Kapitlu 20
Uħud mill‑ulied bniet tal‑Lamaniti jinħatfu mill‑qassisin ta’ Noè—Il‑Lamaniti jiddikjaraw gwerra kontra Limħi u n‑nies tiegħu—Il‑forzi Lamaniti jiġu mġiegħla jerġgħu lura u jwarrbu minn ġo fihom kull sentiment ta’ rabja. Madwar 145–123 Q.K.
1 Issa ġewwa Semlon kien hemm post li fih inġabru flimkien l‑ulied bniet tal‑Lamaniti biex hemm joqogħdu jgħannu, u jiżfnu, u jagħtuha għax‑xalar.
2 U ġara li jum fost l‑oħrajn kien hemm numru żgħir minnhom li nġabru flimkien biex jgħannu u jiżfnu.
3 U issa l‑qassisin tas‑sultan Noè, għax bdew isibuha bi tqila jerġgħu lura fil‑belt ta’ Nefi, u għax bdew jibżgħu li n‑nies kienu se joqtluhom, m’azzardawx jerġgħu lura lejn marthom u wliedhom.
4 U peress li huma baqgħu fix‑xagħri, u hemmhekk ġew wiċċ imb wiċċ mal‑ulied bniet tal‑Lamaniti, huma baqgħu hemm josservawhom.
5 U meta kien għad baqa’ biss ftit minnhom miġburin flimkien biex jiżfnu, huma ħarġu minn fejn kienu mistoħbijin u qabduhom u ġarrewhom magħhom fix‑xagħri; iva, erbgħa u għoxrin tifla Lamanita ġarrew magħhom fix‑xagħri.
6 U ġara li meta l‑Lamaniti ndunaw li wliedhom kienu jinsabu neqsin, huma mtlew bil‑korla għan‑nies ta’ Limħi, għax ħasbu li dan kien xogħol in‑nies ta’ Limħi.
7 Għalhekk huma bagħtu l‑armati tagħhom; iva, anke s‑sultan innifsu mar quddiem in‑nies tiegħu; u huma telgħu fl‑art ta’ Nefi biex joqtlu lin‑nies ta’ Limħi.
8 U issa Limħi nduna bihom minn fuq it‑torri, minfejn hu seta’ jara saħansitra dak kollu li bdew iħejju għall‑gwerra; għalhekk hu ġabar lin‑nies tiegħu flimkien, u huma kienu jinsabu lesti għalihom fl‑għelieqi u fil‑foresti.
9 U ġara li meta l‑Lamaniti waslu ħdejhom, in‑nies ta’ Limħi bdew jaqbżu għal fuqhom mill‑postijiet fejn kienu mistoħbija, u bdew joqtluhom.
10 U ġara li l‑battalja saret waħda mill‑aktar qalila, għax huma bdew jiġġieldu bħal iljuni għall‑priża.
11 U ġara li n‑nies ta’ Limħi bdew iwasslu lil‑Lamaniti biex jirtiraw minn ħdejhom; madankollu huma kienu anqas minn nofs il‑Lamaniti fin‑numru. Iżda huma bdew jiġġieldu għal ħajjithom, u għal marthom, u għal uliedhom; għalhekk bil‑qawwa tagħhom kollha bħax‑xakalli huma tqabdu.
12 U ġara li fost il‑mejtin tagħhom sabu lis‑sultan tal‑Lamaniti; madankollu huwa ma kienx mejjet, iżda hu kien safa midrub, u tant in‑nies tiegħu ħarbu b’għaġla li ħallewh mitluq mal‑art.
13 U huma qabduh u nfaxxawlu l‑ġrieħi tiegħu, u ħaduh quddiem Limħi, u qalulu: Ara, dan hu s‑sultan tal‑Lamaniti; hu safa midrub u kien jinsab mal‑art fost il‑mejtin tagħhom, għax huma ħallewh warajhom; u ara, aħna ġibnieh quddiemek; u issa ħallina noqtluh.
14 Iżda Limħi qalilhom: Toqtluhx, iżda ġibuh hawn ħalli nkun nista’ narah. U huma ġabuh quddiemu. U Limħi qallu: Għalfejn intom tlajtu hawn biex tiġġieldu kontra l‑poplu tiegħi? Ara, il‑poplu tiegħi ma kisirx il‑ġurament li jien għamilt magħkom; allura, għalfejn intom għandkom tiksru l‑ġurament li intom għamiltu mal‑poplu tiegħi?
15 U issa s‑sultan qal: Jiena ksirt il‑ġurament għaliex in‑nies tiegħek ħatfu lill‑bniet tal‑poplu tiegħi; għalhekk, fl‑għadab tiegħi jiena tlabt lin‑nies tiegħi biex jaħbtu għan‑nies tiegħek.
16 U issa Limħi kien għadu ma sema’ xejn dwar din il‑ħaġa; għalhekk huwa qal: Jiena se nara li ssir tfittxija fost in‑nies tiegħi u min għamel din il‑ħaġa se jingħata l‑mewt. Għalhekk huwa ordna li ssir tfittxija fost in‑nies tiegħu.
17 Issa meta Gidgħon sema’ dawn il‑ħwejjeġ, hu, li kien il‑kmandant tas‑sultan, mar quddiem is‑sultan u qallu: Nitolbok biex ma tagħmilx dan, u ma tagħmel l‑ebda tfittxija fost dawn in‑nies, u la żżommhomx responsabbli ta’ din il‑ħaġa.
18 Inti tiftakarhom lill‑qassisin ta’ missierek, li dan‑nies ippruvaw jeqirdu? U huma mhux fix‑xagħri qegħdin? U mhux huma ħatfuhom lill‑ulied il‑Lamaniti?
19 U issa, ara, mur għid lis‑sultan dwar dan, ħalli huwa jgħid lin‑nies tiegħu biex huma jwarrbu minn ġo fihom kull sentiment ta’ rabja lejna; għax ara, huma diġà qed iħejju biex jaħbtu għalina; u ara wkoll li aħna ninsabu ftit wisq.
20 U ara, huma jiġu bil‑forzi numerużi tagħhom; u jekk is‑sultan ma jarax li huma jwarrbu minn ġo fihom kull sentiment ta’ rabja lejna aħna se nispiċċaw ninqerdu.
21 Għax ma ġiex fis‑seħħ il‑kliem li ħabbar kontrina Abinadi—u dan kollu mhux għax aħna ma smajniex minn kliem il‑Mulej, u ma dorniex lura minn ħżunitna?
22 U issa ejja naraw li s‑sultan iwarrab kull sentiment ta’ rabja lejna, u naraw li aħna nibqgħu leali lejn il‑ġurament li għamilna miegħu; għax ikun aħjar li nispiċċaw fil‑jasar milli nitilfu ħajjitna; għalhekk, ejja naraw li l‑ħafna tixrid ta’ demm jieqaf.
23 U issa Limħi qal lis‑sultan dak kollu li kellu xi jgħidlu dwar missieru, u dwar il‑qassisin li kienu ħarbu fix‑xagħri, u li lilhom żamm responsabbli għall‑ħtif ta’ wliedhom il‑bniet.
24 U ġara li s‑sultan warrab minn ġo fih kull sentiment ta’ rabja lejn il‑poplu tiegħu; u qalilhom: Ejja mmorru niltaqgħu man‑nies tiegħi, mingħajr armi; u naħilfilkom permezz ta’ ġurament li n‑nies tiegħi mhumiex se joqtlu lin‑nies tagħkom.
25 U ġara li huma mxew wara s‑sultan, u telqu minn hemm mingħajr armi biex jiltaqgħu mal‑Lamaniti. U ġara li huma ltaqgħu mal‑Lamaniti; u s‑sultan tal‑Lamaniti nxteħet wiċċu fl‑art quddiemhom, u talabhom bil‑ħniena f’isem in‑nies ta’ Limħi.
26 U meta l‑Lamaniti raw li n‑nies ta’ Limħi kienu mingħajr armi, huma tħassruhom u warrbu minn ġo fihom kull sentiment ta’ rabja li kellhom lejhom, u flimkien mas‑sultan tagħhom reġgħu lura fis‑sliem lejn arthom.