett.

6 O wliedi, nixtieq li intom tiftakru li dan li qed ngħid huwa kollu veru, u anke dawn l‑annali huma vera. U hawn, anke l‑pjanċi ta’ Nefi, li fihom l‑annali u l‑kliem ta’ missirijietna miż‑żmien li fih ħallew Ġerusalemm sal‑lum, huma vera; u aħna nistgħu nkunu nafu dan b’ċertezza peress li jinsabu quddiem għajnejna.

7 U issa, uliedi, nixtieq li intom tiftakru ħalli tifluhom sewwa, biex b’hekk tibbenefikaw minnhom; u nixtieq li intom tħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla, biex ikollkom ir‑risq f’artkom skont il‑wegħdiet li l‑Mulej għamel ma’ missirijietna.

8 U kienu bosta l‑ħwejjeġ illi s‑sultan Benjamin għallem lil uliedu, li mhumiex miktubin f’dan il‑ktieb.

9 U ġara li wara li s‑sultan Benjamin waqaf jgħallem lil uliedu, huwa xjieħ, u ra li dalwaqt kellu jaqbad it‑triq tal‑bnedmin kollha tal‑art; għalhekk, ra li jkun jaqbel li huwa jgħaddi s‑saltna f’idejn wieħed minn uliedu.

10 Għalhekk, hu talab biex Mosija jinġieb quddiemu; u dan hu l‑kliem li huwa qallu: Ibni, irrid li inti toħroġ proklama u xxandarha madwar din l‑art kollha fost dan il‑poplu kollu, jew fost in‑nies ta’ Żaraħemla, u n‑nies ta’ Mosija li jgħammru f’din l‑art, li tgħid li huma għandhom jinġabru flimkien; għax għada lil dan il‑poplu tiegħi se nxandarlu permezz ta’ fommi li inti sultan u mexxej fuq dan il‑poplu li tana l‑Mulej Alla tagħna.

11 Barra minn hekk, lil dan il‑poplu jiena se nagħtih isem, li permezz tiegħu jkun jista’ jiġi distint fost il‑popli kollha li l‑Mulej Alla ħareġ ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm; u dan jien se nagħmlu għaliex huma kienu poplu li ħarsu bil‑ħrara l‑kmandamenti tal‑Mulej.

12 U se nagħtihom isem li qatt m’għandu jitħassar, ħlief permezz tat‑trasgressjoni.

13 Iva, u barra minn hekk ngħidlek, li jekk dan il‑poplu mbierek bil‑kbir mill‑Mulej jaqa’ fit‑trasgressjoni, u jsir poplu ħażin u żieni, il‑Mulej jerħihom minn idejh, fejn huma jsiru dgħajfin bħal ħuthom; u hu ma jħarishomx aktar permezz tal‑qawwa inkomparabbli u tal‑għaġeb tiegħu, kif sa issa dejjem ħares lil missirijietna.

14 Għax jiena ngħidlek, li kieku huwa ma estendiex driegħu biex iħares lil missirijietna huma kienu jaqgħu f’idejn il‑Lamaniti, u jsiru vittmi tal‑mibegħda tagħhom.

15 U ġara li wara li s‑sultan Benjamin temm jgħid dan il‑kliem lil ibnu, huwa għaddielu f’idejh ir‑responsabbiltà tal‑affarijiet tas‑saltna.

16 U barra minn hekk, hu għaddielu r‑responsabbiltà tal‑annali li kienu mnaqqxin fuq il‑pjanċi tar‑ram; kif ukoll il‑pjanċi ta’ Nefi; kif ukoll, ix‑xabla ta’ Laban, u l‑globu jew id‑direttur, li mexxa lil missirijietna f’nofs id‑deżert, li ġie mħejji minn id il‑Mulej ħalli huma jkunu jistgħu jitmexxew, kull wieħed minnhom, skont l‑attenzjoni u d‑diliġenza li huma jagħtuh.

17 Għalhekk, meta huma ma baqgħux fidili huma la kellhom ir‑risq u lanqas ma komplew mexjin ’il quddiem fi triqthom, iżda nġarrew lura, u stiednu fuqhom il‑qilla ta’ Alla; u għalhekk huma ntlaqtu mill‑ġuħ u minn tbatija kbira, biex dan iqanqalhom biex huma jiftakru fi dmirhom.

18 U issa, ġara li Mosija mar u għamel kif ordnalu missieru, u xandar lin‑nies kollha li kienu fl‑art ta’ Żaraħemla sabiex jinġabru flimkien, ħalli jitilgħu lejn it‑tempju biex jisimgħu l‑kliem li kellu jgħidilhom missieru.