Tweġiba għal Talbna
Il-Missier huwa konxju tagħna, jaf x’inhuma l-bżonnijiet tagħna u se jgħinna b’mod perfett.
Duttrina mill-aktar importanti u konfortanti tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hi li Missierna tas-Smewwiet għandu mħabba perfetta lejn uliedu. Minħabba dik l-imħabba perfetta, Huwa jberikna mhux biss skond ix-xewqat u l-bżonnijiet tagħna iżda wkoll skond l-għerf infinit Tiegħu. Kif iddikjarat b’mod sempliċi mill-profeta Nefi, “Jien naf li Alla jħobb lil uliedu.”1
Aspett wieħed ta’ dik l-imħabba perfetta huwa l-involviment ta’ Missierna tas-Smewwiet fid-dettalji ta’ ħajjitna, anke meta aħna ma nkunux konxji ta’ dan jew ma nifhmuhx. Aħna nfittxu l-gwida u l-għajnuna divina tal-Missier permezz tat-talb ferventi li joħroġ minn qalbna. Meta aħna nonoraw il-patti tagħna u nagħmlu l-almu tagħna biex insiru nixbhu aktar lis-Salvatur tagħna, aħna nkunu intitolati għal nixxiegħa2 kostanti ta’ gwida divina permezz tal-influwenza u l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu.
L-iskrittura tgħallimna, “Għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom,”3 u Huwa “jaf kollox, għaliex kollox jinsab quddiem għajnejh.”4
Il-profeta Mormon huwa eżempju ta’ dan. Huwa laħaq miet qabel ma’ seta’ jara l-frott ta’ ħidmietu. Madankollu huwa fehem li l-Mulej kien qiegħed imexxih bir-reqqa tul it-triq. Meta huwa ħassu ispirat li jinkludi l-pjanċi ż-żgħar ta’ Nefi bil-kitbiet tiegħu, Mormon kiteb: “U jiena nagħmel dan għal għan għaqli; għax ġejt immexxi biex nagħmel hekk skont il-ħidma tal-Ispirtu tal-Mulej li jinsab fija. U issa, jiena ma nafx kollox; iżda l-Mulej jaf b’kull ħaġa li se tiġri; għalhekk, huwa jinsab jaħdem fija biex naġixxi skont ir-rieda tiegħu.”5 Minkejja li Mormon ma kienx jaf li fil-futur il-paġni tal-manuskritt b’116-il paġna kienu se jintilfu, il-Mulej kien jaf b’dan u fassal mod kif dak l-ostaklu seta’ jiġi megħlub żmien twil qabel fil-fatt seħħ.
Il-Missier huwa konxju tagħna, jaf x’inhuma l-bżonnijiet tagħna u se jgħinna b’mod perfett. Xi kultant dik l-għajnuna tingħata fil-mument jew ftit wara li aħna nitolbu għall-għajnuna divina. Xi kultant l-aktar xewqat ferventi u denji tagħna ma jiġux milqugħin bil-mod li nkunu qed nittamaw, iżda nsibu li Alla għandu barkiet akbar lesti għalina. U xi kultant, ix-xewqat tajbin tagħna ma jiġux fis-seħħ f’din il-ħajja. Se nurikom, permezz ta’ tliet rakkonti differenti, il-modi li bihom Missierna tas-Smewwiet jista’ jwieġeb it-talb sinċier li aħna nitolbuh.
It-tifel iż-żgħir tagħna ġie msejjaħ biex iservi bħala missjunarju fil-Missjoni ta’ Pariġi, Franza. Bi tħejjija biex iservi, aħna morna miegħu biex jixtri s-soltu qomos, ilbiesi, ingravajjet, u kalzetti kif ukoll kowt. Sfortunatament, il-kowt li huwa ried dak il-ħin ma kienx fl-istokk fid-daqs li ried hu. Madankollu, l-iskrivan tal-ħanut indika li l-kowt kien se jkun disponibbli fi ftit ġimgħat u setgħu jibagħtuhulu fiċ-ċentru għat-taħriġ missjunarju ġewwa Provo qabel ma huwa jitlaq għal Franza. Aħna ħallasna għall-kowt u ma ħsibniex fuqu aktar.
It-tifel tagħna daħal iċ-ċentru għat-taħriġ missjunarju f’Ġunju u l-kowt twassallu ftit jiem biss qabel huwa kellu jitlaq minn hemm f’Awwissu. Huwa l-kowt ma ppruvahx iżda b’għaġġla ppakkjah fil-bagalji tiegħu flimkien mal-ħwejjeġ tiegħu u xi affarijiet oħra.
Hekk kif f’Pariġi, fejn kien qed iservi t-tifel tagħna, bdiet riesqa x-xitwa, huwa kitbilna li kien ħareġ il-kowt mill-bagalja, u ppruvah, iżda sab li kien żgħir wisq għalih. Aħna għalhekk kellna npoġġulu ftit aktar flus fil-kont tal-bank tiegħu ħalli huwa jkun jista’ jixtri kowt ieħor minn Pariġi, u hekk għamel. Xi ftit irritat, jiena ktibtlu u għidtlu biex dak l-ewwel kowt jagħtih li xi ħadd, la ma setax jagħmel użu minnu.
Aktar tard aħna rċevejna din l-imejl mingħandu: “Hawnhekk verament hawn il-kesħa. … Ir-riħ bħallikieku inħossuh jippenetrana, għalkemm il-kowt il-ġdid tiegħi verament isaħħan u huwa tqil mhux ħażin. … Jiena tajt il-kowt l-ieħor lil missjunarju ieħor li hawn magħna fl-appartament li qal li beda jitlob forsi jkun hemm mod kif seta’ jkollu kowt aħjar. Huwa kien ikkonverta bosta snin ilu u għandu biss lil ommu … u l-missjunarju li għammdu biex jissapportjawh fil-missjoni tiegħu, u għalhekk il-kowt kien tweġiba għal talbu, u b’hekk inħossni verament ferħan.”6
Missierna tas-Smewwiet kien jaf li dan il-missjunarju li kien qed iservi fi Franza xi 6,200 mil (10,000 kilometru) ‘il bogħod minn daru kien se jkollu bżonn b’mod urġenti kowt ġdid minħabba x-xitwa kiesħa ġewwa Pariġi iżda dan il-missjunarju ma kienx se jkollu flus biex jixtri kowt. Missierna tas-Smewwiet kien jaf ukoll li t-tifel tagħna kien se jirċievi mill-ħanut tal-ħwejjeġ ġewwa Provo, Utah, kowt li kien żgħir wisq għalih. Huwa kien jaf li dawn iż-żewġ missjunarji kienu se jservu flimkien ġewwa Pariġi u li l-kowt kien se jkun tweġiba għal talba umli u sinċiera ta’ missjunarju li kien fi bżonn immedjat.
Is-Salvatur għallem:
“Żewġ għasafar tal-bejt mhux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa’ fl-art mingħajr ir-rieda ta’ missierkom.
“Intom imbagħad sa x-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud.
“Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.”7
F’sitwazzjonijiet oħra, meta x-xewqat denji tagħna ma jintlaqgħux bil-mod li konna qed nittamaw, dan jaf ikun fil-fatt għall-aħjar tagħna. Per eżempju, ħut Ġużeppi bin Ġakobb tant kienu jgħiru u jobogħdu lil Ġużeppi li huma bdew jaħsbu li joqtluh. Minflok, huma bigħuh bħala skjav fl-Eġittu.8 Jekk qatt kien hawn persuna li seta’ ħass li talbu mhux qed jiġi mismugħ bil-mod li hu kien qed jittama, dan faċilment kien Ġużeppi. Fil-verità, l-isfortuna ovvja tiegħu wasslet għal barkiet kbar għalih kif ukoll salvat lill-familja tiegħu mill-ġuħ. Aktar tard, wara li huwa kien sar mexxej mill-aktar fdat ġewwa l-Eġittu, b’fidi u għerf mill-akbar huwa qal lil ħutu:
“U issa la tagħlux u la tinkeddux għax begħtuni għal hawn, għax biex tibqgħu ħajjin intom Alla bagħatni hawn qabilkom.
“Sentejn ilu jaħkem il-ġuħ fuq l-art, u għad fadal ħames snin oħra, u ma jkunx hemm u la ħrit u lanqas ħsad.
“U Alla bagħatni qabilkom biex inħallilkom fdal fuq l-art, u jżomm ħaj bikom kotra kbira ta’ meħlusin.
“Mela, mhux intom bgħattuni hawn, imma Alla.”9
Meta kien għadu l-università, it-tifel il-kbir tagħna ġie magħżul għal impjieg ta’ student part-time li kellu l-potenzjal li jwasslu biex jikseb impjieg permanenti mill-aktar attraenti wara l-gradwazzjoni. Huwa ħadem iebes f’dan l-impjieg ta’ student għal erba’ snin sħaħ, fejn ikkwalifika b’marki mill-aktar għoljin u kien verament rispettat mill-kollegi u s-supervajżers tiegħu. Fi tmiem l-aħħar sena tiegħu, bħallikieku b’mod orkestrat mis-smewwiet (għallinqas it-tifel tagħna hekk ħasibha), kien hemm sejħa għal pożizzjoni permanenti u hu kien jinsab fuq quddiem, fejn kollox kien qed jindika u l-istennija kienet li hu kien se jikseb l-impjieg.
Mela, huwa ma ġiex magħżul. Ħadd minna ma seta’ jifhem għalfejn. Huwa kien ipprepara ruħu tajjeb ħafna, fl-intervista mar tajjeb ħafna, kien l-aktar kandidat kwalifikat, u kien talab lil Alla b’ tama u aspettattiva mill-aktar kbira! Ħassu verament rasu maqtugħa, u dan l-episodju kollu ħalliena lkoll inħokku rasna. Għalfejn Alla abbandunah fix-xewqa ġusta tiegħu?
Kien biss bosta snin wara li t-tweġiba għal dan saret waħda mill-aktar ċara. Li kieku huwa rċieva l-impjieg wara l-gradwazzjoni, huwa kien jitlef opportunità mill-aktar importanti li bidlitlu ħajtu li llum uriet li kienet għall-benefiċċju etern tiegħu u barka kbira għalih. Alla kien jaf it-tmiem mill-bidu (bħal dejjem), u f’dan il-każ, it-tweġiba għal ħafna talb sinċier kienet le, sabiex tkun tista’ sseħħ xi ħaġa ferm aktar superjuri.
Xi kultant, it-tweġiba għal talba li aħna b’mod ġust, b’disprament u b’ħerqa nkunu qed nistennew, ma tiġix mogħtija f’din il-ħajja.
Sister Patricia Parkinson twieldet b’vista normali, iżda meta kellha seba’ snin bdiet titlef id-dawl ta’ għajnejha. Meta kellha disa’ snin, Pat bdiet tattendi l-Iskejjel ta’ Utah għall-Għomja u Dawk Neqsin mis-Smigħ ġewwa Ogden, Utah, xi 90 mil (145 km) ‘il bogħod minn fejn kienet toqgħod, u dan wassal biex hija tibqa’ toqgħod fl-akkomodazzjoni tal-iskola—li dan ġab miegħu li hija tibda timmissja l-familja, xi ħaġa li kull tifla ta’ disa’ snin hemm ċans li tesperjenza.
Meta kellha 11-il sena hija spiċċat tilfet għal kollox id-dawl t’għajnejha. Pat marret lura d-dar b’mod permanenti meta kella 15-il sena biex hemm tattendi l-iskola sekondarja tal-lokal. Hija marret l-università u ggradwat fid-diżordni fil-komunikazzjoni u fil-psikoloġika, u wara taqbida erojka kontra uffiċjali tal-università li ddubitaw kemm hija setgħet tikkwalifika, hi kompliet tistudja u ġabet il-masters fil-patoloġija tal-lingwa għal min għandu problema jitkellem. Pat illum taħdem ma’ 53 student elementari u tieħu ħsieb erba’ nies tekniċi tal-lingwa fid-distrett tal-iskola tagħha. Hija proprjetarja ta’ darha u għandha wkoll karozza li sħabha u l-membri tal-familja tagħha jsuqulha meta Pat ikollha bżonn tmur x’imkien.
Meta kellha 10 snin, Pat kienet skedata li tgħaddi minn proċedura medika oħra li kienet tindirizza l-viżjoni dejjem qed tonqos tagħha. Il-ġenituri tagħha dejjem qalulha eżattament x’kien se jiġri fejn tidħol il-kura medika tagħha, iżda għal xi raġuni huma qatt ma qalulha xejn dwar din il-proċedura partikolari. Meta l-ġenituri tagħha finalment qalulha li kienet ġiet skedata din il-proċedura, Pat, skont ommha, “tħawdet waħda sew.” Pat telqet tiġri fil-kamra l-oħra iżda wara reġgħet lura u qalet lill-ġenituri tagħha b’ ċerta rabja, “Ippermettuli ngħidilkom xi ħaġa. Jiena naf, Alla jaf u forsi intom tafu wkoll. Jiena se nispiċċa bla dawl f’għajnejja għall-kumplament ta’ ħajti!”
Bosta snin ilu, Pat marret Kalifornja biex iżżur lill-membri tal-familja tagħha li kienu qed joqogħdu hemm. Waqt li hija kienet barra flimkien man-neputi tagħha, li kellu tliet snin, huwa qalilha, “Zija Pat, għalfejn lil Missierna tas-Smewwiet ma titolbux biex jagħtik għajnejn ġodda? Għaliex jekk titlob lil Missierna tas-Smewwiet, Huwa jagħtik dak kollu li trid. Jeħtieġ biss li titolbu.”
Pat qalet li ħassitha sorpriża bil-mistoqsija iżda wieġbet, “Mela, xi kultant Missierna tas-Smewwiet ma jaħdimx b’dan il-mod. Xi kultant Huwa jkun iridek titgħallem xi ħaġa, u għalhekk Hu ma jagħtikx kulma trid. Xi kultant tkun trid tistenna. Ħadd daqs Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur ma jaf x’inhu l-aħjar għalina u x’neħtieġu. Għalhekk Huma mhux se jagħtuk kulma trid fil-mument li tkun tridu.”
Lil Pat ili nafha għal ħafna snin u m’ilux għidtilha kemm jien nammira l-fatt li hi dejjem pożittiva u ferħana. Hija wieġbet, “Mela tidher li qatt ma kont miegħi id-dar, hux veru? Ikolli l-mumenti tiegħi. Jien esperjenzajt bosta mumenti ta’ dipressjoni, u bkejt ħafna.” Madankollu, hija kompliet, “Miż-żmien li jien bdejt nitlef id-dawl, din verament stramba, iżda kont naf li Missierna tas-Smewwiet u s-Salvatur kienu jinsabu miegħi u mal-familja tiegħi. Aħna mmaniġġjajna bl-aħjar mod li stajna, u fl-opinjoni tiegħi, aħna għamilna dak li kellna nagħmlu. Jiena spiċċajt irnexxejt biżżejjed bħala persuna, u ġeneralment jiena persuna ferħana. Niftakar li l-influwenza Tiegħu kienet preżenti f’kull ma għamilt. Lil dawk li jistaqsuni jekk jiena nħossnix irrabjata għaliex jiena bla dawl, jien nweġibhom, ‘Ma’ min għandi nirrabja? Missieri tas-Smewwiet jinsab iġorr it-tagħbija miegħi; jiena ma ninsabx waħdi. Huwa jinsab dejjem miegħi.’”
F’dan il-każ, ix-xewqa ta’ Pat li terġa’ tikseb id-dawl mhux se tiġi fis-seħħ f’din il-ħajja. Iżda l-motto tagħha, li tgħallmet mingħand missierha, hu “Din ukoll għad tgħaddi.”10
Il-President Henry B. Eyring iddikjara, “Il-Missier f’dan il-mument huwa konxju tagħkom, u tal-bżonnijiet spiritwali u temporali ta’ dawk kollha ta’ madwarkom.”11 Din il-verità importanti u konfortanti nistgħu nsibuha fit-tliet esperjenzi li rrakkontajt jiena.
Ħuti, xi kultant talbna jiġi mwieġeb malajr bir-riżultat li nkunu qed nittamaw għalih. Xi kultant, talbna ma jiġix imwieġeb bil-mod li nkunu qed nittamaw, madankollu maż-żmien nindunaw li Alla kellu barkiet akbar preparati għalina milli aħna stajna nantiċipaw qabel. U xi kultant, it-talb sinċier tagħna lil Alla ma jiġix mismugħ f’din il-ħajja.12 Kif qal il-Presbiteru Neal A. Maxwell, “Il-fidi tinkludi wkoll il-fiduċja fil-ħin li jiddeċiedi Alla.”13
Aħna għandna l-assigurazzjoni li bil-mod li jrid Hu u fil-ħin li jrid Hu, Missierna tas-Smewwiet se jberikkna u se jirrisolvi l-mistoqsijiet, l-inġustizzji u d-diżappunti tagħna.
Biex nikkwota lis-Sultan Benjamin: “U barra minn hekk, jien nixtieq li intom tikkunsidraw l-istat imbierek u ta’ ferħ ta’ dawk li jżommu l-kmandamenti ta’ Alla. Għax araw, huma mberkin f’kull ħaġa, kemm temporali kif ukoll spiritwali; u jekk huma jibqgħu fidili sat-tmiem, huma jintlaqgħu fis-sema, fejn hemm huma jkunu jistgħu jgħammru ma’ Alla fi stat ta’ ferħ bla tmiem. O ftakru, ftakru li dawn il-ħwejjeġ huma vera; għaliex tkellem il-Mulej Alla.”14
Jiena naf li Alla jisma’ talbna.15 Jiena naf li bħala Missier li jħobbna u jaf kollox, Huwa se jwieġeb talbna b’mod perfett, skont l-għerf infinit Tiegħu, u b’mod li jkun għall-aħjar benefiċċju tagħna u biex iberikna. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.