2010-2019
Neżerċitaw il-Muskoli Spiritwali Tagħna
April 2019 Konferenza Ġenerali


Neżerċitaw il-Muskoli Spiritwali Tagħna

Bħalma li naqraw u nitgħallmu dwar il-muskoli mhuwiex biżżejjed biex aħna nibnu l-muskoli tagħna, hekk ukoll li naqraw u nitgħallmu dwar il-fidi mingħajr ma nħaddmuha mhuwiex biżżejjed biex aħna nibnu l-fidi.

Jiena grat għall-barka li aħna ġejna mogħtijin ġisem fiżiku, li huwa rigal meraviljuż mingħand Missierna tas-Smewwiet. Ġisimna għandu aktar minn 600 muskolu.1 Bosta muskoli jeħtieġu l-eżerċizzju biex ikunu f’kundizzjoni li jwassluna biex inwettqu l-attivitajiet tagħna ta’ kuljum. Aħna nistgħu nagħmlu sforz kbir biex naqraw u nitgħallmu dwar il-muskoli tagħna, iżda jekk naħsbu li dan se jwassal biex insaħħuhom, aħna se nkunu verament iddiżappuntati. Il-muskoli tagħna jikbru biss meta aħna nużawhom.

Jiena sibt li d-doni spiritwali jaħdmu bl-istess mod. Jeħtieġ ukoll li nħaddmuhom biex jikbru. Id-don spiritwali tal-fidi, per eżempju, mhuwiex sempliċiment sentiment jew burdata; huwa prinċipju ta’ azzjoni li spiss narawha fl-iskrittura marbuta mal-verb eżerċizzju.2 Bħalma li naqraw u nitgħallmu dwar il-muskoli mhux biżżejjed biex aħna nibnu l-muskoli tagħna, hekk ukoll li naqraw u nitgħallmu dwar il-fidi mingħajr ma nħaddmuha mhuwiex biżżejjed biex aħna nibnu l-fidi.

Darba waħda, meta jiena kelli 16-il sena, ħija l-kbir, Ivan, li dak iż-żmien kellu 22 sena, ġie d-dar u qasam magħna bħala familja aħbar li kellu għalina. Huwa ddeċieda li jitgħammed fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Il-ġenituri tagħna ħarsu lejh b’mod daqsxejn xettiku, u niftakar li ma setgħux jifhmu għal kollox x’kien qed jiġri. Xi sena wara, huwa tana aħbar aktar sorprendenti; huwa ddeċieda li jservi bħala missjunarju tal-Knisja, li kien ifisser li ma konniex se narawh għal sentejn sħaħ. Il-ġenituri tiegħi xejn ma ħaduha tajba din l-aħbar; madankollu, jiena rajtu li kien verament determinat u dan wassal biex jien żidt l-ammirazzjoni tiegħi lejh u lejn id-deċiżjoni li kien ħa.

Xhur wara, waqt li Ivan kien qed iservi missjoni, jiena kelli l-opportunità li nippjana vaganza ma’ wħud minn sħabi tal-iskola. Aħna ridna niċċelebraw tmiem iż-żmien li qattajna fl-iskola sekondarja u ngħaddu ftit jiem ħdejn il-baħar.

Jiena ktibt ittra lil ħija l-missjunarju, fejn semmejt il-pjanijiet tiegħi għal vaganza tas-sajf. Huwa kitibli lura u qalli li l-belt fejn kien qed iservi kienet fit-triq li twassal għad-destinazzjoni tagħna. Jiena ddeċidejt li kienet tkun idea tajba li nieqaf hemm u mmur narah ftit. Kien biss wara li jiena sirt naf li l-missjunarji mhux suppost ikollhom żjarat mill-membri tal-familja.

Jiena għamilt l-arranġamenti kollha meħtieġa. Niftakarni bilqiegħda fuq tal-linja naħseb dwar kemm konna se nieħdu gost flimkien jien u Ivan f’dan il-jum sabiħ u xemxi. Stajna mmorru nieħdu l-kolazzjon flimkien, noqogħdu nitkellmu bejnietna, nilagħbu fir-ramel, nixxemxu—verament konna sa ngħaddu ħin niddevertu flimkien!

Hekk kif il-karozza tal-linja waslet fit-terminal, jiena rajt lil Ivan wieqaf ħdejn raġel ieħor żagħżugħ, it-tnejn li huma lebsin qmis bajda u ingravata. Jiena nżilt minn tal-linja, għannaqna lil xulxin, u hu introduċieni ma’ sieħbu. Mingħajr ma ħlejna ebda ħin, jien għidt lil ħija xi pjanijiet kelli għal dak inhar, iżda mur għidli x’kellu skedat Ivan matul dik il-ġurnata. Huwa ħares lejja, tbissem u qalli, “Mela le! Madankollu, l-ewwel jeħtieġ nieħdu ħsieb ċerti affarijiet. Trid tiġi magħna?” Jien qbilt li mmur, ħsibt li wara kien se jkollna biżżejjed ħin xi nqattgħu f’xatt il-baħar.

Dak inhar, għal aktar minn 10 sigħat, jiena bdejt indur fit-toroq ta’ dak il-villaġġ flimkien ma’ ħija u sieħbu. Għamilt ġurnata nitbissem lin-nies. Bdejt insellem nies li qatt f’ħajti ma’ ltqajt magħhom. Bdejna nkellmu lil kulħadd, inħabbtu fuq il-bibien ta’ nies ma nafuhomx, u nżuru nies li kienu qed jgħallmu ħija u sieħbu.

Waqt waħda minn dawn iż-żjajjar, ħija u sieħbu bdew jgħallmu dwar Ġesù Kristu u l-pjan tas-salvazzjoni. F’daqqa waħda, Ivan waqaf u ħares lejja. B’sorpriża għalija, bil-pulit talabni biex naqsam l-opinjoni tiegħi dwar dak li kienu qed jgħallmu. Fil-kamra waqa’ silenzju perfett, u għajnejn kulħadd waqgħu fuqi. B’ċerta diffikultà, jiena finalment sibt x’kelli ngħid u qsamt magħhom dak li kont inħoss dwar is-Salvatur. Ma kontx naf jekk dak li qsamt magħhom kienx tajjeb jew le. Ħija qatt ma kkoreġieni; pjuttost, huwa rringrazzjani talli qsamt magħhom ħsibijieti u dak li kont inħoss.

Waqt dawk il-ftit sigħat flimkien, ma kien hemm ebda ħin li fih ħija u sieħbu għaddew jgħallmu esklussivament lili, madankollu dak il-ħin jiena ksibt aktar għarfien milli qatt ksibt kull darba li tkellimt miegħu qabel. Stajt nara d-dehra fuq wiċċ in-nies tinbidel hekk kif huma rċevew ċertu dawl spiritwali f’ħajjithom. Jiena rajt kif xi wħud minnhom setgħu isibu t-tama fil-messaġġi u jien tgħallimt kif inservi lil ħaddieħor u ninsa lili nnifsi u x-xewqat tiegħi. Jien kont qed nagħmel dak li għallem is-Salvatur: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu.”3

Meta nħares lura, nirrealizza li l-fidi tiegħi kibret dak inhar għaliex ħija tani l-opportunità li napplikaha. Jiena eżerċitajt din il-fidi hekk kif aħna qrajna flimkien l-iskrittura, fittixna biex insibu lil minn stajna ngħallmu, qsamna it-testimonjanza tagħna, servejna lil ħaddieħor, eċċ. Ma kellniex ħin immorru nixxemxu dak inhar, iżda jien spiċċajt xemmixt qalbi bid-dawl tas-smewwiet. Ma rnexxieli nara l-ebda ramel fil-bajja, iżda jiena ħassejt il-fidi tiegħi tikber bħaż-żerriegħa żgħira tal-mustarda.4 Dak il-jum xemxi jiena m’għaddejtux bħala turist, iżda fih ksibt ċerti esperjenzi meraviljużi, u mingħajr ma’ rrealizzajt, jiena kont missjunarju—mingħajr lanqas biss kont membru tal-Knisja.

Opportunitajiet biex Insaħħu l-Muskoli Spiritwali

Grazzi għar-Restawrazzjoni tal-evanġelju, aħna nistgħu naslu biex nifhmu kif Missierna tas-Smewwiet jgħinna niżviluppaw id-doni spiritwali tagħna. Hemm aktar ċans li Huwa jagħtina ċerti opportunitajiet kif niżviluppaw dawk id-doni milli sempliċiment jagħtihomna bla ebda sforz spiritwali jew fiżiku min-naħa tagħna. Jekk aħna nkunu f’armonija mal-Ispirtu Tiegħu, aħna nitgħallmu nidentifikaw dawk l-opportunitajiet u mbagħad naġixxu b’mod xieraq.

Jekk aħna nfittxu li niksbu aktar paċenzja, aħna nafu nsibu lilna nfusna fil-bżonn li nipprattikawha waqt li nkunu qed nistennew tweġiba. Jekk irridu li jkollna aktar imħabba għal għajrna, aħna nistgħu napplikawha billi npoġġu bilqiegħda ħdejn xi ħadd ġdid fil-knisja. L-istess ħaġa bil-fidi: meta jiġuna d-dubji f’moħħna, ikun jeħtieġ li aħna nafdaw fil-wegħdiet tal-Mulej jekk irridu nimxu ‘l quddiem. B’dan il-mod, aħna qegħdin neżerċitaw il-muskoli spiritwali tagħna u niżviluppawhom f’sorsi ta’ qawwa f’ħajjitna.

Għall-ewwel probabbilment mhux se tkun ħaġa faċli, u taf anke tispiċċa sfida kbira mhux ħażin. Il-kliem tal-Mulej, permezz tal-profeta Moroni, japplika għalina llum: “U jekk il-bnedmin jiġu għandi jiena nurihom id-dgħjufija tagħhom. Jiena nagħti d-dgħjufija lill-bnedmin sabiex huma jkunu umli; u l-grazzja tiegħi hi suffiċjenti għal dawk il-bnedmin kollha li jkunu umli quddiemi; għaliex jekk huma jkunu umli quddiemi, u jkollhom il-fidi fija, imbagħad jiena nqawwihom fejn huma jinsabu dgħajfin.”5

Jiena grat għal ħija Ivan, li mhux biss qasam l-evanġelju miegħi iżda wkoll b’mod indirett stedinni biex ngħixu u nagħraf id-dgħjufijiet tiegħi. Huwa għenni naċċetta l-istedina tal-Imgħallem: “Ejja, imxi warajja”6—biex nimxi kif mexa s-Salvatur, infittex kif fittex is-Salvatur u nħobb kif iħobbna s-Salvatur. Xhur wara, wara l-esperjenza missjunarja tiegħi, jiena ddeċidejt li nitgħammed u nservi missjoni jiena wkoll.

Ejjew naċċettaw l-istedina tal-President Russell M. Nelson u intenzjonalment nimxu wara s-Salvatur7 billi nidentifikaw dawk il-muskoli li jeħtieġu l-aktar attività spiritwali u nibdew neżerċitawhom. Aktar minn xi sprint, din hija tellieqa fit-tul, maratona, għalhekk tinsewx dawk l-attivitajiet spiritwali żgħar iżda kostanti li se jsaħħu dawk il-muskoli spiritwali importanti. Jekk aħna rridu nkabbru l-fidi tagħna, mela ejjew nagħmlu dawk il-ħwejjeġ li jeħtieġu l-fidi.

Jiena naqsam ix-xhieda tiegħi li aħna wlied Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna. Ibnu, Ġesù Kristu, iħobbna. Huwa ġie fid-dinja biex jurina t-triq u mbagħad minn jeddu ta ħajtu biex jagħtina t-tama. Is-Salvatur jistedinna biex nimxu wara l-eżempju perfett Tiegħu, biex neżerċitaw il-fidi tagħna fih u fl-Att tal-Fidwa Tiegħu u nkabbru d-doni spiritwali kollha li ġejna mberkin bihom. Huwa t-triq. Din hija x-xhieda tiegħi f’isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja