Skrittura
Mosija 25


Kapitlu 25

Dawk li ġejjin min‑nisel ta’ Mulek f’Żaraħemla jsiru Nefiti—Huma jsiru jafu dwar in‑nies ta’ Alma u ta’ Żeniff—Alma jgħammed lil Limħi u lin‑nies kollha tiegħu—Mosija jawtorizza lil Alma biex jorganizza l‑Knisja ta’ Alla. Madwar 120 Q.K.

1 U issa s‑sultan Mosija ordna sabiex in‑nies kollha jinġabru flimkien.

2 Issa ma tantx kien hemm fosthom li kienu ġejjin minn ulied Nefi, jew li kienu ġejjin min‑nisel ta’ Nefi, imma l‑biċċa l‑kbira kienu ġejjin min‑nies ta’ Żaraħemla, li kien ġej min‑nisel ta’ Mulek, u dawk li ġew miegħu fix‑xagħri.

3 U ma kienx hemm daqstant nies li kienu ġejjin min‑nies ta’ Nefi u min‑nies ta’ Żaraħemla daqs kemm kien hemm li kienu ġejjin mil‑Lamaniti; iva, huma lanqas daqs nofshom ma kienu.

4 U issa n‑nies kollha ta’ Nefi nġabru flimkien, u l‑istess in‑nies kollha ta’ Żaraħemla, u huma nġabru flimkien f’żewġ gruppi.

5 U ġara li Mosija qara, u ordna li kulħadd jaqra, l‑annali ta’ Żeniff; iva, huwa qara l‑annali tan‑nies ta’ Żeniff, miż‑żmien li fih huma ħallew l‑art ta’ Żaraħemla sakemm reġgħu lura.

6 U hu anke qara r‑rakkont ta’ Alma u ħutu, u qara wkoll dwar it‑tbatija kollha tagħhom, miż‑żmien li fih ħallew l‑art ta’ Żaraħemla saż‑żmien li huma reġgħu lura.

7 U issa, meta Mosija temm jaqra l‑annali, in‑nies tiegħu li baqgħu f’dik l‑art spiċċaw tassew mistagħġba u miblugħa.

8 Għax huma ma kinux jafu x’se jaqbdu jaħsbu; għaliex meta huma raw lil dawk li nħelsu mill‑jasar huma mtlew b’ferħ mill‑aktar kbir.

9 U meta huma ftakru wkoll f’ħuthom li kienu nqatlu mil‑Lamaniti huma mtlew bin‑niket, u anke xerrdu bosta dmugħ ta’ niket.

10 U meta ftakru wkoll fit‑tjubija immedjata ta’ Alla, u fil‑qawwa tiegħu li permezz tagħha ħeles lil Alma u lil ħutu minn idejn il‑Lamaniti kif ukoll mill‑jasar, huma għollew leħinhom u raddew ħajr lil Alla.

11 U meta huma ftakru wkoll fil‑Lamaniti, li kienu ħuthom, u dwar l‑istat midneb u mniġġes tagħhom, huma mtlew bid‑diqa u bin‑niket għall‑ġid ta’ ruħhom.

12 U ġara li dawk li kienu wlied Amulon u wlied ħutu, li kienu ħadu b’marthom lil ulied bniet tal‑Lamaniti, ma kinux jaqblu mal‑imġiba ta’ missirijiethom, u ma ridux jissejħu aktar b’isem missirijiethom, għalhekk huma ħadu fuqhom infushom l‑isem ta’ Nefi, ħalli jkunu jistgħu jissejħu wlied Nefi u jkunu jistgħu jingħaddu fost dawk li kienu jissejħu Nefiti.

13 U issa n‑nies kollha ta’ Żaraħemla ġew magħduda man‑Nefiti, u dan għaliex is‑saltna għaddiet biss f’idejn dawk li kienu ġejjin min‑nisel ta’ Nefi.

14 U issa ġara li meta Mosija waqaf ikellem lin‑nies u jaqralhom, huwa xtaq li Alma wkoll ikellem lin‑nies.

15 U Alma kellimhom, hekk kif kienu jinsabu miġburin flimkien fi gruppi kbar, u beda jdur ixandar lin‑nies, grupp wara l‑ieħor, l‑indiema u l‑fidi fil‑Mulej.

16 U huwa ħeġġeġ lin‑nies ta’ Limħi u lil ħutu, lil dawk kollha li kienu ġew meħlusin mill‑jasar, li huma għandhom jiftakru li l‑Mulej kien dak li ħelishom.

17 U ġara li wara li Alma għallem lin‑nies bosta ħwejjeġ, u waqaf ikellimhom, is‑sultan Limħi wera x‑xewqa li jitgħammed; u n‑nies kollha tiegħu wrew ukoll ix‑xewqa li jitgħammdu.

18 Għalhekk, Alma niżel fl‑ilma u għammidhom; iva, huwa għammidhom bil‑mod li bih huwa għammed lil ħutu fl‑ilmijiet ta’ Mormon; iva, u dawk kollha li huwa għammed saru parti mill‑knisja ta’ Alla; u dan seħħ għax huma emmnu kliem Alma.

19 U ġara li s‑sultan Mosija ħalla lil Alma iwaqqaf il‑knejjes madwar l‑art kollha ta’ Żaraħemla; u huwa tah is‑setgħa li jordna qassisin u għalliema fuq kull knisja.

20 Issa dan seħħ għax l‑għadd tan‑nies tant kien kbir li huma ma setgħux jitmexxew kollha minn għalliem wieħed; lanqas ma kien possibbli li huma lkoll jisimgħu l‑kelma ta’ Alla f’laqgħa waħda;

21 Għalhekk huma nġabru flimkien fi gruppi differenti, jissejħu knejjes; b’kull knisja għandha l‑qassisin tagħha u l‑għalliema tagħha, u kull qassis ixandar il‑kelma skont kif din ġiet imwassla lilu minn fomm Alma.

22 U b’hekk, minkejja li l‑knejjes kienu ħafna, huma kienu lkoll knisja waħda, iva, sewwasew il‑knisja ta’ Alla; għax f’dawn il‑knejjes kollha bdiet tiġi mxandra biss l‑indiema u l‑fidi f’Alla.

23 U issa fl‑art ta’ Żaraħemla kien hemm seba’ knejjes. U ġara li dawk kollha li kellhom ix‑xewqa li jieħdu fuqhom l‑isem ta’ Kristu, jew ta’ Alla, ingħaqdu lkoll mal‑knejjes ta’ Alla;

24 U huma kienu jissejħu l‑poplu ta’ Alla. U l‑Mulej sawwab l‑Ispirtu tiegħu fuqhom, u huma ġew imberkin, u kellhom ir‑risq f’arthom.