2010-2019
Barkiet bil-Kotra
April 2019 Konferenza Ġenerali


Barkiet bil-Kotra

Ħafna mill-barkiet li Alla jixtieq jagħtina jeħtieġu ċerta azzjoni min-naħa tagħna—azzjoni bbażata fuq il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti, Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu jixtiequ jbierku lil kull wieħed u waħda minna.1 Il-mistoqsija dwar kif naċċessaw u niksbu dawk il-barkiet ilha għal sekli sħaħ tkun is-suġġett ta’ bosta dibattiti u diskussjonijiet teologiċi.2 Xi wħud jargumentaw li dawn il-barkiet sempliċiment naqilgħuhom; nirċevuhom biss permezz tal-għemejjel tagħna. Oħrajn jinsistu li Alla diġà għażel lil min se jbierek u kif se jberikom—u li dawn id-deċiżjonijiet ma jinbidlux. Iż-żewġ pożizzjonijiet huma fundamentalment żbaljati. Il-barkiet mis-smewwiet la naqilgħuhom billi b’mod frenetiku aħna nakkumulaw “il-kupuni tal-għemejjel tajbin” u lanqas billi, bla ma nagħmlu xejn, nistennew ħa naraw jekk nirbħux il-lotterija tal-barkiet. Le, il-verità hi waħda differenti iżda hi waħda ferm aktar xierqa għar-relazzjoni li teżisti bejn Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna u l-werrieta potenzjali Tiegħu—aħna. Il-verità rrestawrata tiżvela li aħna mhux sempliċiment naqilgħu l-barkiet, iżda li l-ħwejjeġ l-aktar essenzjali biex niksbuhom huma l-għemejjel ispirati mill-fidi tagħna, kemm fil-bidu kif ukoll tul ħajjitna.3

Immaġni
Munzell injam

Hekk kif aħna nikkunsidraw kif se nirċievu l-barkiet mingħand Alla, ejja nqabblu l-barkiet tas-smewwiet ma’ munzell kbir injam. Immaġinaw li fin-nofs inpoġġu ftit laqx, imdawwar b’saff ta’ biċċiet ta’ njam żgħir. Imbagħad fuqhom ikun hemm il-bsaten, imbagħad xi zkuk żgħar, u finalment iz-zkuk il-kbar. Dan il-munzell injam fih ammont enormi ta’ fjuwil, li kapaċi jipproduċi d-dawl u s-sħana għal jiem sħaħ. Issa immaġinaw li ħdejn il-munzell injam ikun hemm sulfarina waħda, tat-tip li għandha t-tarf tagħha bil-fosfru.4

Immaġni
Munzell injam ma’ sulfarina

Biex tkun tista’ toħroġ l-enerġija fil-munzell injam, is-sulfarina jeħtieġ li tħakkikha ma’ wiċċ aħrax u l-laqx jieħu n-nar. Il-laqx ma jdumx ma jieħu n-nar u jwassal biex il-biċċiet kbar tal-injam jaqbdu wkoll. La darba tibda din ir-reazzjoni ta’ kombustjoni, din tkompli sakemm l-injam kollu jinħaraq jew inkella n-nar jonqsu l-ossiġnu.

Immaġni
Munzell injam jaqbad

Li tħakkek is-sulfarina u tqabbad il-laqx huma għemejjel żgħar li jagħmluha possibbli li toħroġ l-enerġija potenzjali tal-injam.5 Sakemm ma tkunx għadek ma ħakkiktx is-sulfarina, xejn ma jiġri, ikun kemm ikun kbir il-munzell injam. Jekk tħakkek is-sulfarina iżda ma tpoġġihiex ħdejn il-laqx, l-ammont waħdu ta’ dawl u sħana li joħroġ mis-sulfarina huwa wieħed żgħir ħafna u l-enerġija mill-kombustjoni fl-injam tibqa’ ma toħroġx. Jekk f’xi ħin ma jkunx hemm ossiġnu, ir-reazzjoni ta’ kombustjoni tieqaf.

Bl-istess mod, ħafna mill-barkiet li Alla jixtieq jagħtina jeħtieġu ċerta azzjoni min-naħa tagħna—azzjoni bbażata fuq il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu. Il-fidi fis-Salvatur hija prinċipju ta’ azzjoni u ta’ qawwa.6 L-ewwel naġixxu permezz tal-fidi; imbagħad tiġi l-qawwa—skont ir-rieda u l-orarju ta’ Alla. Is-sekwenza hija waħda kruċjali.7 L-azzjoni meħtieġ, però, hija dejjem ċkejkna mqabbla mal-barkiet li ultimament nirċievu.8

Ikkunsidraw x’ġara meta s-sriep velenużi u jtiru żaru lill-Iżraelin tal-qedem meta kienu fi triqithom lejn l-art imwiegħda. Il-gidma ta’ serp velenuż kienet waħda fatali. Iżda wieħed li kien jiġi migdum seta’ jitfejjaq billi jħares lejn serp tal-bronż magħmul minn Mosè u li poġġieh fuq arblu.9 Kemm tirrikjedi enerġija biex tħares lejn xi ħaġa? Dawk kollha li ħarsu lejh aċċessaw il-qawwiet tas-smewwiet u fiequ. Iżraelin oħra li ġew migdumin baqgħu ma ħarsux ‘il fuq lejn is-serp tal-bronż u mietu. Jista’ jkun li ma kellhomx biżżejjed fidi biex iħarsu.10 Jista’ jkun li huma ma emmnux li xi ħaġa daqstant sempliċi setgħet twassal għall-fejqan imwiegħed. Jew forsi huma volontarjament webbsu qalbhom u warrbu l-kunsill tal-profeta ta’ Alla.11

Il-prinċipju li nattivaw il-barkiet li ġejjin mingħand Alla huma eterni. Bħal dawk l-Iżraelin tal-qedem, aħna wkoll jeħtieġ naġixxu skont il-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu biex nitbierku. Alla żvela li “hemm liġi, ordnata b’digriet irrevokabbli fis-smewwiet, qabel ma ġiet maħluqa d-dinja, li fuqha tiddependi kull barka—“U meta niksbu xi barka mingħand Alla, din niksbuha permezz tal-ubbidjenza lejn dik il-liġi li hi marbuta magħha.”12 Madankollu, inti ma tistax taqla’ barka—dik hija idea falza—iżda jeħtieġ li tikkwalifika għaliha. Is-salvazzjoni tagħna niksbuha biss permezz tal-mertu u l-grazzja ta’ Ġesù Kristu.13 L-immensità tas-sagrifiċċju Tiegħu tal-fidwa tfisser li l-munzell injam huwa infinit; l-għemejjel debboli tagħna verament huma żgħar imqabbla mas-sagrifiċċju Tiegħu. Iżda minkejja li huma daqstant żgħar, mhumiex insinifikanti; fid-dlam, sulfarina li tinxtegħel tkun tista’ taraha minn mili bogħod. Fil-fatt, anke hija viżibbli mis-smewwiet għaliex ċerti għemejjel żgħar ta’ fidi jistgħu jqabbdu l-wegħdiet ta’ Alla.14

Biex tirċievu xi barka mixtieqa mingħand Alla, aġixxu permezz tal-fidi, u ħokku s-sulfarina metaforika li fuqha tiddependi l-barka tas-smewwiet. Per eżempju, wieħed mill-għanijiet tat-talb hu biex permezz tiegħu nassiguraw il-barkiet li Alla lest jagħtina iżda dawn jingħataw biss bil-kundizzjoni li aħna nitolbuh.15 Alma talab għall-ħniena u l-uġigħ tiegħu ħallih kwiet; huwa ma baqax aktar ittormentat bil-memorja ta’ dnubietu. Il-ferħ tiegħu għeleb l-uġigħ tiegħu—dan kollu għaliex huwa talab b’fidi f’Ġesù Kristu.16 L-enerġija tal-attivazzjoni li aħna neħtieġu hi li jkollna biżżejjed fidi fi Kristu biex b’sinċerità nitolbu lil Alla u naċċettaw ir-rieda u l-orarju Tiegħu għat-tweġiba tagħna.

Ħafna drabi, l-enerġija tal-attivazzjoni meħtieġa biex niksbu l-barkiet teħtieġ minna ferm aktar milli sempliċiment nibqgħu nħarsu jew nitolbu; ikun jeħtieġ minna li nwettqu xi għemejjel ta’ fidi kontinwi, u nirrepetuhom. F’nofs id-dsatax-il seklu, Brigham Young talab grupp ta’ Qaddisin tal-Aħħar Jiem biex jesploraw u jibdew jabitaw f’Arizona, reġjun mill-aktar niexef fl-Amerka ta’ Fuq. Wara li waslu f’Arizona, il-membri ta’ dan il-grupp spiċċalhom l-ilma u beżgħu li setgħu jmutu. Huma talbu lil Alla għall-għajnuna. Ftit wara bdiet nieżla x-xita u niżel is-silġ, fejn ippermettilhom li jimlew il-bramel tagħhom bl-ilma u jipprovdu wkoll għall-bhejjem tagħhom. Grati u b’enerġija ġdida, huma reġgħu lura ġol-Belt ta’ Salt Lake jifirħu bit-tjubija ta’ Alla. Meta waslu, huma rrapportaw fid-dettal l-ispedizzjoni tagħhom lil Brigham Young u qalulu li l-konklużjoni tagħhom kienet li Arizona ma kenitx abitabbli.

Immaġni
Brigham Young

Wara li sema’ r-rapport, Brigham Young staqsa wieħed raġel li kien f’kamra x’ kien jaħseb dwar l-ispedizzjoni u l-miraklu. Dak ir-raġel, Daniel W. Jones, bi ftit kliem wieġeb, “Kieku jien kont nimla, inkompli għaddej u nerġa’ nitlob.” Brother Brigham poġġa idu fuq Brother Jones u qallu, “Dan hu r-raġel li għandu jmexxi l-vjaġġ li jmiss lejn Arizona.”17

Immaġni
Daniel W. Jones

Aħna lkoll niftakru żminijiet li fihom komplejna għaddejjin u erġajna tlabna—u dan irriżulta f’barkiet. L-esperjenzi ta’ Michael u Marian Holmes huma eżempji ta’ dawn il-prinċipji. Jien u Michael servejna flimkien bħala Sebgħinijiet Reġjonali. Kont verament inkun kuntent meta hu kien jiġi mitlub biex jitlob fil-laqgħat tagħna għaliex l-ispiritwalità profonda tiegħu kienet waħda ovvja; huwa kien jaf kif jitkellem ma’ Alla. Kont nieħu gost nisimgħu jitlob. Fiż-żminijiet bikrin taż-żwieġ tagħhom, Michael u Marian ma kenux jitolbu jew jattendu l-knisja. Kienu impenjattivi wisq bit-tlett itfal ċkejknin tagħhom u b’kumpanija tal-kostruzzjoni ta’ suċċess. Michael ma kienx iħoss li kien xi bniedem reliġjuż. Lejla waħda, l-isqof tagħhom mar iżurhom id-dar u ħeġġiġhom biex jibdew jitolbu.

Wara li l-isqof telaq, Michael u Marian iddeċidew li huma kienu se jippruvaw jitolbu. Qabel marru jorqdu, huma niżlu għarkupptejhom ħdejn is-sodda tagħhom u, xi ftit skomdu, Michael beda jitlob. Wara li b’mod skomdu huwa lissen xi ftit kliem, Michael waqaf f’daqqa, u qal, “Marian, ma nistax nagħmel dan.” U hekk kif huwa qam fuq saqajh u beda jimxi, Marian qabditu minn idu, niżżlitu għarkupptejh u qalet, “Mike, naf li inti taf titlob. Erġa’ pprova!” B’dan l-inkuraġġiment, Michael qal talba qasira.

Il-familja Holmes bdiet titlob regolarment. Huma aċċettaw l-istedina ta’ xi ġirien tagħhom biex jattendu l-knisja. Hekk kif huma daħlu fil-kappella u semgħu l-innu tal-ftuħ, l-Ispirtu b’leħen baxx qalilhom, “Dan huwa veru.” Aktar tard, mingħajr ħadd ma seta’ jarah u mingħajr ma staqsieh ħadd, Michael għen joħroġ iż-żibel mid-dar tal-laqgħat. Hekk kif għamel dan, huwa ħass leħen b’ mod distint jgħidlu, “Din hi d-dar Tiegħi.”

Immaġni
Young Michael u Marian Holmes

Michael u Marian aċċettaw is-sejħiet tal-Knisja u servew fil-qasam u l-wited tagħhom. Huma ġew issiġillati ma’ xulxin u t-tliet uliedhom ġew issiġillati magħhom. Wara ġew aktar tfal, fejn b’kollox kellhom 12. Il-koppja Holmes servew bħala president u s-sieħba tal-missjoni—darbtejn.

Immaġni
Michael u Marian Holmes illum

L-ewwel talba skomda kienet att verament żgħir iżda mimli fidi li wassal għall-barkiet tas-sema. Il-koppja Holmes temgħu l-fjamma tal-fidi billi attendew il-Knisja u billi kienu lesti biex iservu. Il-ħajja ddedikata tagħhom bħala dixxipli tul is-snin wasslet għal ħuġġieġa li għadha taqbad sal-ġurnata tal-lum.

Immaġni
Il-familja estiża tal-koppja Holmes

In-nar, madankollu, jeħtieġ jirċievi provvista kostanti ta’ ossiġnu biex l-injam ultimament juri l-potenzjal sħiħ tiegħu. Kif urewna Michael u Marian Holmes, il-fidi fi Kristu teħtieġ azzjoni kontinwa biex il-fjamma tkomli taqbad. Għemejjel żgħar jissapportjaw l-abbiltà tagħna li nimxu tul it-triq tal-patt u jwasslu għall-akbar barkiet li Alla jista’ joffri. Iżda l-ossiġnu jibqa’ vijabbli biss jekk aħna b’mod figurattiv inkomplu nċaqalqu saqajna. Xi kultant jeħtieġ li aħna nagħmlu qaws u vleġġa qabel ma niksbu r-rivelazzjoni dwar fejn għandna mmorru nfittxu għall-ikel.18 Xi kultant jeħtieġ li aħna nagħmlu l-għodda qabel niksbu r-rivelazzjoni dwar kif għandna nibnu vapur.19 Xi kultant, skont id-direzzjoni tal-profeta tal-Mulej, jeħtieġ li aħna naħmu daqsxejn ta’ kejk żgħir mill-ftit żejt u dqiq li għandna biex wara nirċievu kus żejt u barmil dqiq li ma jintemmu qatt.20 U xi kultant aħna neħtieġu li “nieqfu u nkunu nafu li hu Alla” u nafdaw fl-orarju Tiegħu.21

Meta intom tirċievu xi barka mingħand Alla, intom tistgħu tirraġunaw li intom aġixxejtu skont liġi eterna li tirregola l-għoti ta’ dik il-barka.22 Iżda ftakru li l-liġi “ordnata b’digriet irrevokabbli” mhijiex sensittiva għall-ħin, jiġifieri li l-barkiet jaslu skont l-orarju ta’ Alla. Anke l-profeti tal-qedem fi tfittxija għad-dar ċelestjali tagħhom23 “bil-fidi mietu dawn in-nies, kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed, iżda huma rawh mill-bogħod … u sellmulu.”24 Jekk xi barka mixtieqa minn Alla għadkom ma rċevejtuhiex—s’issa—m’hemmx għalfejn titilfu raskom, toqogħdu tistaqsu lilkom infuskom x’baqgħalkom tagħmlu. Minflok, isimgħu mill-kunsill ta’ Joseph Smith biex “tagħmlu b’ferħ dak kollu li għandkom il-qawwa tagħmlu; imbagħad … ieqfu, b’assigurazzjoni kbira, ħalli taraw … driegħ Alla … jiġi żvelat.”25 Xi barkiet huma riservati għal żmien futur, anke għall-aktar ulied qalbiena ta’ Alla.26

Sitt xhur ilu ġie introdott pjan ċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja biex nitgħallmu d-duttrina, insaħħu l-fidi u niffortifikaw l-individwi u l-familji. Il-President Russell M. Nelson wiegħed li t-tibdil jista’ jgħinna nsalvaw spiritwalment, ikabbar il-ferħ tal-evanġelju tagħna, u jsaħħaħ il-konverżjoni tagħna lejn Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu.27 Iżda hu f’idejna jekk niddikjarawx dawk il-barkiet. Aħna lkoll responsabbli biex niftħu u nistudjaw Ejja, Imxi Warajja—Għall-Individwi u l-Familji, flimkien mal-iskrittura u ma’ materjal ta’ Ejja, Imxi Warajja ieħor.28 Jeħtieġ li aħna niddiskutuh mal-familja u l-ħbieb tagħna u norganizzaw il-jum is-Sabbath tagħna biex nixegħlu nar metaforiku. Jew inħallu r-riżorsi mixħutin gozz fi djarna bl-enerġija potenzjali maqbuda ġo fihom.

Nistedinkom biex b’fedeltà tattivaw il-qawwa tas-smewwiet biex tirċievu ċerti barkiet speċifiċi mingħand Alla. Eżerċitaw il-fidi biex tħokku s-sulfarina u tqabbdu n-nar. Ipprovdu l-ossiġnu meħtieġ waqt li bil-paċenzja kollha tistennew mingħand il-Mulej. B’din l-istedina, nitlob li l-Ispirtu s-Santu jiggwidakom u jmexxikom ħalli intom, bħall-persuna fidila msemmija fil-Proverbji, ikollkom “barkiet bil-kotra.”29 Jiena nixhed li Missierkom tas-Smewwiet u Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, jgħixu, Huma jimpurtahom mill-ġid tagħkom, u hu ta’ ferħ kbir għalihom li jberkukom, f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Doctrine and Covenants 41:1; 78:17; 104:33.

  2. Ara, per eżempju, Craig Harline, A World Ablaze: The Rise of Martin Luther and the Birth of the Reformation (2017), 20. Wieħed minn dawn id-dibattiti kien sar bejn Awgustin (AD 354–430) u r-rivali tiegħu Pelaġju (AD 354–420). Pelaġju ddikjara li “l-umani bla dubju hemm installata fihom li jagħmlu t-tajjeb, u b’hekk huma qalgħu l-grazzja ta’ Alla għaliex aġixxew skont dik it-tjubija u żammew il-kmandamenti kollha ta’ Alla.” Awgustin ma qabilx b’qawwa ma’ dan. Ara wkoll Eric Metaxas, Martin Luther: The Man Who Rediscovered God and Changed the World (2017), 296. Luteru għallem li l-għemejjel qatt ma jistgħu jwasslu għall-grazzja ta’ Alla; il-fidi twassal għall-grazzja u mbagħad jitwettqu l-għemejjel tajba; “huwa impossibbli li tifred l-għemejjel mill-fidi, daqskemm hu impossibbli li tifred is-sħana u d-dawl min-nar.”

  3. Ara Doctrine and Covenants 82:10.

  4. Din hija sulfarina li tintuża fil-kamping, “li tħakkikha ma’ fejn trid.” Is-sulfarini moderni, bħal tal-kċina, għandhom il-fosfru mal-kartuna li tħakkek magħha minflok mat-tarf tas-sulfarina.

  5. Dawn l-għemejjel jikkonstitwixxu “l-enerġija tal-attivazzjoni” għall-fjamma. It-terminu “enerġija tal-attivazzjoni” ġiet introdotta fl-1889 mix-Xjenzat Svediż Svante Arrhenius.

  6. Ara Lectures on Faith (1985), 3.

  7. Ara David A. Bednar, “Ask in Faith,” Liahona, May 2008, 94.

  8. Ara Mosiah 2:24–25.

  9. Ara Numri 21:6–9.

  10. Ara 1 Nephi 17:41.

  11. Ara 1 Nephi 17:42.

  12. Doctrine and Covenants 130:20-21.

  13. Ara 2 Nephi 10:24; 25:23.

  14. Ara Alma 60:11, 21; Dallin H. Oaks, “Small and Simple Things,” Liahona, Mejju 2018, 89–92; M. Russell Ballard “Be Anxiously Engaged,” Liahona, Nov. 2012, 29–31.

  15. Ara Dizzjunarju tal-Bibbja, “Prayer”; ara wkoll Moroni 7:48.

  16. Ara Alma 36:18–21; ara wkoll Enos 1:5–8.

  17. Daniel W. Jones, 40 Years Among the Indians (1960), 222.

  18. Ara 1 Nephi 16:23.

  19. Ara 1 Nephi 17:9.

  20. Ara 1 Slaten 17:10–16.

  21. Doctrine and Covenants 101:16.

  22. Ara Doctrine and Covenants 130:20-21.

  23. Ara Lhud 11:16.

  24. Lhud 11:13.

  25. Doctrine and Covenants 123:17.

  26. Ara Jeffrey R. Holland, “An High Priest of Good Things to Come,” Liahona, Jan. 2000, 42–45. Il-Presbiteru Holland qal, “Xi barkiet niksbuhom fi żmien qasir, oħrajn jaslu aktar tard, u xi oħrajn irridu nistennew sakemm inkunu fis-smewwiet; iżda għal dawk li jħaddnu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, jaslu żgur.”

  27. Ara Russell M. Nelson, “Rimarki tal-Ftuħ,” Liahona, Nov. 2018, 6–8.

  28. Ara Quentin L. Cook, “Konverżjoni Profonda u Dejjiema lejn Missierna tas-Smewwiet u Sidna Ġesù Kristu,” Liahona, Nov. 2018, 8–12.

  29. Proverbji 28:20.

Ipprintja