2010-2019
Il-Qawwa tal-Fidi li Ssostni
April 2019 Konferenza Ġenerali


Il-Qawwa tal-Fidi li Ssostni

Billi tgħollu jdejkom biex issostnu, intom tagħmlu wegħda ma’ Alla, li Tiegħu intom il-qaddejja, li intom se ssostnuhom.

Mhux l-ewwel darba li smajt ċerti mexxejja tas-saċerdozju joffru r-ringrazzjament tagħhom għall-fidi li ssostni ta’ dawk li huma jservu. Mil-leħen emozzjonat tagħhom, mill-ewwel tindunaw li l-gratitudni tagħhom hija waħda profonda u reali. L-għan tiegħi llum hu li nwasslilkom l-apprezzament tal-Mulej talli intom issostnu l-qaddejja Tiegħu fil-Knisja Tiegħu. Huwa wkoll biex inħeġġiġkom sabiex teżerċitaw il-qawwa lil ssostnu lill-oħrajn bil-fidi tagħkom u tikbru f’din l-istess qawwa.

Qabel ma twelidtu, din il-qawwa intom urejtuha. Aħsbu ftit dwar l-għarfien tagħna dwar id-dinja tal-ispirti qabel aħna twelidna. Missierna tas-Smewwiet ippreżenta pjan għal uliedu. Aħna konna hemm. Luċifru, ħuna bħala spirtu, oppona l-pjan li kien se jagħtina ċ-ċans li nkunu ħielsa biex nagħżlu. Ġehova, l-Iben il-Maħbub ta’ Missierna tas-Smewwiet, sostna dan il-pjan. Luċifru mexxa r-ribelljoni. Il-leħen ta’ sosteniment ta’ Ġehova rebaħ, u Hu offra li jkun is-Salvatur tagħna.

Il-fatt li issa intom tinsabu f’din il-ħajja mortali jaċċertakom li intom sostnejtu lilll-Missier u lis-Salvatur. Kien jeħtieġ li jkollkom fidi f’ Ġesù Kristu biex issostnu l-pjan ta’ ferħ u l-irwol ta’ Ġesù Kristu f’dan il-pjan meta ftit li xejn kontu tafu dwar l-isfidi li kontu se tiffaċċjaw fil-mortalità.

Il-fidi tagħkom li ssostnu lill-qaddejja ta’ Alla kienet fil-qalba tal-ferħ tagħkom f’din il-ħajja wkoll. Meta intom aċċettajtu l-isfida missjunarja li titolbu biex tkunu tafu li l-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma ta’ Alla, intom kellkom il-fidi li ssostnu qaddej tal-Mulej. Meta intom aċċettajtu l-istedina li titgħammdu, intom sostnejtu qaddej umli ta’ Alla.

Meta intom ħallejtu lil xi ħadd ipoġġi jdejh fuq raskom u jgħid, “Irċievi l-Ispirtu s-Santu,” intom sostnejtuh bħala wieħed li jħaddan is-Saċerdozju Melkisedeku.

Minn dak inhar ’l hawn, bis-servizz kollu fedeltà tagħkom, intom sostnejtu kull persuna li lilkom tatkom is-saċerdozju u lil dawk kollha li ordnawkom f’uffiċċju f’dak is-saċerdozju.

Fl-ewwel żminijiet tal-esperjenza tas-saċerdozju tagħkom, kull sosteniment tagħkom kien avveniment sempliċi li fih urejtu l-fiduċja tagħkom f’qaddej ta’ Alla. Illum, ħafna minnkom għaddejtu għal pożizzjoni fejn teħtieġu aktar fiduċja biex isostnu.

Intom għażiltu li ssostnu lil dawk kollha li l-Mulej isejjaħ—hi x’inhi s-sejħa li jsejħilhom fiha l-Mulej. Din l-għażla sseħħ f’konferenzi madwar id-dinja kollha. Għadha kif seħħet f’din il-konferenza. F’dawn il-laqgħat, jinqraw numru ta’ ismijiet ta’ rġiel u nisa—qaddejja ta’ Alla—u intom tiġu mistednin biex tgħollu jdejkom biex issostnuhom. Intom tistgħu tirrifjutaw li ssostnuhom, jew tistgħu formalment twiegħdu l-fidi li ssostni tagħkom. Billi tgħollu jdejkom biex issostnu, intom tkunu qed tagħmlu wegħda. Intom tagħmlu wegħda ma’ Alla, li Tiegħu intom il-qaddejja, li intom se ssostnuhom.

Dawn huma nies imperfetti, bħalkom. Li żżommu l-wegħdiet tagħkom iwassalkom biex ikollkom fidi soda li kien il-Mulej li sejħilhom. Li intom iżżommu dawk il-wegħdiet iġibilkom ukoll ferħ etern. Li ma żżommuhomx iwassal għan-niket, kemm tagħkom kif ukoll tal-maħbubin tagħkom—u anke għal telfien aktar milli tistgħu timmaġinaw.

Intom tafu ġejtu, jew se tiġu, mistoqsijin, jekk intom issostnux lill-isqof tagħkom, lill-president tal-wited tagħkom, lill-Awtoritjiet Ġenerali u l-Uffiċjali Ġenerali tal-Knisja. Dan jaf iseħħ hekk kif intom tintalbu biex issostnu l-uffiċjali u l-mexxejja f’xi konferenza. Xi kultant dan jaf iseħħ waqt xi intervista mal-isqof jew mal-president tal-wited.

Il-kunsill tiegħi hu li intom tistaqsu lilkom infuskom dawk il-mistoqsijiet minn qabel, bl-għajnuna tat-talb, bil-ħsieb u bir-reqqa. Hekk kif intom tagħmlu dan, f’moħħkom jafu jfeġġu ċerti ħsibijiet, ċertu kliem u ċerti għemejjel riċenti. Ippruvaw ftakru u aħsbu dwar it-tweġibiet li intom se tagħtu meta jintervistakom il-Mulej, intom li tafu li xi darba żgur se jagħmel dan. Tistgħu titħejjew billi tistaqsu lilkom infuskom mistoqsijiet bħal dawn li ġejjin:

  1. Għaddew xi ħsibijiet minn moħħi jew tkellimt dwar id-dgħjufija umana fin-nies li jiena wegħidt li se nsostni?

  2. Jien qgħadt infittex li jkolli evidenza li huma jinsabu mmexxija mill-Mulej?

  3. Jiena mxejt kuxjenzjożament wara t-tmexxija tagħhom b’lealtà?

  4. Tkellimt jien ma’ xi ħadd dwar l-evidenza li nista’ nara li huma qaddejja ta’ Alla?

  5. Nitlob jien għalihom billi nsemmi isimhom regolarment u b’sentiment ta’ mħabba?

Dawn il-mistoqsijiet jafu, għal xi wħud minna, jwasslulna biex inħossuna xi ftit skomdi u fil-bżonn li nindmu. Aħna mitlubin minn Alla biex ma niġġudikawx lil ħaddieħor b’mod inġust, iżda fil-prattika, insibu li dil-ħaġa diffiċli nevitawha. Kważi kull ħaġa li nagħmlu meta naħdmu ma’ nies oħra twassalna biex nevalwawhom. U kważi f’kull aspett ta’ ħajjitna, aħna nqabblu lilna nfusna mal-oħrajn. Aħna nafu nagħmlu dan għal diversi raġunijiet, xi wħud wieħed jifhimhom, iżda dan spiss iwassal biex wieħed jispiċċa jikkritika.

Il-President George Q. Cannon ta twissija li se ngħidhielkom daqslikieku qed nagħmilha jiena stess. Jien nemmen li huwa tkellem il-verità: “Alla għażel il-qaddejja Tiegħu. Huwa jrid li tkun il-prerogattiva Tiegħu li jikkundannahom jekk ikollhom bżonn il-kundanna. Huwa lilna ma taniex ir-responsabbiltà li individwalment niċċensurawhom u nikkundannawhom. L-ebda bniedem, sod kemm hu sod fil-fidi, għoli kemm hu għoli l-uffiċċju tiegħu fis-Saċerdozju, ma jista’ jitkellem ħażin dwar il-magħżulin tal-Mulej u jsib xi difett fl-awtorità ta’ Alla fid-dinja mingħajr ma jkun qed jistieden id-diżappunt Tiegħu. L-Ispirtu s-Santu jispiċċa jitbiegħed minn bniedem bħal dan, u huwa jispiċċa jimxi fid-dlam. Konsegwentement, m’intomx taraw kemm hu verament importanti li noqogħdu attenti?”1

Jien ninnota li l-membri tal-Knisja madwar id-dinja huma ġeneralment leali lejn xulxin u lejn dawk li jippresedu fuqhom. Madankollu, hemm ċertu titjib li nistgħu u għandna nagħmlu. Aħna nistgħu nitjiebu fil-qawwa tagħna li nsostnu lil xulxin. Din il-ħaġa teħtieġ minna fidi akbar u sforz akbar. Dawn huma erba’ suġġerimenti li se nagħmel biex jgħinuna waqt din il-konferenza.

  1. Aħna nistgħu nidentifikaw ċerti ħwejjeġ speċifiċi li jirrakkomandaw il-kelliema u nibdew nimplimentawhom mil-lum stess. Hekk kif nagħmlu dan, il-qawwa tagħna li nsostnu tikber.

  2. Aħna nistgħu nitolbu għalihom waqt li jitkellmu ħalli l-Ispirtu s-Santu jinstalla kliemhom ġewwa l-qalb ta’ xi nies speċifiċi li aħna nħobbu. Meta aktar tard aħna nitgħallmu li t-talb tagħna ġie mismugħ, il-qawwa tagħna li nsostnu lil dawk il-mexxejja tikber.

  3. Aħna nistgħu nitolbu li ċerti kelliema speċifiċi jkunu mberkin u jingħataw aktar qawwa meta huma jgħaddu l-messaġġi tagħhom. Meta aħna naraw li huma ġew mogħtija aktar qawwa, aħna nikbru fil-fidi tagħna li nsostnuhom, u l-istess fidi tagħna tkompli tissaħħaħ.

  4. Aħna nistgħu noqogħdu attenti għal ċerti messaġġi li jagħtuna l-kelliema li jkunu għalina tweġiba għat-talb li aħna tlabna b’mod personali biex jgħinna. Meta nisimgħu t-tweġiba, li tasal żgur, aħna nikbru fil-fidi tagħna li nsostnu l-qaddejja tal-Mulej.

Minbarra li nitjiebu fis-sosteniment tagħna ta’ dawk li jservu fil-Knisja, aħna nitgħallmu li jeżisti post ieħor li fih aħna nistgħu nikbru f’din il-qawwa. F’dan il-post nafu niksbu saħansitra barkiet akbar. Dan huwa fid-dar u fil-familja.

Jiena se nindirizza lil dak iż-żagħżugħ li jħaddan is-saċerdozju li jgħix f’dar ma’ missieru. Ippermettili nkellmek mill-esperjenza tiegħi xi jfisser għal missier li jħoss il-fidi ta’ sosteniment tiegħek. Għalik huwa jaf jidher kunfidenti mhux ħażin. Iżda hu jiffaċċja aktar sfidi milli taf bihom int. Xi kultant ma jkunx jista’ jara fejn sejjer bil-problemi li jkollu quddiemu.

L-ammirazzjoni tiegħek għalih żgur li tgħinu. L-imħabba tiegħek għalih tasal biex tgħinu saħansitra aktar. Iżda l-aktar ħaġa li l-aktar tgħinu hija kliem sinċier bħal dan: “Pa, jiena tlabt għalik, u nħoss li l-Mulej sejjer jgħinek. Kollox se jkun sew. Naf li hekk se jkun.”

Kliem bħal dan għandu wkoll il-qawwa li tgħaddi mill-missier għat-tifel. Meta t-tifel ikun wettaq xi żball serju, li jaf ikun ta’ natura spiritwali, hu jaf iħossu li jkun falla. Bħala missieru, f’dak il-mument, inti taf tissorprendi ruħek meta, wara li titlob biex tkun taf x’għandek tagħmel, l-Ispirtu s-Santu jpoġġi dak il-kliem fuq fommok: “Ibni, jien ninsab miegħek f’dak kollu li tagħmel. Il-Mulej iħobbok. Bl-għajnuna Tiegħu, inti tista’ terġa’ lura fit-triq it-tajba. Naf li tista’ tagħmel dan u li se jirnexxilek. Inħobbok.”

Fil-kworum tas-saċerdozju u fil-familja, il-fidi akbar li aħna niksbu biex insostnu lil xulxin hija l-mod kif aħna nistgħu nibnu s-Sijon li jridna noħolqu l-Mulej. Bl-għajnuna Tiegħu aħna kapaċi nagħmlu dan, u hekk se nagħmlu. Se jkollna bżonn inkomplu nitgħallmu biex inkunu nistgħu nħobbu lill-Mulej b’qalbna kollha, bil-qawwa tagħna kollha u b’moħħna kollu u nħobbu lil xulxin bħal ma nħobbu lilna nfusna.

Hekk kif aħna nikbru f’dik l-imħabba safja ta’ Kristu, qalbna tirtab. Dik l-imħabba twassal biex inkunu aktar umli u biex nindmu. Il-fiduċja tagħna fil-Mulej u f’xulxin tikber. U mbagħad aħna nkunu aktar lesti li nsiru ħaġa waħda, kif il-Mulej wegħidna li nistgħu nkunu.2

Jiena nixhed li Missierna tas-Smewwiet jafkom u jħobbkom. Ġesù hu Kristu l-ħaj. Din hi l-Knisja Tiegħu. Aħna nħaddnu s-saċerdozju Tiegħu. Huwa jonora l-isforzi tagħna biex nikbru fil-qawwa tagħna li neżerċitawh u li nsostnu lil xulxin. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Gospel Truth: Discourses and Writings of President George Q. Cannon, ed. Jerreld L. Newquist (1974), 1:278.

  2. Ara Doctrine and Covenants 35:2.

Ipprintja