Kapitlu 14
Isaija jitkellem f’sens messjaniku—Deskritta l‑umiljazzjoni u t‑tbatija tal‑Messija—Hu joffri ruħu bħala offerta għad‑dnub u hu sejjer jidħol għat‑trasgressuri—Qabbel Isaija 53. Madwar 148 Q.K.
1 Iva, mhux anke Isaija qal: Min kien jemmen dak li smajna, u lil min intwera driegħ il‑Mulej?
2 Għax bħal xitla tenera jikber quddiemu, u bħal għerq minn art niexfa; ebda sura jew ġmiel ma għandu; u meta se narawh m’aħna se naraw l‑ebda ġmiel li nitgħaxxqu bih.
3 Huwa mżeblaħ u mwarrab mill‑bnedmin; bniedem li bata u jaf x’inhu n‑niket; u wieħed li aħna ħbejna wiċċna minnu; ġie mżeblaħ, u aħna xejn ma qisnih.
4 Huwa żgur li hu rafa’ fuqu n‑niket tagħna, u tgħabba bit‑tbatija tagħna; madankollu aħna qisnieh bħal wieħed magħkus, midrub minn Alla u mnikket.
5 Iżda hu kien miġruħ minħabba t‑trasgressjonijiet tagħna, misħuq minħabba fi ħżunitna; għas‑sliem tagħna waqa’ l‑kastig fuqu; u bis‑swat tiegħu sibna l‑fejqan tagħna.
6 Aħna lkoll bħal nagħaġ intlifna; kull wieħed minna qabad triq għal rasu; u l‑Mulej xeħet fuqu l‑ħażen tagħna lkoll.
7 Ħaqruh, u sawtuh, u madankollu ma fetaħx fommu; ġabuh bħal ħaruf meħud għall‑qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, u baqa’ ma fetaħx fommu.
8 Minn qiegħ il‑ħabs u mill‑ħaqq neħħewh; u min se jitkellem dwar nislu? Għax lilu qaċċtuh mill‑art tal‑ħajjin; minħabba t‑trasgressjonijiet tal‑poplu tiegħi huwa spiċċa midrub.
9 U tawh qabar mal‑ħżiena, u mal‑għonja difnuh; għalkemm ma għamel ebda deni, u minn fommu ma ħareġ ebda qerq.
10 Iżda l‑Mulej għoġbu jgħakksu; hu jħallih jgħaddi min‑niket; meta toffru ruħu bħala offerta għad‑dnub huwa jara nislu u jtawwal jiemu, u r‑rieda tal‑Mulej isseħħ permezz tiegħu.
11 Hu jara t‑tbatija ta’ ruħu, u jħossu sodisfatt; permezz tal‑għarfien tiegħu l‑qaddej ġust tiegħi jiġġustifika lill‑kotra; għax bil‑ħażen tagħhom huwa jitgħabba.
12 Għalhekk mas‑setgħana jien nagħtih sehmu, u hu jkollu sehem fil‑priża mal‑qalbenin; għaliex hu offra ruħu għall‑mewt; u kien magħdud mat‑trasgressuri; u hu ġarr id‑dnubiet tal‑kotra, u daħal għat‑trasgressuri.