Skrittura
Mosija 22


Kapitlu 22

Jiġu fis‑seħħ pjanijiet biex in‑nies jaħarbu mill‑jasar tal‑Lamaniti—Il‑Lamaniti jiġu mogħtija x‑xorb biex jiskru—In‑nies jaħarbu, jerġgħu lura f’Żaraħemla, u joqogħdu għat‑tmexxija tas‑sultan Mosija. Madwar 121–120 Q.K.

1 U issa ġara li Għammon u s‑sultan Limħi bdew jikkonsultaw man‑nies dwar kif huma setgħu jinħelsu mill‑jasar; u ordnaw lin‑nies kollha sabiex jinġabru flimkien; u huma għamlu dan biex jaraw kif kienu jaħsbuha n‑nies dwar din il‑ħaġa.

2 U ġara li huma ma setgħu jsibu l‑ebda mod kif setgħu jinħelsu mill‑jasar, ħlief li jaqbdu lil marthom u lil uliedhom, u l‑merħliet tagħhom, u l‑baqar tagħhom, u t‑tined tagħhom, u jerħulha lejn ix‑xagħri; għax peress li l‑Lamaniti kienu daqstant numerużi, kien impossibbli li n‑nies ta’ Limħi jeħduha magħhom, jekk ħasbu li setgħu jinħelsu mill‑jasar permezz tax‑xabla.

3 Issa ġara li Gidgħon mar quddiem is‑sultan u qallu: Issa, O sultan, inti kemm il‑darba tajt widen għal kliemi meta aħna konna ninsabu f’xi tilwima ma’ ħutna, il‑Lamaniti.

4 U issa, O sultan, jekk inti lili ma tħarisx lejja bħala qaddej li ma jiswa għal xejn, jew jekk sa issa, b’xi mod, inti dejjem smajt minn kliemi, li kien ta’ servizz għalik, bl‑istess mod nixtieq li f’dan il‑waqt inti tisma’ minn dak li se ngħidlek, u jien inkun il‑qaddej tiegħek u neħles lil dan il‑poplu mill‑jasar.

5 U s‑sultan tah iċ‑ċans li jitkellem. U Gidgħon qallu:

6 Ikkunsidra ftit il‑passaġġ ta’ fuq wara, li tiġi għalih mis‑sur ta’ wara, fuq in‑naħa ta’ wara tal‑belt. Il‑Lamaniti, jew aħjar l‑għassiesa tal‑Lamaniti, billejl jiskru; għalhekk ejja noħorġu proklama fejn nitolbu lil dawn in‑nies kollha biex jiġbru l‑merħliet u l‑baqar tagħhom, ħalli mal‑lejl ikunu jistgħu jmexxuhom lejn ix‑xagħri.

7 U jiena mmur, skont kif tordnali int, u nħallas l‑aħħar taxxa permezz tal‑inbid lil‑Lamaniti, u huma jkunu fis‑sakra; u aħna ngħaddu mill‑passaġġ sigriet li hemm fuq in‑naħa tax‑xellug tal‑kamp tagħhom waqt li huma jkunu fis‑sakra u reqdin.

8 B’hekk aħna nkunu nistgħu nitilqu lejn ix‑xagħri bin‑nisa tagħna u b’uliedna, u bil‑merħliet tagħna; u aħna ngħaddu madwar l‑art ta’ Silom.

9 U ġara li s‑sultan ta widen għal dak li qal Gidgħon.

10 U s‑sultan Limħi talab lin‑nies tiegħu biex jiġbru l‑merħliet tagħhom flimkien; u hu bagħat it‑taxxa lil‑Lamaniti permezz tal‑inbid; u hu bagħatilhom ukoll aktar inbid, bħala rigal; u huma xorbu xarba tajba mill‑inbid li kien bagħatilhom is‑sultan Limħi.

11 U ġara li mal‑lejl in‑nies tas‑sultan Limħi telqu lejn ix‑xagħri bil‑merħliet tagħhom u l‑baqar tagħhom, u huma għaddew madwar l‑art ta’ Silom ġewwa x‑xagħri, u dawru triqthom lejn l‑art ta’ Żaraħemla, fejn kienu mmexxijin minn Għammon u minn ħutu.

12 U huma ħadu magħhom id‑deheb kollu u l‑fidda kollha tagħhom, u l‑ħwejjeġ prezzjużi li setgħu jġorru magħhom, u ħadu magħhom ukoll fix‑xagħri l‑provvisti tagħhom; u komplew bil‑vjaġġ tagħhom.

13 U wara li kienu ilhom bosta jiem fix‑xagħri huma waslu fl‑art ta’ Żaraħemla, u ngħaqdu man‑nies ta’ Mosija, u qagħdu għat‑tmexxija tiegħu.

14 U ġara li Mosija laqagħhom bil‑ferħ; u hu laqa’ għandu wkoll l‑annali tagħhom, kif ukoll l‑annali li kienu nstabu min‑nies ta’ Limħi.

15 U issa ġara li meta l‑Lamaniti ndunaw li n‑nies ta’ Limħi kienu telqu mill‑pajjiż mal‑lejl, huma bagħtu armata warajhom fix‑xagħri;

16 U wara li kienu ilhom jimxu warajhom jumejn sħaħ, huma tilfuhom u ma setgħux isibu minn fejn komplew mexjin; għalhekk spiċċaw mitlufa fix‑xagħri.