2010-2019
Imħabba Kbira lejn Ulied Missierna
April 2019 Konferenza Ġenerali


Imħabba Kbira lejn Ulied Missierna

L-imħabba hija l-kwalità ewlenija u l-mottiv ewlieni għall-għanijiet spiritwali li impennjana bihom il-maħbub profeta tagħna.

Għeżież ħuti, dan huwa żmien mill-aktar uniku u kruċjali fl-istorja. Aħna mberkin li ngħixu fl-aħħar dispensazzjoni qabel it-Tieni Miġja tas-Salvatur. Fl-1829, fil-bidu ta’ din id-dispensazzjoni, is-sena ta’ qabel ma ġiet organizzata l-Knisja b’mod formali, ġiet mogħtija rivelazzjoni mill-aktar għażiża, li tiddikjara li “ħidma meraviljuża” kienet “waslet biex tiġi fis-seħħ.” Din ir-rivelazzjoni stabbilixxiet li dawk li jixtiequ jservu lil Alla jistgħu jikkwalifikaw għal dan is-servizz permezz tal-“fidi, it-tama, il-karità u l-imħabba, b’ħarsa fissa lejn il-glorja ta’ Alla.”1 Il-karità, li hija “l-imħabba pura ta’ Kristu”2 tinkludi l-imħabba eterna ta’ Alla lejn uliedu kollha.3

L-għan tiegħi dalgħodu hu li nenfasizza l-irwol essenzjali ta’ din it-tip ta’ mħabba fil-ħidma missjunarja, fil-ħidma tat-tempju u l-istorja tal-familja, u l-osservanza reliġjuża tal-familja ċċentrata madwar id-dar u ssapportjata mill-Knisja. L-imħabba lejn is-Salvatur u l-imħabba lejn għajrna4 hija l-kwalità ewlenija u l-mottiv ewlieni għall-għanijiet spiritwali5 li aħna ġejna mitlubin nagħmlu mill-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, fit-tibdil imħabbar fl-2018.

L-Isforz Missjunarju biex Niġbru Flimkien lil Ulied Iżrael li Huma Mxerrdin

Fl-ewwel żminijiet ta’ ħajti jiena ġejt espost għar-relazzjoni li teżisti bejn il-ħidma missjunarja u l-imħabba. Meta jiena kelli 11-il sena, jiena rċevejt barka patrijarkali mingħand patrijarka li kien ukoll in-nannu tiegħi.6 Parti minn dik il-barka tgħid, “Jiena nbierkek b’imħabba kbira lejn għajrek, għaliex inti se tiġi msejjaħ biex ixxerred l-evanġelju fid-dinja … biex tirbaħ l-erwieħ għal Kristu.”7

Jiena fhimt anke f’dik l-età tenera li li wieħed jaqsam l-evanġelju ma’ ħaddieħor kienet xi ħaġa bbażata fuq l-imħabba kbira lejn l-ulied kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet.

Bħala Awtoritjiet Ġenerali li 15-il sena ilu ġejna assenjati biex naħdmu fuq Ippridkaw l-Evanġelju Tiegħi, aħna kkonkludejna li l-kwalità tal-imħabba kienet mill-aktar essenzjali għall-ħidma missjunarja fi żmienna, bħalma dejjem kienet. Kapitlu 6, dwar il-kwalitajiet bħal ta’ Kristu, fosthom il-karità u l-imħabba, huwa konsistentement l-aktar kapitlu popolari fost il-missjunarji.

Bħala rappreżentanti tas-Salvatur, ħafna missjunarji jħossu fihom din it-tip ta’ mħabba, u meta jiġri dan, l-isforzi tagħhom jiġu mberkin. Meta l-membri jiksbu viżjoni ta’ din it-tip ta’ mħabba, li hija essenzjali biex huma jassistu lill-Mulej fl-għanijiet Tiegħu, il-ħidma tal-Mulej tkun tista’ tiġi fis-seħħ.

R. Wayne Shute

Jiena nħossi privileġġjat li kelli rwol żgħir f’eżempju mill-aktar meraviljuż ta’ din it-tip ta’ mħabba. Meta jien kont qed inservi bħala President tar-Reġjun tal-Gżejjer tal-Paċifiku, jiena rċevejt telefonata mingħand il-President R. Wayne Shute. Meta kien għadu żagħżugħ huwa serva missjoni ġewwa s-Samoa. Aktar tard, huwa reġa’ lura fis-Samoa bħala president tal-missjoni.8 Meta huwa ċempilli, huwa kien il-president tat-Tempju ta’ Apia, fis-Samoa. Wieħed mill-missjunarji żgħażagħ tiegħu, meta hu kien president tal-missjoni, kien il-Presbiteru O. Vincent Haleck, li llum huwa l-President Reġjonali fil-Paċifiku. Il-President Shute kellu mħabba kbira u rispett kbir lejn Vince u l-kumplament tal-familja Haleck. Ħafna mill-membri tal-familja kienu membri tal-Knisja, iżda missier Vince, Otto Haleck, il-patrijarka tal-familja (ta’ dixxendenza Ġermaniża u Samoana), ma kienx membru. Il-President Shute kien jaf li jien kont qed nattendi konferenza tal-wited u xi laqgħat oħra fl-American Samoa, u hu staqsieni jekk kontx nikkunsidra noqgħod fid-dar ta’ Otto Haleck biex b’hekk kont inkun nista’ naqsam l-evanġelju miegħu.

Il-Presbiteru O. Vincent Haleck bħala missjunarju żagħżugħ

Jien u marti, Mary qgħadna ma’ Otto u martu, Dorothy, fid-dar sabiħa tagħhom. Waqt ħin il-kolazzjon jiena qsamt magħhom messaġġ tal-evanġelju u stedint lil Otto biex jiltaqa’ mal-missjunarji. Huwa rrifjuta l-istedina tiegħi b’mod ġentili iżda determinat. Huwa qal li kien jinsab kuntent li ħafna membri tal-familja tiegħu kienu Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Iżda b’qawwa huwa indika li xi wħud mill-antenati ta’ ommu mis-Samoa kienu fost l-ewwel ministri Kristjani ġewwa s-Samoa, u huwa kien iħoss lealtà kbira lejn it-twemmin Kristjan tradizzjonali tagħhom.9 Madankollu, aħna sellimna lil xulxin bħala ħbieb ta’ veru.

Aktar tard, meta l-President Gordon B. Hinckley kien qed iħejji biex jiddedika t-Tempju ta’ Suva, fil-Fiji, huwa talab lis-segretarju personali tiegħu, Brother Don H. Staheli,10 biex iċempilli fi New Zealand biex nagħmlu l-arranġamenti. Il-President Hinckley ried jaqbad ajruplan mill-Fiji sal-American Samoa biex jiltaqa’ mal-Qaddisin. Xi ħadd issuġġerixxa lukanda partikolari li kienet intużat fi żjara qabel. Jiena talbt jekk stajtx nagħmel xi arranġamenti differenti. Brother Staheli qalli, “Inti l-President Reġjonali; żgur mhux problema.”

Immedjatament jiena ċempilt lill-President Shute u għidtlu li jista’ jagħti l-każ li kellna ċans ieħor li nbierku spiritwalment lill-ħabib tagħna Otto Haleck. Din id-darba l-missjunarju kien se jkun il-President Gordon B. Hinckley. Jien staqsejt jekk kenitx ħaġa xierqa għall-familja Haleck li huma jospitaw lilna lkoll fil-grupp li kien qed jivvjaġġa flimkien mal-President Hinckley.11 Il-President u Sister Hinckley, binthom Jane, u l-Presbiteru u Sister Jeffrey R. Holland ukoll kienu jagħmlu parti mill-grupp li konna qed nivvjaġġaw flimkien. Il-President Shute, flimkien mal-familja, għamlu l-arranġamenti kollha.12

Meta aħna wasalna mill-Fiji wara d-dedikazzjoni tat-tempju, aħna ngħatajna merħba sabiħa.13 Dik il-lejla aħna kellimna lill-eluf ta’ membri mis-Samoa u mbagħad tlaqna lejn id-dar tal-familja Haleck. Meta l-għada filgħodu aħna nġbarna għall-kolazzjon, il-President Hinckley u Otto Haleck kienu diġà għamlu ħbieb sew. Għalija kien interessanti l-fatt li huma t-tnejn kienu qed jiddiskutu l-istess ħwejjeġ li sena qabel konna tkellimna dwarhom jien u Otto. Meta Otto esprima l-ammirazzjoni tiegħu lejn il-Knisja tagħna iżda rriafferma l-lealtà tiegħu lejn il-knisja fejn kien jattendi, il-President Hinckley poġġa idu fuq spallejn Otto u qallu, “Otto, daqshekk mhux tajjeb biżżejjed; jeħtieġ li inti tkun membru tal-Knisja. Din hija l-Knisja tal-Mulej.” Dak il-ħin stajt, b’mod figurattiv, tara l-korazza reżistenti ta’ Otto taqa’ minn fuqu bir-rieda qawwija li kellu li jaċċetta dak li qal il-President Hinckley.

Dan kien il-bidu ta’ aktar tagħlim missjunarju u aktar umiltà spiritwali li wasslu biex ftit aktar minn sena wara, Otto Haleck ġie mgħammed u kkonfermat. Sena wara l-magħmudija tiegħu, il-familja Haleck ġiet issiġillata bħala familja eterna fit-tempju.14

Il-familja Haleck issiġillati fit-tempju

Dak li verament missli qalbi tul din l-esperjenza inkredibbli kienet l-imħabba mill-aktar kbira tal-ministeru li wera l-President Wayne Shute għall-eks missjunarju tiegħu, il-Presbiteru Vince Haleck, u x-xewqa tiegħu li jara lill-membri kollha tal-familja Haleck magħqudin flimkien bħala familja eterna.15

Meta nitkellmu dwar il-ġabra ta’ Iżrael, jeħtieġ li aħna nallinjaw qlubna ma’ din it-tip ta’ mħabba u minflok sentimenti ta’ sempliċi responsabbiltà16 jew ħtija nimtlew b’sentimenti ta’ mħabba u parteċipazzjoni fis-sħubija divina li naqsmu mad-dinja l-messaġġ, il-ministeru u l-missjoni tas-Salvatur.17

Bħala membri aħna nistgħu nuru l-imħabba tagħna lejn is-Salvatur u lejn ħutna madwar id-dinja permezz tal-istedina sempliċi tagħna. L-iskeda l-ġdida tal-laqgħa tal-Ħadd tirrappreżenta opportunità eċċezzjonali għall-membri biex b’imħabba u b’suċċess jistiednu lill-ħbieb u lil dawk li jiltaqgħu magħhom biex huma jiġu u jaraw u jħossu l-esperjenza tal-Knisja.18 Laqgħa tas-sagrament spiritwali, li nittama li tkun sagra daqs kemm iddeskriviha l-bieraħ il-Presbiteru Jeffrey R. Holland, tiġi segwita minn laqgħa ta’ 50 minuta ffokata fuq it-Testment il-Ġdid u s-Salvatur jew xi indirizz relevanti mill-konferenza ffokat fuq is-Salvatur u d-duttrina Tiegħu.

Xi aħwa nisa tas-Soċjetà tal-Għajnuna staqsew għalfejn huma ġew mogħtija essajnment dwar il-“ġabra” flimkien mal-membri tal-kworum tas-saċerdozju. Hemm diversi raġunijiet għal dan, u l-President Nelson semma wħud minnhom fl-aħħar konferenza ġenerali. Huwa kkonkluda, “Fil-verità aħna ma nistgħux niġbru lil Iżrael mingħajrkom.”19 Fi żmienna aħna mberkin li bejn wieħed u ieħor 30 fil-mija tal-missjunarji full-time tagħna huma nisa. Dan jipprovdi inċentiv akbar biex l-aħwa nisa tas-Soċjetà tal-Għajnuna jaqsmu b’imħabba l-evanġelju ma’ ħaddieħor. Li huwa meħtieġ hu impenn kompassjonali, spiritwali u kollu mħabba minna lkoll—irġiel, nisa, żgħażagħ u tfal—biex naqsmu ma’ ħaddieħor l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Jekk aħna nuru l-imħabba, it-tjubija u l-umiltà, ħafna jkunu dawk li jaċċettaw l-istedina tagħna. Dawk li jagħżlu li ma jaċċettawx l-istedina tagħna xorta waħda jibqgħu ħbieb tagħna.

Ħidma tat-Tempju u l-Istorja tal-Familja għall-Ġabra ta’ Iżrael

L-imħabba hija wkoll fil-qalba tal-ħidma tat-tempju u l-istorja tal-familja tagħna biex niġbru flimkien lil Iżrael fuq in-naħa l-oħra tal-velu. Meta aħna nitgħallmu dwar l-isfidi u d-diffikultajiet li ħabbtu wiċċhom magħhom l-antenati tagħna, l-imħabba u l-apprezzament tagħna lejhom jikbru. Il-ħidma tat-tempju u l-istorja tal-familja tagħna ssaħħet mhux ħażin permezz tat-tibdil ġdid, kemm fl-iskeda tal-laqgħa tal-Ħadd kif ukoll fl-avvanz taż-żgħażagħ fil-klassijiet u fil-kwora. Dan it-tibdil jipprovdi attenzjoni aktar kmieni u aktar qawwija relatata mat-tagħlim dwar l-antenati tagħna u l-ġabra ta’ Iżrael fuq in-naħa l-oħra tal-velu. Kemm il-ħidma tat-tempju, kif ukoll il-ħidma tal-istorja tal-familja, ġew imtejba ħafna.

L-internet huwa għodda importanti; id-dar issa saret iċ-ċentru ewlieni tagħna tal-istorja tal-familja. Il-membri żgħar tagħna huma verament kapaċi fir-riċerka tal-istorja tal-familja u huma spiritwalment motivati biex iwettqu l-magħmudijiet għall-antenati tagħhom, li lilhom tgħallmu jħobbu u japprezzaw. Minn meta seħħet il-bidla li qed tagħti ċans lil dawk li għandhom 11-il sena biex iwettqu l-magħmudijiet għall-mejtin, il-presidenti tat-tempju madwar id-dinja rrapportaw li l-attendenza kibret sew. Wieħed president tat-tempju infurmana li “kien hemm żieda mill-aktar sinjifikanti fil-membri li jiġu biex jagħmlu l-magħmudijiet … u dawk li għandhom 11-il sena jġibu magħhom aktar familji. … Anke f’età daqstant żgħira, huma jidhru li jifhmu sew is-sens ta’ qima u l-għan għall-ordinanza li jkunu qed iwettqu. Hija dehra mill-aktar sabiħa!”20

Jiena naf li l-mexxejja tagħna tal-Primarja u taż-żgħażagħ qegħdin jagħmlu, u se jkomplu jagħmlu, sforz ewlieni fil-ħidma tal-istorja tal-familja u tat-tempju. L-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna u tas-saċerdozju jistgħu b’imħabba jgħinu jwettqu r-responsabbiltà tagħhom tat-tempju u l-istorja tal-familja b’mod individwali kif ukoll billi jassistu u jispiraw lit-tfal u liż-żgħażagħ biex jiġbru flimkien lil Iżrael fuq in-naħa l-oħra tal-velu. Din hija ħaġa partikolarment importanti fid-dar u f’jum is-Sabbath. Inwegħidkom li l-ordinanzi mwettqa b’imħabba għall-antenati tagħna jispiċċaw biex isaħħu u jipproteġu liż-żgħażagħ u l-familji tagħna f’dinja li aktar ma tmur aktar qed issir mimlija ħażen. Jiena wkoll nixhed personalment li l-President Russell M. Nelson irċieva ċerti rivelazzjonijiet mill-aktar importanti relatati mat-tempji u l-ħidma tat-tempju.

Inħejju Familji Eterni u Individwi biex Jgħixu ma’ Alla

L-enfażi l-ġdida dwar l-istudju tal-evanġelju ċċentrat madwar id-dar u l-mod kif ngħixuh, u r-riżorsi li tipprovdi l-Knisja, huma opportunità kbira biex b’imħabba aħna nħejju familji eterni u individwi biex jiltaqgħu u jgħixu ma’ Alla.21

Meta raġel u mara jiġu ssiġillati fit-tempju, huma jidħlu fl-ordni mqaddsa taż-żwieġ fil-patt ġdid u etern, li hu ordni tas-saċerdozju.22 Flimkien huma jiksbu u jirċievu l-barkiet u l-qawwa tas-saċerdozju biex jiddirieġu l-affarijiet tal-familja tagħhom. In-nisa u l-irġiel għandhom ċerti rwoli uniċi kif hemm f’“Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,”23 iżda r-responsabbiltà tagħhom hija waħda ugwali, kemm fil-valur, kif ukoll fl-importanza.24 Huma għandhom qawwa ugwali biex jirċievu r-rivelazzjoni għall-familja tagħhom. Meta huma jaħdmu flimkien fl-imħabba u fis-sewwa, id-deċiżjonijiet tagħhom jiġu mberkin minn Alla.

Dawk li jfittxu biex ikunu jafu r-rieda tal-Mulej, kemm għalihom bħala individwi, kif ukoll għall-familji tagħhom, għandhom jaraw li ħajjithom tkun dominata mis-sewwa, mill-ħlewwa, mit-tjubija u mill-imħabba. L-umiltà u l-imħabba huma l-karatteristiċi ewlenin ta’ dawk li jfittxu r-rieda tal-Mulej, speċjalment għall-familji tagħhom.

Li nipperfezzjonaw lilna nfusna, li aħna nikkwalifikaw għall-barkiet tal-patti,u li nitħejjew biex niltaqgħu ma’ Alla huma responsabbiltajiet individwali. Jeħtieġ li aħna nkunu kapaċi nfendu għal rasna u b’ħerqa inkunu impenjati li nagħmlu minn djarna refuġju mill-maltemp li jkollna madwarna25 u “santwarju ta’ fidi.”26 Il-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà li jgħallmu lil uliedhom b’imħabba. Id-djar li jkunu mimlijin bl-imħabba huma kuntentizza, għaxqa u letteralment ġenna fl-art.27

L-għanja favorita ta’ ommi kienet “Imħabba fid-Dar.”28 Kull meta kienet tisma’ l-ewwel frażi, “Ġmiel madwarna jkollna lkoll bl-imħabba fid-dar,” kienet tħossha verament kommossa u d-dmugħ kien ifeġġ f’għajnejha. Bħala tfal aħna konna konxji li konna ngħixu f’dik it-tip ta’ dar; kienet waħda mill-ogħla prijoritajiet tagħha.29

Minbarra li nħeġġu li jkun hemm atmosfera ta’ mħabba fid-dar, il-President Nelson iffoka wkoll fuq kif aħna għandna nillimitaw l-użu tal-midja li jfixkel l-għanijiet ewlenin tagħna.30 Wieħed mit-tibdil partikolari li se jkun ta’ benefiċċju għal kważi kwalunkwe familja hu li l-internet, il-midja soċjali u t-televiżjoni jkunu għalina qaddejja minflok distrazzjoni jew, saħansitra, dak li jikkmandana. Il-gwerra għall-erwieħ tagħna lkoll, iżda partikolarment għal tat-tfal, qiegħda sseħħ fi djarna. Bħala ġenituri, jeħtieġ li aħna niżguraw li l-kontenut tal-midja ikun xieraq, tajjeb għall-età tal-individwi, u konsistenti mal-atmosfera ta’ mħabba li nippruvaw noħolqu.

It-tagħlim fi djarna jeħtieġ li jkun ċar u kompulsiv31 iżda wkoll spiritwali, ferrieħ u kollu mħabba.

Inwegħidkom li hekk kif aħna niffukaw fuq l-imħabba tagħna lejn is-Salvatur u l-Att tal-Fidwa Tiegħu, u nagħmluh il-qofol tal-isforzi tagħna li niġbru flimkien lil Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu, nimministraw lil ħaddieħor, u nitħejjew b’mod individwali biex niltaqgħu ma’ Alla, l-influwenza tal-avversarju tonqos u l-kuntentizza, l-għaxqa u l-paċi tal-evanġelju jimlew djarna b’imħabba bħal ta’ Kristu.32 Jiena nixhed dwar dawn il-wegħdiet duttrinali u niddikjara x-xhieda ċerta tiegħi dwar Ġesù Kristu u s-sagrifiċċju Tiegħu tal-fidwa f’isimna, f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Doctrine and Covenants 4:1, 5.

  2. Moroni 7:47.

  3. Ara “Charity and Love,” Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service, rev. ed. (2019), 124.

  4. Ara Dewteronomju 6:5; Mattew 22:36–40.

  5. Ara “Ir-Responsabbiltajiet tal-Presidenzi tal-Kworum tal-Presbiteri u tas-Soċjetà tal-Għajnuna fil-Ħidma tal-Membri Missjunarji u l-Ħidma tat-Tempju u tal-Istorja tal-Familja,” avviż, 6 ta’ Ott. 2018.

  6. In-nannu tiegħi kien awtorizzat li jagħti barkiet patrijarkali lin-neputijiet tiegħu li kienu joqogħdu f’utied differenti. Ġiet mogħtija lili meta kelli 11-il sena għaliex huwa kien marid u ħasbu li seta’ jmut.

  7. Barka patrijarkali mogħtija lil Quentin L. Cook mill-patrijarka Crozier Kimball, 13 ta’ Ott., 1951, Draper, Utah.

  8. Il-President R. Wayne Shute serva wkoll ma’ martu Lorna f’għadd ta’ missjonijiet oħra f’Shanghai, iċ-Ċina; fl-Armenja; f’ Singapore u fil-Greċja. Wara li Lorna għaddiet għal ħajja oħra, huwa żżewweġ lil Rhea Mae Rosvall u huma servew fil-Missjoni ta’ Brisbane, l-Awstralja. Sebgħa mid-disat itfal tiegħu servew missjonijiet full-time. F’sentejn miż-żmien li huwa għamel iservi bħala president tal-missjoni fis-Samoa, il-Presbiteru John H. Groberg kien qed iservi bħala president tal-missjoni ġewwa t-Tonga. L-esperjenzi li t-tnejn għaddew minnhom huma leġġendarji.

  9. Otto Haleck kien mexxej lajk fil-Knisja Kongregazzjonali Kristjana tas-Samoa, li l-għeruq tagħha kienu jmorru lura għas-Soċjetà Missjunarja tal-Londra. Missieru kien ta’ dixxendenza Ġermaniża minn Dessau, il-Ġermanja.

  10. Il-President Don H. Staheli bħalissa qed iservi bħala l-president tat-Tempju ta’ Bountiful, f’Utah.

  11. Il-President Gordon B. Hinckley u Sister Marjorie P. Hinckley u binthom Jane Hinckley Dudley, il-Presbiteru Jeffrey R. u Sister Patricia T. Holland, il-Presbiteru Quentin L. u Sister Mary G. Cook, u Brother Don H. Staheli kienu lkoll preżenti.

  12. Il-Presbiteru O. Vincent Haleck infurmani li missieru stieden lil Vince u lil ħuh David biex jerġgħu lura minn barra biex jispezzjonaw id-dar u biex ikunu hemm għaż-żjara tal-President Hinckley. Il-Presbiteru Haleck qal li missieru ddikjara, “Taf li dawn faċilment jistgħu jkunu anġli.” Huwa qal lil uliedu s-subien li jekk huma kienu se jospitaw lill-profeta, kien hemm bżonn li d-dar tkun perfetta.

  13. Il-President Hinckley ġie milqugħ mill-mexxejja nazzjonali tal-American Samoa u bosta eluf ta’ Samoani fil-grawnd tal-futbol.

  14. Li l-familji jingħaqdu permezz ta’ ħidma missjunarja diliġenti minn dejjem kienet karatteristika importanti kemm għall-poplu tas-Samoa kif ukoll għal popli oħra mill-Polineżja.

  15. Il-President Shute tant kien maħbub u apprezzat li hu ġie mistieden biex jitkellem fil-funeral ta’ Otto Haleck fl-2006.

  16. “Xi kultant aħna nafu naqdu lill-oħrajn sforz is-sens ta’ dover jew l-obbligu li nħossu, iżda anke dak is-servizz jista’ jwassalna biex aħna niddependu fuq ħaġa ogħla … li nservu ‘b’ mod aktar meraviljuż’ [1 Korintin 12:31]” (Joy D. Jones, “Għalih,” Liahona, Nov. 2018, 50).

  17. Ara Tad R. Callister, The Infinite Atonement (2000), 5–8.

  18. Il-membri tal-Knisja għandhom jikkoordinaw mal-missjunarji kull meta huma jkunu se jistiednu lil xi ħadd.

  19. Russell M. Nelson, “Il-Parteċipazzjoni tal-Aħwa Nisa fil-Ġabra ta’ Iżrael,” Liahona, Nov. 2018, 70.

  20. Rapport miIl-President B. Jackson u Sister Rosemary M. Wixom, il-president u l-matrona tat-Tempju ta’ Salt Lake, lill-Presidenza Ġenerali tal-Primarja, Mar. 2019. Il-Wixoms innotaw li huma “qed jordnaw aktar ħwejjeġ tal-magħmudija XXXS biex ilaħħqu mad-domanda!”

  21. Ara Russell M. Nelson, “Rimarki tal-Ftuħ,” Liahona, Nov. 2018, 6–8.

  22. Ara Doctrine and Covenants 131:1-4.

  23. See “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Mejju 2017, 145.

  24. “Għall-familja tagħhom kull missier huwa l-patrijarka u kull omm hija l-matrijarka bħala l-ko-ugwali fl-irwol distintiv tagħhom bħala ġenituri” (James E. Faust, “The Prophetic Voice,” Ensign, Mejju 1996, 6).

  25. Ara Doctrine and Covenants 45:26–27; 88:91.

  26. Russell M. Nelson, “Insiru Qaddisin tal-Aħħar Jiem Eżemplari,” Liahona, Nov. 2018, 113.

  27. Ara “Home Can Be a Heaven on Earth,” Hymns, nu. 298.

  28. “Imħabba fid-Dar,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 44.

  29. Jekk irridu niksbu din it-tip ta’ mħabba, id-direzzjoni li hemm f’ Doctrine and Covenants 121:41–42 għandha tkun l-għan tagħna lkoll:

    “L-ebda qawwa jew influwenza ma tista’ tinkiseb permezz tal-virtù tas-saċerdozju, tinkiseb biss permezz tal-persważjoni, tas-sabar, tal-ġentilezza u l-manswetudni, u tal-imħabba ġenwina;

    “Permezz tat-tjubija u l-għarfien pur, li għandu jkabbar verament ir-ruħ mingħajr ebda ipokresija, u mingħajr ħażen.”

    Ċerta kritika mhux xierqa lit-tfal għandna nevitawha. Biex negħlbu l-iżbalji u n-nuqqas ta’ għerf jeħtieġ it-tagħlim u mhux il-kritika. Jeħtieġ li nwiddbuhom kontra d-dnub (ara Doctrine and Covenants 1:25–27).

  30. Ara Russell M. Nelson, “Il-Parteċipazzjoni tal-Aħwa Nisa fil-Ġabra ta’ Iżrael,” 69; ara wkoll Russell M. Nelson, “Hope of Israel” (devozzjonali dinji għaż-żgħażagħ, 3 ta’ Ġunju, 2018), HopeofIsrael.ChurchofJesusChrist.org.

  31. F’ċertu sens, id-dar hija bħal skola f’kamra waħda għat-tfal ta’ kull età. Meta ngħallmu lil dak li għandu 11-il sena, ma nistgħux ninjoraw lil dak li għandu 3 snin.

  32. Ara Ġwanni 17:3; 2 Nephi 31:20; Moroni 7:47.