2010-2019
Infittxu l-Għarfien permezz tal-Ispirtu
April 2019 Konferenza Ġenerali


Infittxu l-Għarfien permezz tal-Ispirtu

Aħna għandna nitgħallmu ngħarfu l-verità mhux biss permezz tal-moħħ razzjonali tagħna iżda wkoll permezz tal-leħen sieket u ċkejken tal-Ispirtu.

Għeżież ħuti, il-Mulej qalilna ripetutament biex “infittxu li nitgħallmu, kemm permezz tal-istudju kif ukoll permezz tal-fidi.”1 Aħna nistgħu nirċievu d-dawl u l-għarfien mhux biss permezz tal-loġika, iżda wkoll permezz tal-gwida u l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu.

Dan is-sors addizzjonali ta’ għarfien mhux dejjem kien jagħmel parti minn ħajti.

Jiena u l-għażiża mara tiegħi Irene, ingħaqadna mal-Knisja 31 sena ilu meta konna għadna miżżewġin friski. It-tnejn li aħna trabbejna ġewwa l-Kolumbja iżda ftit xhur wara ż-żwieġ tagħna, aħna morna noqogħdu l-Ġermanja minħabba l-karriera tiegħi. Konna għadna żgħar u ħajjitna kienet mimlija tama u stennija; għalina kienu żminijiet mill-aktar eċċitanti u feliċi.

Sister u l-Presbiteru Held

Hekk kif jien kont qed nikkonċentra fuq il-karriera tiegħi, Irene bdiet tħoss li minn ħin għall-ieħor aħna konna se nirċievu xi tip ta’ messaġġ mis-smewwiet, mingħajr ma kienet taf x’kif u x’fatta. Għalhekk, hija bdiet tiftaħ il-bieb tad-dar tagħna għal kull tip ta’ bejjiegħa li jkunu qed iħabbtu l-bibien b’enċiklopediji, vacuum cleaners, kotba tat-tisjir, apparat tal-kċina, eċċ, dejjem tittama għal xi messaġġ uniku.

Lejla waħda hija qaltli li kienu marru jħabbtu l-bieb żewġ ġuvintur lebsin libsa skura u hija ħasset fiha impressjoni mill-aktar ċara u distinta biex iddaħħalhom ġewwa. Huma qalulha li riedu jkellmuha dwar Alla iżda kienu se jerġgħu jgħaddu f’ħin ieħor meta kien se jkun hemm jien ukoll id-dar. Tgħid kien dan il-messaġġ li konna qed nistennew?

Huma bdew il-laqgħa tagħhom magħna, u bil-gwida tagħhom, aħna qrajna mill-iskrittura u stajna nifhmu l-importanza mill-aktar kruċjali ta’ Ġesù Kristu bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna. Ma domniex wisq li beda jiddispjeċina li konna tgħammidna bħala trabi ċkejknin, li żgur ma kienx xi patt li dak iż-żmien konna konxji minnu. Madankollu, li nerġgħu nitgħammdu mill-ġdid kien se jfisser ukoll li konna se nsiru membri ta’ din il-Knisja ġdida, għalhekk ridna li l-ewwel nifhmu verament dak kollu li stajna dwarha.

Iżda kif stajna nsiru nafu li dak kollu li l-missjunarji bdew jgħidulna dwar il-Ktieb ta’ Mormon, dwar Joseph Smith u dwar il-pjan tas-salvazzjoni kien fil-fatt kollu verità? Mela, aħna stajna nifhmu mill-kliem tal-Mulej li aħna stajna “nagħrfuhom mill-frott tagħhom.”2 Għalhekk, b’ mod mill-aktar sistematiku, aħna bdejna neżaminaw il-Knisja billi nfittxu dak il-frott bl-għajnejn tal-moħħ razzjonali tagħna. Xi stajna naraw? Mela, aħna rajna:

  • Nies simpatiċi u kuntenti u familji meraviljużi li kienu jifhmu li l-għan tagħna f’ din il-ħajja hu li jkollna l-ferħ u mhux sempliċiment is-sofferenza u l-miżerja.

  • Il-kleru tal-knisja mhuwiex wieħed imħallas iżda hu magħmul mill-membri nnifishom li jaċċettaw ċerti essajnments u responsabbiltajiet.

  • Knisja fejn Ġesù Kristu u l-familji jinsabu fiċ-ċentru ta’ kollox, fejn il-membri jsumu darba fix-xahar u joffru l-flus biex jgħinu lill-foqra u lil dawk fil-bżonn, fejn jippromwovu drawwiet tajbin ta’ saħħa, fejn jgħallmuna biex noqogħdu ‘l bogħod minn sustanzi li jagħmlu ħsara.

Barra minn hekk:

  • Għoġobna ferm l-enfażi li jsir fuq l-avvanz personali, fuq l-edukazzjoni, fuq il-bżulija u l-awtodipendenza.

  • Aħna tgħallimna dwar il-programm umanitarju mill-aktar meraviljuż.

  • U verament impressjonajna ruħna bil-konferenzi ġenerali bil-mużika mill-isbaħ u l-prinċipji spiritwali profondi li ssemmgħu.

Meta rajna dan kollu, ma stajna nsibu xejn x’nikkritikaw fil-Knisja. Bil-kuntrarju, għoġobna verament dak kollu li rajna. Madankollu, aħna xorta waħda ma stajniex niddeċiedu jekk kellniex nitgħammdu għaliex ridna li l-ewwel insiru nafu kollox qabel nagħmlu dan.

Iżda, anke fid-deċiżjoni tagħna, il-Mulej, bil-paċenzja kollha, kien qed iħejjina, Huwa kien qed jiffurmana, u Hu kien qed jgħinna niskopru li aħna kellna bżonn nitgħallmu nagħrfu l-verità mhux biss permezz tal-moħħ razzjonali tagħna iżda wkoll permezz tal-leħen sieket u ċkejken tal-Ispirtu, li jkellem speċjalment lil qalbna.

Dak il-leħen u s-sentiment li nħossu fina minħabba fih aħna esperjenzajniehom f’ lejla partikolari wara 10 xhur li konna ilna nitgħallmu l-evanġelju, meta f’ Mosiah 18 aħna qrajna: “La intom qed turu x-xewqa li … ġġorru t-tagħbija ta’ xulxin, …u tfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ, … jekk din hi x-xewqa ta’ qalbkom, mela x’ għandkom kontra li titgħammdu f’ isem il-Mulej?”3

Dak il-passaġġ mill-Ktieb ta’ Mormon ħassejnieh jinfed qalbna u ruħna, u aħna mill-ewwel ħassejna u sirna nafu li, fil-verità, ma kienx hemm raġuni għalfejn ma kellniex nitgħammdu. Aħna rrealizzajna li x-xewqat imsemmija f’ dawn il-versi kienu wkoll ix-xewqat ta’ qalbna u ma kien hemm xejn aktar importanti minn hekk. Dan kien aktar importanti milli aħna nifhmu kull ħaġa għaliex aħna diġà konna nafu biżżejjed. Aħna minn dejjem konna nafdaw fil-gwida ta’ Missier tas-Smewwiet li tant iħobbna u konna ċerti li Hu kien lest ikompli jiggwidana.

Għalhekk, dak il-jum stess, aħna ffissajna data għall-magħmudija tagħna, u ma domniex ma tgħammidna, finalment!

Il-magħmudija tal-Presbiteru u Sister Held

X’tgħallimna aħna minn dik l-esperjenza?

L-ewwel, aħna tgħallimna li aħna nistgħu nafdaw kompletament f’Missier tas-Smewwiet li tant iħobbna, li kontinwament qed jipprova jgħinna nsiru n-nies li Hu jaf li kapaċi nsiru. Aħna kkonfermajna l-verità profonda ta’ kliemu meta Huwa qal, “Jiena nagħti lil ulied il-bnedmin linja wara linja, preċett wara preċett, ftit minn hawn u ftit minn hemm; u mberkin dawk li jagħtu kas tal-preċetti tiegħi, … għaliex huma jitgħallmu l-għerf; għaliex dak li jirċievi dan lilu jiena nagħtih aktar.”4

U t-tieni, aħna tgħallimna li, minbarra l-moħħ razzjonali tagħna, dimensjoni oħra biex niksbu l-għarfien tista’ tagħtina wkoll il-gwida u għarfien akbar. Huwa l-leħen sieket tal-Ispirtu s-Santu Tiegħu li jkellem lil ruħna kif ukoll lil moħħna.

Jiena nħobb inqabbel dan il-prinċipju mal-kapaċità viżwali tagħna. Missierna tas-Smewwiet mhux biss tana għajn fiżika waħda iżda tnejn. Permezz ta’ għajn waħda aħna kapaċi naraw b’mod adegwat, iżda t-tieni għajn tipprovdilna perspettiva oħra. Meta f’moħħna aħna npoġġu flimkien iż-żewġ perspettivi, huma jipproduċu immaġni tri-dimensjonali ta’ dak li jkollna madwarna.

Bl-istess mod, aħna ġejna mogħtija żewġ sorsi ta’ informazzjoni, permezz tal-kapaċitajiet fiżiċi u spiritwali tagħna. Perċezzjoni waħda li jipproduċi moħħna hi permezz tas-sensi fiżiċi tagħna u permezz tar-raġunar tagħna. Iżda permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, il-Missier ipprovdielna wkoll it-tieni perspettiva, li fil-verità hija l-aktar waħda importanti u dik reali, għaliex ġejja direttament mingħandu. Iżda peress li l-leħen sieket tal-Ispirtu ħafna drabi jkun wieħed verament sottili, bosta nies mhumiex konxji ta’ dak is-sors addizzjonali.

Meta aħna mbagħad nikkumbinaw ġewwa ruħna dawn iż-żewġ perspettivi, ikun hemm stampa waħda ċara li turi r-realtà tal-affarijiet kif fil-fatt huma. Fil-fatt, permezz tal-perspettiva addizzjonali tal-Ispirtu s-Santu, ċerti “realtajiet”, kif jidhru esklussivament permezz tal-għarfien mentali tagħna, jistgħu jiġu esposti bħala qarrieqa jew sempleċement ħżiena. Ftakru kliem Moroni: “U bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tistgħu tkunu tafu l-verità ta’ kollox.”5

Fil-31 sena li jiena ili membru tal-Knisja, jiena esperjenzajt ħafna drabi li jekk aħna nafdaw biss fuq il-moħħ razzjonali tagħna u niċħdu jew ma nagħtux kas l-għarfien spiritwali li nistgħu nirċievu permezz tal-leħen sieket u s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu, ikun bħallikieku qed ngħixu ħajjitna b’għajn waħda. Iżda b’ mod figurattiv, aħna fil-fatt ġejna mogħtija żewġ għajnejn. Hija biss il-kumbinazzjoni taż-żewġ perspettivi li tista’ tagħtina l-istampa vera u kompluta tal-veritajiet kollha u ta’ kull ħaġa li aħna nesperjenzaw f’ħajjitna, kif ukoll tal-għarfien sħiħ u profond tal-identità u l-għan tagħna bħala wlied Missierna l-ħaj tas-Smewwiet.

Dan ifakkarni f’dak li għallem sena ilu l-President Russell M. Nelson meta huwa qal li “fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.”6

Jiena sirt naf b’ ċertezza assoluta li:

  • Aħna għandna Missier tas-Smewwiet li tant iħobbna, u aħna lkoll konna qbilna li niġu hawn fid-dinja bħala parti minn pjan divin.

  • Ġesù hu l-Kristu; Huwa jgħix u hu s-Salvatur u l-Feddej Tiegħi.

  • Joseph, daqsxejn ta’ tifel raħħal, ġie msejjaħ u sar il-profeta setgħan li ta bidu għal din, id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet, bl-imfietaħ, bil-qawwa u bl-awtorità tagħha tas-saċerdozju mqaddes ta’ Alla.

  • Il-Ktieb ta’ Mormon huwa t-tieni xhud ta’ Ġesù Kristu u li l-familji ġew maħluqin biex jibqgħu flimkien għal dejjem.

  • Sidna Ġesù Kristu llum imexxi din il-Knisja rrestawrata Tiegħu, permezz tal-profeta ħaj tagħna, il-President Russell M. Nelson.

Din il-verità u veritajiet oħra prezzjużi saru blokok tal-bini spiritwali ta’ dak li Alla qed jgħinni nsir. U jiena nħares ‘il quddiem għal ħafna tagħlim ġdid li Huwa għad irid li jiena—u intom—nirċievu hekk kif aħna ngħixu din il-ħajja mill-isbaħ u “nitgħallmu … kemm permezz tal-istudju kif ukoll permezz tal-fidi.”

Jiena naf li dan kollu huwa veru u nixhed dwar dan f’ isem Ġesu Kristu, amen.