2010-2019
It-Tjubija Immedjata ta’ Alla
April 2019 Konferenza Ġenerali


It-Tjubija Immedjata ta’ Alla

Anke waqt li bil-paċenzja aħna kollha nkunu qed nistennew mingħand il-Mulej, hemm ċerti barkiet li nistgħu niksbuhom immedjatament.

Bosta snin ilu, it-tifel tagħna ta’ ħames snin ġie fuqi u qalli, “Pa, skoprejt xi ħaġa. Sibt li dalwaqt għalik huwa żmien twil għalija.”

Meta l-Mulej jew il-qaddejja Tiegħu jgħidu affarijiet bħal, “Fi ftit jiem oħra” jew “Iż-żmien mhux ‘il bogħod,” dan letteralment jaf ifisser ħajja ta’ bniedem jew aktar minn hekk.1 Iż-żmien Tiegħu, u ħafna drabi l-orarju Tiegħu, huwa differenti minn tagħna. Is-sigriet huwa l-paċenzja. Mingħajrha, aħna la nistgħu niżviluppaw u lanqas nuru l-fidi f’Alla li twassal għall-ħajja u s-salvazzjoni. Iżda l-messaġġ tiegħi llum hu li, anke kif bil-paċenzja kollha nkunu qed nistennew mingħand il-Mulej, hemm ċerti barkiet li aħna niksbuhom immedjatament.

Meta Alma u l-poplu tiegħu ġew maqbudin mil-Lamaniti, huma talbu għall-ħelsien. Huma ma ġewx meħlusa mill-ewwel, iżda hekk kif bil-paċenzja kollha huma baqgħu jistennew il-ħelsien, il-Mulej wera t-tjubija Tiegħu b’ċerti barkiet immedjati. Immedjatament huwa rattab il-qlub tal-Lamaniti ħalli huma ma joqtluhomx. Huwa saħħaħ ukoll lill-poplu ta’ Alma u taffa t-tagħbija tagħhom.2 Meta finalment inħelsu, huma telqu lejn Żaraħemla, fejn huma rrakkontaw l-esperjenza tagħhom lil grupp ta’ nies li mmeraviljaw ruħhom. In-nies ta’ Żaraħemla stagħġbu, u “meta huma bdew jikkontemplaw dwar it-tjubija immedjata ta’ Alla, u l-qawwa tiegħu li permezz tagħha ħeles lil Alma u lil ħutu mill- … jasar, huma għollew leħinhom u rringrazzjaw lil Alla.”3

It-tjubija immedjata ta’ Alla jesperjenzawha dawk kollha li jsejħu ismu b’intenzjoni ġenwina u b’sinċerità kbira f’ qalbhom. Dan jinkludi lil dawk li jitolbuh b’disprament sinċier, meta l-ħelsien jidher wisq ’il bogħod u s-sofferenza mhux bla tmiem anzi titqawwa.

Hekk ħassu l-profeta żagħżugħ li waqt is-sofferenza tiegħu ra ma’ wiċċu l-mewt, ġo bir niedi u kiesaħ qabel ma hu għajjat: “O Alla, fejn tinsab? … Kemm se ddum tarana nsofru … ? Iva, Mulej, kemm … ?”4 Fit-tweġiba tiegħu l-Mulej ma wassalx biex Joseph jinħeles b’mod immedjat, iżda Huwa immedjatament ġablu l-paċi.5

Alla jagħtina wkoll it-tama immedjata għall-ħelsien eventwali.6 Jiġri x’jiġri, fi Kristu u permezz ta’ Kristu, dejjem hemm it-tama titbissmilna.7 B’mod immedjat.

Barra minn hekk, Huwa wiegħed, “imħabbti minn miegħek ma titħarrikx.”8

Fuq kollox, l-imħabba ta’ Alla hija immedjata. Flimkien ma’ Pawlu, jiena nixhed li xejn “ma jifridna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.”9 Anke dnubietna, minkejja li jistgħu jifirduna mill-Ispirtu Tiegħu għal xi żmien, ma jistgħux jifirduna mill-kostanza u l-immedjatezza tal-imħabba divina u paternali Tiegħu.

Dawn huma wħud mill-modi u l-mezzi li bihom “huwa jberikkna b’mod immedjat.”10 Issa, biex nuri kif aħna nistgħu nirrelataw ma’ dawn il-prinċipji, se naqsam magħkom l-esperjenzi ta’ tnejn min-nies li ħajjithom hija testment tat-tjubija immedjata ta’ Alla.

Emilie kienet ilha tikkumbatti l-vizzju ta’ ċerti sustanzi minn meta hija kienet għadha daqsxejn ta’ tfajla adoloxxenti. L-esperimentazzjoni wasslet għall-vizzju, u l-vizzju eventwalment wassal għall-abbuż li żammha skjava tiegħu għal snin twal, minkejja mumenti okkażjonali li fihom kienet tħossha mhux ħażin. Emilie kienet verament kapaċi taħbi l-problema tagħha, speċjalment wara li hi żżewġet u saret omm.

Il-bidu tal-ħelsien tagħha ma tantx kien jidher wisq li kien żmien ta’ ħelsien. F’mument wieħed, Emilie kienet qed tagħmel eżami mediku tas-soltu, u f’mument ieħor, spiċċat f’ambulanza jiġru biha lejn l-emerġenza. Hija bdiet tippanikkja hekk kif bdiet taħseb li setgħet tinfired minn uliedha, minn żewġha u mill-familja tagħha.

Dak il-lejl, weħidha f’kamra kiesħa u mudlama, Emilie tgezzet f’sodditha u nfaqgħet tibki. L-abbiltà tagħha li tirraġuna naqset sew sakemm finalment, megħluba minn anzjetà, biża’ u d-dalma oppressiva f’dik il-kamra u f’ruħha, Emilie bdiet anke taħseb li dak il-lejl kienet se tmut. Weħidha.

F’dik il-kundizzjoni ta’ disprament, Emilie b’xi mod għamlet il-kuraġġ li toħroġ mis-sodda u tinżel għarkupptejha. Mingħajr ma qalet xejn biex timpressjona, kif xi kultant għamlet fil-passat, Emilie ntelqet fi ħdan il-Mulej hekk kif b’disprament talbet, “Għażiż Alla, jien għandi bżonnok. Jekk jogħġbok għinni. Ma rridx li nibqa’ waħdi. Jekk jogħġbok għinni ngħaddi dal-lejl.”

U immedjatament, kif kien għamel ma’ Pietru żmien twil ilu, Ġesù ħareġ dirgħajh u ħataf ir-ruħ qed tegħreq tagħha.11 Emilie ħasset fiha kalma, kuraġġ, assigurazzjoni u mħabba tal-għaġeb. Il-kamra ma baqgħetx aktar kiesħa, hija kienet taf li ma kenitx weħidha, u għall-ewwel darba minn meta kellha 14-il sena, Emilie kienet taf li kollox kien se jkun sew. Hekk kif hija “qamet f’Alla,”12 Emilie raqdet fis-sliem. U b’hekk naraw li “jekk intom tindmu u ma twebbsux qalbkom, b’mod immedjat il-pjan kbir ta’ fidwa jibda jaħdem ġewwa fikom.”13

Immaġni
Familja fit-tempju

Il-fejqan u l-ħelsien aħħari ta’ Emilie ħa ż-żmien—xhur ta’ trattament, taħriġ u sapport, li matulhom hija kienet sostnuta kif ukoll miżmuma mit-tjubija Tiegħu. U dik it-tjubija kompliet tgħammar magħha hekk kif hija daħlet fit-tempju flimkien ma’ żewġha u ma’ wliedha biex huma ġew issiġillati flimkien għal dejjem. Bħan-nies ta’ Żaraħemla, Emilie issa tinsab mimlija gratitudni hekk kif hi tirrifletti fuq it-tjubija immedjata ta’ Alla u l-qawwa Tiegħu li ħelsitha mill-jasar.

Issa, se nirrakkonta xi ħaġa mill-ħajja ta’ mara oħra fidila u qalbiena. Fis-27 ta’ Diċembru, 2013, Alicia Schroeder b’ferħ laqgħet għandha lill-ħbieb għeżież tagħha Sean u Sharla Chilcote, li bla mistenni feġġew quddiem id-dar tagħha. Sean, li kien ukoll l-isqof ta’ Alicia, għaddielha l-mowbajl tiegħu u b’mod solenni qalilha, “Alicia, aħna nħobbuk. Jeħtieġ li twieġeb din it-telefonata.”

Ir-raġel ta’ Alicia, Marion, kien jinsab fuq il-linja. Huwa kien jinsab f’żona mill-aktar remota flimkien ma’ wħud minn uliedhom, waqt attività li kienu ilhom ħafna jistennew bis-snowmobil. Kien seħħ inċident ikrah. Mario kien weġġa’ serjament u Kaleb, binhom ta’ 10 snin, kien tilef ħajtu. Meta bid-dmugħ f’għajnejh, lil Alicia, Mario qalilha bil-mewt ta’ Kaleb, hija nħakmet minn xokk u terrur li ftit huma fostna li f’ħajjithom jesperjenzaw. Spiċċat waqgħet mal-art. Ipparalizzata b’diqa ta’ qalb enormi, Alicia la setgħet tiċċaqlaq u lanqas titkellem.

L-Isqof u Sister Chilote malajr refgħuha u bdew iżommuha. Għal xi ħin huma bkew flimkien. Imbagħad l-Isqof Chilcote offra li jagħti barka lil Alicia.

Dak li seħħ wara hu inkomprensibbli għal min ma jkollux xi ftit għarfien tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu u t-tjubija immedjata ta’ Alla. L-Isqof Chilote poġġa jdejh bil-ħlewwa fuq ras Alicia u, b’leħen jitriegħed, beda jitkellem. Alicia semgħet żewġ affarijiet li qishom ġew imlissna minn Alla nnifsu. L-ewwel, hija semgħet isimha, Alicia Susan Schroeder. Imbagħad hija semgħet l-isqof isejjaħ l-awtorità ta’ Alla s-Setgħan. F’dak il-mument—kif issemma isimha u ssemmiet il-qawwa ta’ Alla —Alicia mtliet b’paċi, b’imħabba, b’faraġ u b’xi mod anke b’ferħ inspejgabbli. U dak is-sentiment baqa’ jgħammar magħha.

Issa, bla dubju, Alicia, Mario u l-familja tagħhom xorta waħda għadhom jibku t-telfa ta’ Kaleb u jimmisjawh. Hija ħaġa diffiċli! Kull meta nitkellem magħha, għajnejn Alicia jimtlew bid-dmugħ hekk kif hija tgħidli kemm tħobb u timmissja t-tifel ċkejken tagħha. U għajnejha jibqgħu mdemmgħin hekk kif hija tirrakonta kif il-Ħellies il-Kbir sostnieha tul din l-isfida li għaddiet minnha, kemm permezz tat-tjubija immedjata Tiegħu waqt id-disperazzjoni profonda tagħha, u kif ukoll għadu jsostniha s’issa bit-tama qawwija ta’ riunjoni mill-aktar ħelwa “fi ftit jiem oħra.”

Jien naf li l-esperjenzi tal-ħajja joħolqu ċerta konfużjoni u turbulenza li jagħmluha diffiċli li aħna nirċievu jew nagħrfu jew inżommu t-tip ta’ serħan li esperjenzaw Emilie u Alicia. Jien għaddejt minn mumenti bħal dawn. Jiena nixhed li, waqt dawn il-mumenti, is-sopravivenza sempliċi tagħna hija manifestazzjoni mill-aktar ħelwa u qawwija tat-tjubija immedjata ta’ Alla. Ftakru, li ulied Iżrael tal-qedem ultimament ġew meħlusa “minn dak l-istess Alla li ppreservahom”14 jum wara jum.

Jiena naqsam ix-xhieda tiegħi li Ġesù Kristu huwa l-Ħellies il-Kbir, u f’ismu, jiena nwiegħed li hekk kif intom idduru lejh b’intenzjoni ġenwina u b’sinċerità kbira f’ qalbkom, Huwa jeħliskom minn dak kollu li jhedded li jeqred il-ħajja jew il-ferħ tagħkom. Dak il-ħelsien tafu ddumu biex tiksbuh aktar milli tixtiequ —tafu ddumu tistennewh anke ħajjitkom kollha jew aktar minn hekk. Għalhekk, biex intom tiksbu l-faraġ, il-kuraġġ u t-tama li jsostnukom u jqawwukom sa dak inhar tal-ħelsien aħħari tagħkom, jiena nirrakkomandalkom it-tjubija immedjata ta’ Alla li tagħha jiena nixhed f’isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja