Skrittura
Mosija 23


Rakkont ta’ Alma u l‑poplu tal‑Mulej, li kienu mġiegħla jaħarbu fix‑xagħri min‑nies tas‑Sultan Noè.

Jikkonsisti minn kapitlu 23 u 24.

Kapitlu 23

Alma jirrifjuta li jsir sultan—Huwa jservi bħala qassis il‑kbir—Il‑Mulej jagħti tbeżbiża lill‑poplu tiegħu, u l‑Lamaniti jaħtfu f’idejhom l‑art ta’ Ħelam—Amulon, il‑mexxej tal‑qassisin il‑ħżiena tas‑Sultan Noè, jiggverna taħt is‑saltna tal‑monarka Lamanita. Madwar 145–121 Q.K.

1 Issa Alma, li ġie mwissi mill‑Mulej li l‑armati tas‑sultan Noè kienu se jaħbtu għalihom, għarraf lin‑nies tiegħu b’dan, għalhekk huma ġabru flimkien il‑merħliet tagħhom, ħadu magħhom ftit mill‑qamħ li kellhom, u rħewlha lejn ix‑xagħri qabel ma jibdew ġejjin l‑armati tas‑sultan Noè.

2 U l‑Mulej qawwihom tant li n‑nies tas‑sultan Noè ma setgħux jilħquhom u jeqirduhom.

3 U huma għaddew tmint ijiem jivvjaġġaw bil‑moħbi fix‑xagħri.

4 U huma waslu f’art, iva, sewwasew f’art mill‑isbaħ u li tgħaxxqek, art mimlija ilma safi.

5 U huma waqqfu t‑tined tagħhom, u bdew jaħdmu l‑art, u jibnu l‑bini; iva, huma kienu nies ħabrieka, u bdew jaħdmu qatigħ.

6 U n‑nies kellhom ix‑xewqa li Alma jkun is‑sultan tagħhom, għax hu kien mill‑aktar maħbub min‑nies.

7 Iżda hu qalilhom: Araw, ma jaqbilx li aħna jkollna sultan; għax dan jgħid il‑Mulej: La tistmax bniedem aktar minn ieħor, u l‑ebda bniedem m’għandu jaħseb li hu aħjar minn ħaddieħor; għalhekk jiena ngħidilkom li ma jaqbilx li intom ikollkom sultan.

8 Madankollu, jekk hu possibbli li s‑slaten tagħkom ikunu dejjem nies ġusti, allura jkun tajjeb li intom ikollkom sultan.

9 Iżda ftakru fil‑ħażen tas‑sultan Noè u l‑qassisin tiegħu; u jiena stess spiċċajt inqbadt ġo nassa, u wettaqt bosta ħwejjeġ li kienu abominazzjoni f’għajnejn il‑Mulej, li wassluni għall‑indiema ta’ swiet il‑qalb.

10 Madankollu, wara tant taħbit, il‑Mulej sama’ l‑għajjat tiegħi, u wieġeb talbi, u għamilni strument f’idejh biex jiena nwassal lil ħafna u ħafna minnkom lejn l‑għarfien tal‑verità tiegħu.

11 Madankollu, jiena m’iniex se noqgħod niftaħar b’dan, għax jien m’iniex denn li niftaħar bija nnifsi.

12 U issa jiena ngħidilkom, intom ġejtu maħqurin mis‑sultan Noè, u hu flimkien mal‑qassisin tiegħu żammewkom fil‑jasar, u wasslukom biex taqgħu fil‑ħażen; għalhekk intom spiċċajtu marbutin bl‑irbit tal‑ħażen.

13 U issa hekk kif intom ġejtu meħlusin minn dan il‑jasar bil‑qawwa ta’ Alla; iva, sewwasew minn idejn is‑sultan Noè u n‑nies tiegħu, kif ukoll mill‑jasar tal‑ħażen, hekk ukoll nixtieq li intom iżżommu sħiħ f’dan il‑ħelsien li wassalkom biex tkunu nies ħielsa, u m’għandkom tafdaw lil ebda bniedem biex isaltan fuqkom.

14 U m’għandkom tafdaw lil ħadd biex ikun l‑għalliem jew il‑ministru tagħkom, ħlief lil dak li hu bniedem ta’ Alla, li jimxi fi triqatu u jħares il‑kmandamenti tiegħu.

15 Għalhekk Alma għallem lin‑nies tiegħu, li kull bniedem għandu jħobb lil għajru bħalu nnifsu, u li m’għandu jkun hemm l‑ebda tilwim bejniethom.

16 U issa, Alma kien il‑qassis il‑kbir tagħhom, hu li kien il‑fundatur tal‑knisja tagħhom.

17 U ġara li ħadd ħliefu ma kiseb l‑awtorità minn Alla li jxandar jew li jgħallem. Għalhekk huwa kkonsagra lill‑qassisin u l‑għalliema kollha tagħhom; u hu kkonsagra biss lill‑irġiel li kienu ġusti.

18 Għalhekk huma raw li jħarsu lin‑nies tagħhom, u sostnewhom b’dak kollu li għandu x’jaqsam mas‑sewwa.

19 U ġara li huma beda jkollhom risq kbir f’dik l‑art; u huma semmewha l‑art ta’ Ħelam.

20 U ġara li huma tkattru u beda jkollhom risq kbir fl‑art ta’ Ħelam; u huma bnew belt, li semmewha l‑belt ta’ Ħelam.

21 Madankollu l‑Mulej ra li kellu jagħti tbeżbiża lill‑poplu tiegħu; iva, hu ried jipprova s‑sabar u l‑fidi tagħhom.

22 Madankollu—kull min jittama fih għad jiġi mgħolli ’l fuq fl‑aħħar jum. Iva, u hekk ġara minn dan il‑poplu.

23 Għax araw, jiena se nurikom li huma spiċċaw fil‑jasar, u ħadd ma seta’ jeħlishom ħlief il‑Mulej Alla tagħhom, iva, sewwasew l‑Alla ta’ Abraham u Iżakk u ta’ Ġakobb.

24 U ġara li huwa ħelishom, u wriehom il‑qawwa kbira tiegħu, u huma ferħu bil‑kbir.

25 Għax araw, ġara li waqt li huma kienu fl‑art ta’ Ħelam, iva, fil‑belt ta’ Ħelam, waqt li huma kienu qed jaħdmu l‑art tal‑madwar, araw, l‑armata tal‑Lamaniti kienet tinsab fil‑fruntieri tal‑pajjiż.

26 Issa ġara li ħut Alma ħarbu mill‑għelieqi tagħhom, u nġabru flimkien fil‑belt ta’ Ħelam; u huma beżgħu bil‑kbir meta raw lill‑Lamaniti.

27 Iżda Alma mar u waqaf f’nofshom, u beda jħeġġiġhom biex ma jibżgħux, iżda li għandhom jiftakru fil‑Mulej Alla tagħhom u huwa jeħlishom.

28 Għalhekk huma sikktu l‑biżgħat tagħhom, u bdew jgħajtu lill‑Mulej biex irattab qlub il‑Lamaniti, ħalli huma jħennu għalihom, u għal marthom, u għal uliedhom.

29 U ġara li l‑Mulej rattab qlub il‑Lamaniti. U Alma u ħutu marru u taw lilhom infushom f’idejhom; u l‑Lamaniti ħadu f’idejhom l‑art ta’ Ħelam.

30 Issa l‑armati tal‑Lamaniti, li kienu baqgħu jsegwu lin‑nies tas‑sultan Limħi, spiċċaw mitlufin fix‑xagħri għal bosta jiem.

31 U araw, huma sabu lil dawk il‑qassisin tas‑sultan Noè, f’post li semmewh Amulon; u huma kienu bdew jgħammru fl‑art ta’ Amulon u bdew jaħdmu r‑raba’.

32 Issa isem il‑mexxej ta’ dawk il‑qassisin kien Amulon.

33 U ġara li Amulon talab bil‑ħniena lil‑Lamaniti; u huwa bagħat ukoll lin‑nisa tagħhom, li kienu wlied il‑Lamaniti, biex jitolbu bil‑ħniena lil ħuthom, biex ma joqtlux lil żwieġhom.

34 U l‑Lamaniti ħennew għal Amulon u għal ħutu, u ma qatluhomx, b’rispett ta’ marthom.

35 U Amulon u ħutu ngħaqdu mal‑Lamaniti, u waqt li kienu għaddejjin mix‑xagħri biex jaraw isibux l‑art ta’ Nefi, huma skoprew l‑art ta’ Ħelam, li kienet tinsab f’idejn Alma u ħutu.

36 U ġara li l‑Lamaniti wiegħdu lil Alma u lil ħutu, li jekk huma juruhom it‑triq li kienet twassal għall‑art ta’ Nefi huma kienu lesti jħennu għalihom u jagħtuhom il‑ħelsien.

37 Iżda wara li Alma wriehom it‑triq li kienet twassal għall‑art ta’ Nefi l‑Lamaniti ma żammewx il‑wegħda tagħhom; iżda huma poġġew l‑għassiesa madwar l‑art ta’ Ħelam, biex joqogħdu għassa ta’ Alma u ħutu.

38 U dawk li kien għad baqa’ fosthom marru fl‑art ta’ Nefi; u wħud minnhom reġgħu lura fl‑art ta’ Ħelam, u magħhom ġabu wkoll lin‑nisa u t‑tfal tal‑għassiesa li kien għad baqa’ f’dik l‑art.

39 U s‑sultan tal‑Lamaniti ħalla lil Amulon isaltan u jaħkem fuq in‑nies tiegħu, li kienu jinsabu fl‑art ta’ Ħelam; madankollu huwa ma seta’ jkollu l‑ebda setgħa li jagħmel xi ħaġa li tmur kontra r‑rieda tas‑sultan tal‑Lamaniti.