2010-2019
Ħarsu lejn Ġesù Kristu
April 2019 Konferenza Ġenerali


Ħarsu lejn Ġesù Kristu

Jekk aħna nħarsu lejn Ġesù Kristu, Huwa jgħinna ngħixu l-patti tagħna u jkabbar is-sejħa tagħna bħala presbiteri f’ Iżrael.

Hekk kif Ġesù kien miexi fi triq qrib Kafarnahum1 b’folla kbira nies madwaru, waħda mara li kienet ilha tbati minn kundizzjoni serja għal 12-il sena marret fuqu u misset it-tarf tal-libsa Tiegħu. Hija fieqet mill-ewwel.2

L-iskrittura tgħid li Ġesù, konxju “li kienet ħarġet qawwa minnu,”3 “dar lejn il-kotra”4 u “beda jħares … biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan.”5 “Il-mara, meta rat li ma setgħetx tinħeba,”6 “nxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu.”7

Ġesù qalilha, “Agħmel il-qalb, binti: il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem.”8

Ġesù Kristu salva lil din il-mara. Hija fieqet fiżikament, iżda meta Ġesù dar lejha, hi ddikjarat il-fidi tagħha fih u Huwa fejqilha qalbha.9 Huwa kellimha b’imħabba, aċċertaha mill-approvazzjoni Tiegħu u berikha bis-sliem Tiegħu.10

L-aħwa, bħala nies li nħaddnu s-saċerdozju mqaddes, aħna ingaġġati fil-ħidma tas-salvazzjoni. Is-sena li għaddiet, il-Mulej għadda t-tmexxija ewlenija ta’ din il-ħidma f’idejn il-presbiteri f’Iżrael.11 Aħna ġejna mogħtija responsabbiltà ispirata mingħand il-Mulej—f’ħidma waħda ma’ ħutna n-nisa, aħna għandna nimministraw b’mod aktar qaddis, naħdmu b’urġenza akbar għall-ġabra ta’ Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu, nistabbilixxu djarna bħala santwarji ta’ fidi u tat-tagħlim tal-evanġelju, u nħejju d-dinja għat-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu.12

Bħal f’kull ħaġa oħra, is-Salvatur uriena t-triq: jeħtieġ li aħna nħarsu lejn Ġesù Kristu u nservuh kif Huwa ħares lejn Missieru u servieh.13 Dan hu kif is-Salvatur iddeskriva dan lill-Profeta Joseph:

“Ħares lejja f’kull ħsieb; tiddubitax, tibżax.

“Ara l-ġrieħi li nifdu ġenbejja, u wkoll il-marki tal-imsiemer f’idejja u f’riġlejja; ibqa’ fidil, żomm il-kmandamenti tiegħi, u inti għandek tiret is-saltna tas-smewwiet.”14

Fir-renju primortali Ġesù wiegħed lil Missieru li Hu kien sejjer jagħmel ir-rieda ta’ Missieru u jkun is-Salvatur u l-Feddej tagħna. Meta Missieru staqsa, “Lil min se nibgħat?”15 Ġesù wieġeb:

“Hawn jien, ibgħat lili.”16

“Missier, ikun li trid int, u l-glorja tkun tiegħek għal dejjem.”17

Tul il-ħajja mortali Tiegħu, Ġesù għex dik il-wegħda. B’umiltà, bil-ħlewwa u bl-imħabba Huwa għallem id-duttrina ta’ Missieru u wettaq il-ħidma ta’ Missieru bil-qawwa u bl-awtorità li tah Missieru.18

Ġesù ta qalbu għal Missieru. Huwa qal:

“Jiena nħobb lill-Missier.”19

“Jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.”20

“Jiena ġejt … mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda tal-Missier li bagħatni”21

Fl-agonija Tiegħu fil-Ġetsemani Huwa talab, “Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.”22

Meta l-Mulej isejjaħ il-presbiteri f’ Iżrael “ħarsu lejja f’ kull ħsieb” u “araw il-ġrieħi” fil-ġisem imqajjem mill-imwiet Tiegħu, din tkun sejħa biex aħna nitbiegħdu mid-dnub u mid-dinja u nduru lejh u nħobbuh u nobduh. Hija sejħa biex ngħallmu d-duttrina Tiegħu u nwettqu l-ħidma Tiegħu bil-mod li jrid Hu. Għalhekk, hi sejħa biex nafdaw fih kompletament, nirrinunzjaw ir-rieda tagħna u noffrulu qalbna, u permezz tal-qawwa feddejja Tiegħu nsiru bħalu.23

L-aħwa, jekk aħna nżommu ħarsitna fuq Kristu, Hu jberikkna biex inkunu l-presbiteri Tiegħu f’Iżrael—umli, ta’ karattru ħelu, sottomessi, mimlijin bl-imħabba Tiegħu.24 U aħna nwasslu l-ferħ u l-barkiet tal-evanġelju Tiegħu u tal-Knisja Tiegħu lill-familji tagħna u lil ħutna fuq iż-żewġ naħat tal-velu.

Il-President Russell M. Nelson sejħilna biex inħarsu lejn Ġesù Kristu b’ dan il-mod: “Mhix xi ħaġa faċli jew awtomatika li aħna nsiru dan it-tip ta’ dixxipli mimlijin qawwa. Jeħtieġ li aħna nkunu ffokati sewwa fuq is-Salvatur u l-evanġelju Tiegħu. Hemm bżonn ta’ sforz mentali min-naħa tagħna biex aħna nibqgħu dejjem inħarsu lejh f’ kull ħsieb. Iżda meta aħna nagħmlu dan, id-dubji u l-beżgħat tagħna jgħibu.”25

Tirbatti hija kelma importanti. Tfisser li twaħħal tajjeb, tikkonċentra u tassigura bis-serjetà.26 Aħna nirbattu l-attenzjoni tagħna fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu billi ngħixu l-patti tagħna.

Meta aħna ngħixu l-patti tagħna, huma jinfluwenzaw kull ħaġa li aħna ngħidu u nagħmlu. Aħna ngħixu ħajja ta’ patt27 mimlija b’atti sempliċi ta’ fidi li aħna nwettqu kuljum, li huma ffukati fuq Ġesù Kristu: nitolbu minn qalbna f’isem il-Mulej, niffesteġġjaw permezz tal-kelma Tiegħu, induru lejh biex nindmu minn dnubietna, inżommu l-kmandamenti Tiegħu, nieħdu sehem fis-sagrament u nqaddsu l-jum Tiegħu tas-Sabbath, inqimu fit-tempju mqaddes Tiegħu kemm jista’ jkun possibbli, u neżerċitaw is-saċerdozju mqaddes Tiegħu biex inservu lil ulied Alla.

Dawn l-għemejjel ta’ devozzjoni lejn il-patt tagħna jiftħulna qalbna u moħħna għall-qawwa feddejja tas-Salvatur u l-influwenza mqaddsa tal-Ispirtu s-Santu. Linja wara linja, is-Salvatur jibdel l-istess natura tagħna, il-konverżjoni tagħna lejh issir waħda aktar profonda u l-patti tagħna jieħdu l-ħajja f’qalbna.28

Il-wegħdiet li aħna nagħmlu ma’ Missierna tas-Smewwiet isiru impenn b’saħħtu, ix-xewqat kbar tagħna. Il-wegħdiet li jagħmlilna Missierna tas-Smewwiet jimlewna bil-gratitudni u l-ferħ.29 Il-patti tagħna ma jibqgħux aktar regoli li għandna nimxu warajhom iżda jsiru prinċipji għeżież li jispirawna u jiggwidawna u jirbattuna ma’ Ġesù Kristu.30

Dawn l-atti ta’ devozzjoni huma disponibbli għal kulħadd, żgħar u kbar. Intom il-ġuvintur li tħaddnu s-Saċerdozju Aroniku mqaddes, dak kollu li għandi xi ngħid illejla japplika għalikom. Nirringrazzja lil Alla għalikom. Kull ġimgħa intom tagħmluha possibli li ċerti ordinanzi u patti sagri jkunu disponibbli għal miljuni ta’ Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Meta intom tħejju, tbierku jew tgħaddu s-sagrament; timministraw; tgħammdu fit-tempju; tistiednu xi ħabib għal xi attività; jew tgħinu fis-salvataġġ ta’ xi membru tal-kworum, intom tkunu qed twettqu l-ħidma tas-salvazzjoni. Intom ukoll tistgħu tħarsu lejn Ġesù Kristu u tgħixu kuljum il-patti tagħkom. Jiena nwegħidkom li jekk tagħmlu dan, intom bħalissa tkunu l-qaddejja leali tal-Mulej u, dalwaqt, il-presbiteri setgħana f’Iżrael.

L-aħwa, jiena naf li dan kollu jaf jinstama’ xi ftit intimidanti. Iżda jekk jogħġobkom ftakru dan il-kliem tas-Salvatur: “Iżda waħdi m’iniex, għax il-Missier huwa miegħi.”31 L-istess nistgħu ngħidu għalina. Aħna m’aħniex weħidna. Il-Mulej Ġesù Kristu u Missierna tas-Smewwiet iħobbuna u Huma jinsabu magħna.32 Peress li Ġesù ħares lejn Missieru u wettaq is-sagrifiċċju kbir tal-att tal-fidwa, aħna nistgħu nħarsu lejn Ġesù Kristu bl-assigurazzjoni li Huwa lest li jgħinna.

Ħadd minna mhu perfett. Xi kultant neħlu. Nispiċċaw naljenaw ruħna jew naqtgħu qalbna. Nitfixklu. Iżda jekk inħarsu lejn Ġesù Kristu b’qalb niedma Huwa jelevana, inaddafna mid-dnub, jaħfrilna u jfejjaq qalbna. Huwa paċenzjuż u twajjeb; l-imħabba feddejja Tiegħu ma tintemm qatt.33 Huwa jgħinna ngħixu l-patti tagħna u jkabbar is-sejħa tagħna bħala presbiteri f’ Iżrael.

U l-Missier iberikkna b’dak kollu meħtieġ biex iġib fis-seħħ l-għanijiet Tiegħu—“ħwejjeġ … kemm fis-sema u kemm fl-art, il-ħajja u d-dawl, l-Ispirtu u l-qawwa, mibgħuta lilna skont ir-rieda tal-Missier permezz ta’ Ġesù Kristu, Ibnu.”34

Meta aħna nirċievu d-dawl divin u l-qawwa divina f’ħajjitna, iseħħu tliet ħwejjeġ mirakolużi:

L-ewwel, aħna nkunu nistgħu naraw! Permezz tar-rivelazzjoni aħna nibdew inħarsu lejn ħaddieħor kif Ġesù ħares lejn il-mara: skont dak li hemm fil-qalb.35 Hekk kif aħna nħarsu lejn l-oħrajn kif iħares lejhom Ġesù, Huwa jberikkna biex inħobbu lil dawk li aħna nservu bl-imħabba Tiegħu. U bl-għajnuna Tiegħu, dawk li aħna nservu jkunu jistgħu jaraw lis-Salvatur u jħossu l-imħabba Tiegħu.36

It-tieni, aħna għandna l-qawwa tas-saċerdozju! Aħna għandna l-awtorità u l-qawwa li naġixxu f’isem Ġesu Kristu “biex inbierku, niggwidaw, nipproteġu, insaħħu u nfejqu lil ħaddieħor” u nwasslu l-mirakli lil dak li nħobbu u nżommu ż-żwiġijiet u l-familji tagħna ‘l bogħod mill-periklu.37

It-tielet, Ġesù Kristu jimxi magħna! Fejn immorru, Huwa jmur. Meta ngħallmu, Huwa jgħallem. Meta nfarrġu, Huwa jfarraġ. Meta nbierku, Huwa jbierek.38

L-Aħwa, m’għadniex verament raġuni għalfejn nifirħu? U żgur li għandna! Aħna nħaddnu s-saċerdozju mqaddes ta’ Alla. Hekk kif aħna nħarsu lejn Ġesù Kristu, ngħixu l-patti tagħna u nirbattu l-attenzjoni tagħna fuqu, aħna ningħaqdu ma’ ħutna n-nisa u nimministraw b’mod aktar qaddis, niġbru flimkien lil ulied Iżrael li jinsabu mferrxin fuq iż-żewġ naħat tal-velu, insaħħu u nissiġillaw il-familji tagħna u nħejju d-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej Ġesù Kristu. Dan żgur se jseħħ. Jiena nagħti xhieda ta’ dan.

Nagħlaq b’din it-talba minn qalbi, li lkoll kemm aħna, inħarsu lejn Ġesù Kristu f’ kull ħsieb. Tiddubitawx. Tibżgħux. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. James E. Talmage jgħid li Ġesù kien “viċin Kafarnahum” meta seħħ dan il-fejqan (ara Jesus the Christ [1916], 313).

  2. Ara Luqa 8:43–44; ara wkoll Mattew 9:20–21; Mark 5:25–29.

  3. Luqa 8:46.

  4. Mark 5:30.

  5. Mark 5:32.

  6. Luqa 8:47.

  7. Mark 5:33.

  8. Luqa 8:48.

  9. James E. Talmage kiteb li ta’ valur akbar għal din il-mara mill-fejqan fiżiku tagħha kienet l-assigurazzjoni li s-Salvatur kien laqa’ x-xewqa ta’ qalbha, u li Hu aċċetta l-fidi tagħha (ara Jesus the Christ, 318). Ġesù fejjaqha fiżikament u spiritwalment u fetħilha t-triq għas-salvazzjoni.

  10. Tajjeb li wieħed ikun jaf li Ġajru, il-kap tas-sinagoga, kien ma’ Ġesù meta seħħ dan il-fejqan. Ġesù kien fi triqtu lejn id-dar ta’ Ġajru fejn hemm kien se jqajjem lit-tifla ta’ Ġajru mill-mewt. Il-mara li Ġesù fejjaq probabbilment spiċċat tkeċċiet ’il barra mis-sinagoga minħabba l-marda li kellha. Meta Ġesù fejjaqha, Huwa għamilha wkoll ċara ma’ kull min kien hemm, fosthom Ġajru, li hija kienet bint għażiża, mara ta’ fidi u li kienet imfejqa kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu.

  11. Ara D. Todd Christofferson, “Il-Kworum tal-Presbiteri” (Liahona, Mejju 2018, 55–58) għal diskussjoni dwar it-tibdil biex f’qasam jinħoloq kworum wieħed tas-Saċerdozju Melkisedeku. L-għan ta’ dik il-bidla ġie deskritt b’dan il-mod fis-sezzjoni Mistoqsijiet Frekwenti tal-websajt dwar il-Ministeru: “Li f’qasam ikollna kworum wieħed tas-Saċerdozju Melkisedeku jwassal għall-għaqda bejn dawk li jħaddnu s-saċerdozju biex huma jwettqu l-aspetti kollha tal-ħidma tas-salvazzjoni, fosthom il-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja li qabel kienet tiġi kkoordinata mill-gruppi tal-qassisin il-kbar” (“This Is Ministering: Frequently Asked Questions,” question 8, ministering.ChurchofJesusChrist.org).

    Dan it-tibdil sussegwenti poġġa lill-mexxej tal-missjoni tal-qasam u l-mexxej il-ġdid tat-tempju u l-istorja tal-familja fil-qasam taħt id-direzzjoni tal-presidenza tal-kworum tal-presbiteri. Bil-ministeru lill-familji diġà taħt id-direzzjoni tal-presidenza, dan it-tibdil poġġa t-tmexxija tal-ħidma tas-salvazzjoni fil-kwora tal-presbiteri, assistiti mis-Soċjetajiet tal-Għajnuna. Bla dubju, l-isqof iħaddan l-imfietaħ tal-ħidma tas-salvazzjoni fil-qasam, iżda hu jiddelega r-responsabbiltà u l-awtorità għal dik il-ħidma lill-president tal-kworum tal-presbiteri ħalli l-isqof ikun jista’ jqatta’ aktar ħin jimministra l-familja tiegħu, isaħħaħ iż-żgħażagħ u jservi bħala imħallef f’Iżrael.

  12. Ara Russell M. Nelson, “Ejjew ‘il Quddiem,” Liahona, Mejju 2018, 118–19; Russell M. Nelson, “Insiru Qaddisin tal-Aħħar Jiem Eżemplari,” Liahona, Nov. 2018, 113–14; Quentin L. Cook, “Konverżjoni Profonda u Dejjiema lejn Missierna tas-Smewwiet u Sidna Ġesù Kristu,” Liahona, Nov. 2018, 8–12.

  13. Il-Missier bagħat lil Ġesù Kristu fid-dinja (ara Ġwanni 17:18).

  14. Doctrine and Covenants 6:36–37.

  15. Abraham 3:27.

  16. Abraham 3:27.

  17. Moses 4:2.

  18. Hemm għadd ta’ referenzi fl-iskrittura li jsemmu ċerti dikjarazzjonijiet li għamel Ġesù dwar li Huwa t-twettiq tiegħu tal-ħidma ta’ Missieru u t-tagħlim mingħandu tad-duttrina ta’ Missieru. Ara, per eżempju, Ġwanni 5:19 (Ġesù jagħmel dak li jara l-Missier jagħmel); Ġwanni 5:36 (Lill-Ibnu l-Missier tah ħidma xi jwettaq); Ġwanni 8:26 (Ġesù għallem dak li Hu rċieva mingħand Missieru); Ġwanni 14:28 (Ġesù ddikjara, “Il-Missieri hu akbar minni”); 3 Nephi 11:32 (Id-duttrina Tiegħu hija d-duttrina li tah Missieru).

  19. Ġwanni 14:31.

  20. Ġwanni 8:29.

  21. Ġwanni 6:38; ara wkoll Ġwanni 5:30.

  22. Luqa 22:42.

  23. It-tifsira tal-kelma ħarsu f’ dan il-passaġġ (ara Doctrine and Covenants 6:36–37) tikkorrispondi mas-sejħa tal-Mulej: li tiffaċċja (jew iddur lejn); li tiġbed l-attenzjoni ta’ xi ħadd; li tiddependi minn; li tfittex għal; li tistenna b’tama; li jkollok xi ħaġa f’moħħok; li tistenna jew tantiċipa (ara merriam-webster.com, “look”).

  24. Ara Doctrine and Covenants 121:41-42. Il-kwalitajiet bħal ta’ Kristu li jissemmew fl-iskrittura huma d-don tal-Ispirtu li niksbuhom permezz tal-ħniena u l-grazzja ta’ Ġesù Kristu. Dan hu dak li jagħmel il-presbiteri f’Iżrael il-presbiteri Tiegħu .

  25. Russell M. Nelson, “Nirċievu l-Qawwa ta’ Ġesù Kristu f’Ħajjitna,” Liahona, Mejju 2017, 41.

  26. Ara merriam-webster.com, “rivet.”

  27. Għal diskussjoni dwar il-kunċett ta’ ħajja tal-patt, ara Donald L. Hallstrom, “Living a Covenant Life,” Ensign, Ġunju 2013, 46–49. Dan l-artiklu ġie adattat minn diskors itwal ġo l-Università ta’ Brigham Young–Idaho f’ Mejju 2011. Għall-verżjoni itwal, ara Donald L. Hallstrom, “A Covenant Life” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young–Idaho, 10 ta’ Mejju, 2011), byui.edu.

  28. Ara Ġeremija 31:31–33, fejn il-Mulej iddikjara li Hu se jagħmel patt ġdid mad-dar ta’ Iżrael imnaqqax fuq qalbhom. Din l-immaġni tal-patti mnaqqxa fuq qalbna, jew patti li jieħdu l-ħajja f’qalbna, insibuha wkoll fil-kitbiet ta’ Pawlu (ara 2 Korintin 3:3; Lhud 8:10). Għal diskussjoni dwar il-konverżjoni u l-qalb, ara David A. Bednar, “Converted unto the Lord,” Liahona, Nov. 2012, 106–9.

  29. It-talba sagramentali fuq il-ħobż tesprimi b’ mod sabiħ in-natura tar-relazzjoni tal-patti tagħna ma’ Missierna tas-Smewwiet. Fil-pjan tas-salvazzjoni tal-Missier aħna nagħmlu ċerti patti ma’ Missierna tas-Smewwiet, iżda l-għan tal-patti tagħna jiġi fis-seħħ u aħna nikkwalifikaw għall-barkiet imwiegħda permezz tal-Mulej Ġesù Kristu; Huwa Hu l-Medjatur. Fl-ordinanza tas-sagrament aħna nixhdu mal-Missier (u fil-fatt inkunu qed nerġgħu nagħmlu patt Miegħu) li aħna lesti nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu, dejjem niftakru fih u lesti nżommu l-kmandamenti Tiegħu, sabiex ikollna dejjem l-Ispirtu Tiegħu (l-Ispirtu s-Santu) magħna.

    Id-doni fil-wegħdiet tal-Missier niskbuhom permezz tal-qawwa feddejja u li ssaħħaħna ta’ Ġesù Kristu. Per eżempju, kif għallimna l-President Russell M. Nelson, Ġesù Kristu huwa s-sors ta’ kull ferħ (ara “Il-Ferħ u s-Sopravivenza Spiritwali,” Liahona, Nov. 2016, 82). Għalhekk, li nirbattu l-attenzjoni tagħna fuq Ġesù Kristu twasslilna l-ferħ f’ħajjitna, tkun xi tkun iċ-ċirkustanza.

  30. Il-President Ezra Taft Benson iddeskriva l-impatt ta’ din il-bidla fl-attitudni u l-orjentazzjoni meta huwa qal, “Meta l-ubbidjenza ma tibqax tkun xi ħaġa li tirritana iżda ssir l-għaxqa tagħna, preċiżament f’ dak il-mument Alla jimlina bil-qawwa” (f’ Donald L. Staheli, “Obedience—Life’s Great Challenge,” Ensign, Mejju 1998, 82).

  31. Ġwanni 16:32.

  32. Għal aktar diskussjoni dwar il-fatt tal-interess, tal-imħabba, u l-involviment tal-Missier u l-Iben f’ħajjitna, ara Jeffrey R. Holland, “The Grandeur of God,” Liahona, Nov. 2003, 70–73; Henry B. Eyring, “Imxu Miegħi,” Liahona, Mejju 2017, 82–85. Ara wkoll Mattew 18:20; 28:20; Doctrine and Covenants 6:32; 29:5; 38:7; 61:36; 84:88.

  33. Ara Rumani 8:35–39; 1 Korintin 13:1–8; Moroni 7:46–47.

  34. Doctrine and Covenants 50:27. Innotaw li l-Mulej jagħti lil dawk li huma ordnati u mibgħuta, din il-wegħda speċifika, li hi limitata biss għal ċerti essajnments partikolari mogħtija lilu:

    “Dak hu wkoll maħtur biex ikun l-akbar, minkejja li hu l-iċken u qaddej ta’ kulħadd.

    “Għalhekk, hu jippossjedi kull ħaġa; għaliex kollox hu suġġett tiegħu, kemm fis-sema u kemm fl-art, il-ħajja u d-dawl, l-Ispirtu u l-qawwa, mibgħuta lilna skont ir-rieda tal-Missier permezz ta’ Ġesù Kristu, Ibnu.

    “Iżda l-ebda bniedem ma jista’ jippossjedi kull ħaġa jekk hu ma jkunx ippurifikat u mnaddaf minn kull dnub.

    “U jekk intom tkunu ppurifikati u mnaddfin minn kull dnub, għandkom titolbu dak kollu li tridu f’isem Ġesù u jingħatalkom” (Doctrine and Covenants 50:26–29).

  35. Ara 1 Samwel 16:7; 1 Korintin 2:14. Għal eżempju ta’ dil-barka li nħarsu lejn l-oħrajn kif iħares lejhom Ġesù, araw ir-rakkont tal-President Henry B. Eyring dwar l-esperjenza tiegħu bħala isqof ta’ żagħżugħ li kkommetta reat. Il-Mulej qal lil dak li dak iż-żmien kien l-Isqof Eyring, “Se nippermettilek li tarah kif narah jien” (“Imxu Miegħi,” 84).

  36. Din hi l-wegħda u l-kmand li s-Salvatur ta lin-nies li kienu fit-tempju ta’ Kutran. Huwa talabhom biex jgħixu b’tali mod li d-dawl Tiegħu u l-eżempju Tiegħu jkunu jidhru fihom, ħalli huma jkunu jistgħu jżommuh bħala d-dawl tad-dinja f’ħajjithom u f’kull stedina li huma jagħmlu biex ħaddieħor jersaq lejh. Hekk kif id-dixxipli Tiegħu jgħixu hekk u jistiednu lil ħaddieħor f’ dan l-ispirtu, ħaddieħor ikun jista’ jħossu u jarah fil-qaddejja tal-Mulej. (Ara 3 Nephi 18:24–25.)

  37. Ara Russell M. Nelson, “Il-Prezz Li Jagħmlek Eleġibbli għall-Qawwa tas-Saċerdozju,” Liahona, Mejju 2016, 68.

  38. Ara Doctrine and Covenants 84:88.

Ipprintja