2010-2019
L-Għajn tal-Fidi
April 2019 Konferenza Ġenerali


L-Għajn tal-Fidi

Jekk aħna noqogħdu nagħżlu li naċċettaw biss dak li jogħġobna fil-proklamazzjoni, aħna nkunu qed inċajpru l-veduta eterna tagħna, inpoġġu wisq importanza fuq l-esperjenza tagħna bħalissa.

Ftit qabel il-Kruċifissjoni Tiegħu, Ġesù ttieħed quddiem Pilatu fil-pretorju. “Inti s-Sultan tal-Lhud?” Pilatu staqsieh b’disprezz. Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. … Jiena ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.”

Ċinikament Pilatu staqsa, “U l-verità x’inhi?”1

Fid-dinja ta’ żmienna, il-mistoqsija “Il-verità x’inhi?” tista’ sfortunatament tkun waħda kumplessa għall-moħħ sekulari.

Tfittxija fuq Google għall-mistoqsija “Il-verità x’inhi?” irriżultat f’aktar minn miljun tweġiba. Fil-mowbajls tagħna għandna aktar informazzjoni disponibbli milli nistgħu nsibu fil-kotba kollha li hemm f’bini ta’ librerija. Aħna għandna aktar informazzjoni u opinjonijiet milli kapaċi nużaw. Aħna l-ħin kollu qed niġu influwenzati minn ilħna attraenti u li jħajruna.

Qalb il-konfużjoni ta’ żmienna, ma nistagħġbux mela li ħafna jaslu biex jemmnu l-kliem imlissen 2,500 sena ilu minn Protagora liż-żagħżugħ Sokrate; huwa qal: “Dak li hu veru għalik hu veru għalik, u dak li hu vera għalija hu veru għalija.”2

Il-verità permezz tal-Evanġelju Rrestawrat ta’ Ġesù Kristu

Imberkin bl-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, aħna b’umiltà niddikjaraw li hemm ċerti ħwejjeġ li huma kompletament u assolutament vera. Dawn il-veritajiet eterni huma l-istess għal kull iben u bint Alla.

L-iskrittura tgħallem, “Il-verità hija l-għarfien tal-ħwejjeġ kif verament huma, kif kienu u kif se jkunu.”3 Il-verità tħares lura u ’l quddiem, tespandi l-perspettiva ta’ dak li qed iseħħ fil-preżent.

Ġesù qal, “Jiena t-triq, il-verità, u l-ħajja.”4 Il-verità turina t-triq lejn il-ħajja eterna, u dan iseħħ biss permezz tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. M’hawn l-ebda triq oħra.

Ġesù Kristu jgħallimna kif ngħixu u, permezz tal-Att tal-Fidwa u l-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet, Huwa joffrilna l-maħfra minn dnubietna u l-immortalità lil hinn mill-velu. Dan hu assolutament veru.

Hu jgħallimna li ma tagħmel l-ebda differenza jekk aħniex sinjuri jew foqra, prominenti jew ma jafna ħadd, sofistikati jew sempliċi. Pjuttost, it-tfittxija mortali tagħna hi li nsaħħu l-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu, li nagħżlu t-tajjeb u mhux il-ħażin, u li nżommu l-kmandamenti Tiegħu. Filwaqt li aħna niċċelebraw l-innovazzjoni tax-xjenza u l-mediċina, il-veritajiet ta’ Alla jmorru lil hinn minn dawn l-iskoperti.

B’oppożizzjoni għall-veritajiet tal-eternità, minn dejjem kien hemm ħwejjeġ foloz li jippruvaw ibiegħdu lil ulied Alla mill-verità. L-argumenti tal-avversarju huma dejjem l-istess. Isimgħu dawk li ġew mlissna 2,000 sena ilu:

“Ma tistgħux tkunu tafu dwar ħwejjeġ li ma tistgħux taraw. … [Tagħmel x’tagħmel persuna] mhux reat.”

“[Alla mhux qed ibierkek, iżda] kull [persuna] tirnexxi skont il-ġenju tagħha.”5

“Ma tagħmilx sens li xi ħadd bħal … Kristu … ikun Iben Alla.”6

“Dak li temmen fih huwa tradizzjoni ta’ bluha u mard mentali.”7 Qisna qed nitkellmu dwar żmienna, veru?

Bir-Restawrazzjoni tal-evanġelju, Alla tana l-mod kif aħna nistgħu nitgħallmu u nsiru nafu l-veritajiet spiritwali essenzjali: aħna nitgħallmuhom permezz tal-iskrittura mqaddsa, permezz tat-talb personali tagħna u l-esperjenzi li ngħaddu minnhom, permezz tal-kunsill ta’ profeti u appostli ħajjin, u permezz tal-gwida tal-Ispirtu s-Santu, li jista’ jgħinna “insiru nafu l-verità ta’ kull ħaġa.”8

Il-Verità Nistgħu Nagħrfuha Permezz tal-Ispirtu

Aħna nistgħu nsiru nafu l-ħwejjeġ ta’ Alla hekk kif infittxuhom spiritwalment. “Pawlu qal, “Ħadd ma jagħraf dak li hemm f’Alla ħlief permezz tal-Ispirtu ta’ Alla. … Għaliex ħadd ma jista’ jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu.”9

Ħarsu ftit lejn din il-biċċa arti, xogħol ta’ Michael Murphy. Minn din il-perspettiva, bilkemm temmen li hija rappreżentazzjoni artistika ta’ għajn ta’ bniedem. Madankollu, hekk kif inti tħares lejn it-tikek minn perspettiva differenti, inti tara s-sbuħija ta’ dak li ħoloq l-artist.

Bl-istess mod, aħna naraw il-veritajiet spiritwali ta’ Alla mill-perspettiva tal-għajn tal-fidi. Pawlu qal, “Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu ta’ Alla; għalih huma kollha bluha, ma jistax jifhimhom, għaliex ħadd ma jista’ jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu.”10

L-iskrittura, it-talb tagħna, l-esperjenzi tagħna, il-profeti ta’ żmienna, u d-don tal-Ispirtu s-Santu jwasslulna il-perspettiva spiritwali tal-verità neċessarja għall-vjaġġ tagħna hawn fid-dinja.

Il-Proklamazzjoni permezz tal-Għajn tal-Fidi

Ejjew inħarsu lejn il-proklamazzjoni dwar il-familja mill-għajn tal-fidi.

Il-President Gordon B. Hinckley introduċa “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” b’din id-dikjarazzjoni: “B’daqstant sofistika li tiġi ddikjarata bħala verità, b’daqstant qerq fejn jidħlu standards u valuri, b’daqstant tentazzjoni u istigazzjonijiet biex niċċappsu bl-affarijiet tad-dinja, aħna ħassejna li għandna nwissu u nerġgħu nwissu.”11

Il-proklamazzjoni tibda: “Il-bnedmina kollha—irġiel u nisa—huma maħluqin fi xbieha ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minnhom huwa iben jew hija bint spirtu ta’ ġenituri tas-sema, u għalhekk, kollha għandhom natura divina u destin divin.”

Dawn huma veritajiet eterni. Jien u intom m’aħniex xi aċċident tan-natura.

Kemm jogħġobni dan il-kliem: “Fir-renju primortali, l-ulied spirtu kienu jafu u kienu jqimu lil Alla bħala l-Missier Etern tagħhom u huma aċċettaw il-pjan Tiegħu.”12

Aħna għexna qabel twelidna. L-identità individwali tagħna hija stampata fina għal dejjem. B’modi li aħna ma nifhmux għal kollox, it-tkabbir spiritwali tagħna fid-dinja primortali influwenza min aħna hawnhekk.13 Aħna aċċettajna l-pjan ta’ Alla. Aħna konna nafu li f’din il-ħajja konna se nesperjenzaw ċerti diffikultajiet, uġigħ u niket.14 Konna nafu wkoll li s-Salvatur kellu jiġi u hekk kif aħna nippruvaw li aħna denji, aħna nispiċċaw inqumu mill-mewt f’jum ir-Resurrezzjoni, u “tingħata lilna l-glorja għal dejjem ta’ dejjem.”15

Il-proklamazzjoni hija ċara: “Aħna niddikjaraw li l-mod li bih tinħoloq il-ħajja mortali huwa ġej minn Alla. Naffermaw il-qdusija tal-ħajja u l-importanza tagħha fil-pjan etern ta’ Alla.”

Il-pjan ta’ Missierna jħeġġeġ lir-raġel u lill-mara biex iġibu t-tfal fid-dinja u jobbligana biex nitkellmu f’isem dawk li għadhom ma tweldux.

Il-Prinċipji tal-Proklamazzjoni Huma Konnessi Flimkien b’Mod Sabiħ

Jekk aħna noqogħdu nagħżlu li naċċettaw biss dak li jogħġobna fil-proklamazzjoni, aħna nkunu qed inċajpru l-veduta eterna tagħna, inpoġġu wisq importanza fuq l-esperjenza tagħna bħalissa. Jekk bl-għajnuna tat-talb aħna nixtarru l-proklamazzjoni permezz tal-għajn tal-fidi, aħna nifhmu aħjar kif il-prinċipji huma konnessi flimkien b’mod mill-aktar sabiħ, billi jissapportjaw lil xulxin, waqt li jiżvelaw il-pjan ta’ Missierna għal uliedu.16

Għandna aħna nissorprendu ruħna meta l-profeti tal-Mulej jiddikjaraw ir-rieda Tiegħu u xi wħud xorta waħda jkun għad għandhom ċerti mistoqsijiet? Bla dubju, xi wħud jiċħdu dak li jgħidu l-profeti immedjatament,17 iżda oħrajn bl-għajnuna tat-talb jixtarru l-mistoqsijiet onesti tagħhom—mistoqsijiet li biex niksbu risposta għalihom neħtieġu l-paċenzja u l-għajn tal-fidi. Jekk il-proklamazzjoni ġiet żvelata f’seklu ieħor, xorta waħda kien ikun hemm min ikollu ċerti mistoqsijiet, sempliċiment mistoqsijiet differenti minn dawk tal-lum. Wieħed mill-għanijiet ta’ profeta hu li jgħinna nirrisolvu l-mistoqsijiet sinċiera tagħna.18

Qabel ma sar President tal-Knisja, il-President Russell M. Nelson qal: “Il-profeti jaraw dak li għad irid iseħħ. Huma jaraw il-perikli kbar li l-avversarju poġġa, jew għad irid ipoġġi, fit-triq tagħna. Il-profeti jbassru wkoll il-possibiltajiet u l-privileġġi kbar li hemm jistennew lil dawk li jisimgħu bl-intenzjoni li jobdu.19

Jiena nixhed dwar il-verità u l-qawwa spiritwali tal-vuċi waħda li jitkellmu biha l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax.

Id-Dinja Titbiegħed

F’ħajti, aħna rajna bidla drammatika fit-twemmin tad-dinja dwar bosta mill-prinċipji mgħallma fil-proklamazzjoni. Meta jiena kont għadni żagħżugħ u fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa tagħna, kienu ħafna fid-dinja li kienu tbiegħdu mill-istandard tal-Mulej li aħna nsejħulu l-liġi tal-kastità, li r-relazzjonijiet sesswali għandhom iseħħu biss bejn mara u raġel li huma miżżewġin skont il-liġi. Meta jiena kelli fuq l-20 u fuq it-30, kienu ħafna dawk li ma baqax jimpurtahom aktar mill-protezzjoni sagra ta’ dawk li għadhom ma tweldux, hekk kif l-abort sar aktar aċċettabbli. F’dawn l-aħħar snin, ħafna huma li tbiegħdu mil-liġi ta’ Alla li tgħid li ż-żwieġ huwa rabta sagra bejn raġel u mara.20

Li tara daqstant nies jitbiegħdu mill-liġijiet li waqqaf il-Mulej ifakkarna f’dak il-jum ġewwa Kafarnahum meta s-Salvatur iddikjara d-divinità Tiegħu u sfortunatament “bosta mid-dixxipli tiegħu … ma baqgħux imorru warajh.”

Is-Salvatur imbagħad dar fuq it-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?”

Pietru wieġeb:

“Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

“U aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla.”21

Mhux Kulħadd Jiffittja Eżatt fil-Proklamazzjoni

Hawn ħafna, żgħar u kbar, li huma leali lejn l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, minkejja li l-esperjenza li għaddejjin minnha bħallisa ma tiffittjax eżatt fil-proklamazzjoni tal-familja: tfal li ħajjithom spiċċat influwenzata ħażin minħabba d-divorzju; żgħażagħ li sħabhom jgħaddu biż-żmien il-liġi tal-kastità; nisa u rġiel ddivorzjati li jinsabu mweġġgħin b’mod gravi minħabba n-nuqqas ta’ fedeltà tal-konjuġi tagħhom; irġiel u nisa miżżewġin li ma jistax ikollhom tfal; nisa u rġiel li huma miżżewġin lil xi ħadd li ma jħaddanx il-fidi tagħhom fl-evanġelju rrestawrat; nisa u rġiel mhux miżżewġin li, għal diversi raġunijiet, baqgħu ma żżewġux.

Wieħed li ilu ħabib tiegħi kważi 20 sena, li nammira ħafna, mhuwiex miżżeweġ minħabba l-attrazzjoni lejn l-istess sess. Huwa baqa’ leali lejn il-patti li hu għamel fit-tempju, kabbar il-kreattività u t-talenti professjonali tiegħu, u serva b’mod nobbli kemm fil-Knisja kif ukoll fil-komunità. M’ilux huwa qalli, “Jiena nifhem lil dawk fis-sitwazzjoni tiegħi li jagħżlu li ma jgħixux il-liġi tal-kastità fid-dinja li qed ngħixu fiha. Iżda ma qalilniex Kristu biex ma nkunux ‘ta’ din id-dinja’? Huwa ċar li l-istandards ta’ Alla huma differenti minn dawk tad-dinja.”

Il-liġijiet tal-bniedem ħafna drabi jimxu lil hinn mil-limiti stabbiliti permezz tal-liġijiet tal-Mulej. Għal dawk li jixtiequ jogħġbu lil Alla, huma żgur se jkollhom bżonn il-fidi, il-paċenzja u d-diliġenza.22

Jien u marti, Kathy, nafu waħda oħt mhux miżżewġa li issa għandha fuq l-erbgħin, li hija verament kapaċi fl-abbiltajiet professjonali tagħha u sservi b’kuraġġ fil-qasam tagħha. Hija wkoll żammet il-liġijiet ta’ Alla. Hija kitbet:

“Il-ħolma tiegħi hi li xi darba nitbierek billi niżżewweġ raġel u jkollna t-tfal. Għadni qed nistenna. Xi kultant, is-sitwazzjoni tiegħi timlini b’sentimenti ta’ solitudni u li jien ġejt minsija, iżda jiena nipprova nieqaf niffoka fuq dak li m’għandix, u minflok niffoka fuq dak li għandi u kif nista’ ngħin lil ħaddieħor.

“Is-servizz tiegħi lejn il-familja estiża tiegħi, lejn il-qasam tiegħi, u fit-tempju verament inħossu jgħinni. Jiena żgur mhux minsija jew waħdi għaliex nagħmel parti minn familja akbar, li aħna lkoll parti minnha.”

Hemm Xi Ħadd li Jifhem

Xi wħud jafu jgħidu, “Inti ma tistax tifhem is-sitwazzjoni tiegħi.” Jiena naf ma nifhimhiex iżda nixhed li hemm Min jista’ jifhimha.23 Hemm Min jaf sew x’inhi t-tagħbija tagħkom, minħabba s-sagrifiċċju Tiegħu li għamel fil-ġnien u fuq is-salib. Hekk kif intom tfittxuh u żżommu l-kmandamenti Tiegħu, jiena nwegħidkom li Huwa jberikkom u jgħinkom iġġorru t-tagħbija li hi tqila wisq biex iġġorruha weħidkom. Huwa jagħtikom ħbieb eterni u opportunitajiet biex isservu. Aktar importanti minn hekk, Huwa jimlikom bl-Ispirtu setgħan tal-Ispirtu s-Santu u jiddi l-approvazzjoni divina Tiegħu fuqkom. L-ebda għażla, l-ebda alternattiva, li tiċħad is-sħubija tal-Ispirtu s-Santu jew il-barkiet tal-eternità mhija denja tal-konsiderazzjoni tagħna.

Jien naf li s-Salvatur jgħix. Jiena nixhed li Huwa s-sors ta’ kull verità importanti u li Hu se jixħet il-barkiet kollha li Huwa wiegħed fuq dawk li jżommu l-kmandamenti Tiegħu. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ġwanni 18:33, 36–38.

  2. William S. Sahakian u Mabel Lewis Sahakian, Ideas of the Great Philosophers (1966), 28.

  3. Doctrine and Covenants 93:24.

  4. Ġwanni 14:6.

  5. Alma 30:15, 17.

  6. Helaman 16:18.

  7. Ara Alma 30:14, 23, 27.

  8. Moroni 10:5.

  9. Traduzzjoni ta’ Joseph Smith, 1 Corinthians 2:11 [f’1 Corinthians 2:11, nota f’qiegħ il-paġna c]; 1 Korintin 2:14.

  10. 1 Korintin 2:14.

  11. Gordon B. Hinckley, “Stand Strong against the Wiles of the World,” Ensign, Nov. 1995, 100. Milux il-President Russell M. Nelson spjega ftit mill-istorja tal-proklamazzjoni, kif deskritt fil-qosor minn Sheri Dew f’ Insights from a Prophet’s Life: Russell M. Nelson (2019), 208:

    “Jum fost l-oħrajn fl-1994, il-Kworum tat-Tnax-il Appostlu qatta’ ġurnata fil-kamra tal-kunsill fit-Tempju ta’ Salt Lake jiddiskuti ħwejjeġ relatati mal-familja. Huma kkunsidraw kollox min-natura tal-pornografija li qed tinfiltra kullimkien sa ċerti leġiżlattivi ta’ kull tip li huma potenzjalment kontra l-familja. Din ma kenitx xi diskussjoni ġdida, iżda dak inhar l-aġenda sħiħa kienet dwar dan is-suġġett mill-aktar importanti.

    “It-Tnax taw ħarsa kemm lejn id-duttrina kif ukoll il-polisis, ikkunsidraw dawk il-ħwejjeġ li ma setgħux jinbidlu—id-duttrina—u dawk il-ħwejjeġ li possibbilment setgħu jinbidlu. Huma ddiskutew ħwejjeġ li bassru li kienu se jiġu, inkluż ħidma soċjetali intensa għaż-żwieġ bejn koppja tal-istess sess u għad-drittijiet transesswali. ‘Iżda dan ma kienx kull ma stajna naraw,’ spjega l-Presbiteru Nelson. ‘Stajna naraw l-isforz li qed isir f’bosta komunitajiet biex jiġu mwarrba l-istandards u l-limitazzjonijiet kollha fuq l-attività sesswali. Stajna naraw il-konfużjoni tas-sessi. Stajna naraw x’kien ġej.’

    “Din id-diskussjoni twila, flimkien ma’ diskussjonijiet oħra li għamilna għal perjodu ta’ żmien, wasslet għall-konklużjoni li t-Tnax għandhom iħejju dokument, forsi anke proklamazzjoni, li jiddeskrivi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-familja biex nippreżentawha lill-Ewwel Presidenza għall-konsiderazzjoni.”

  12. Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” Liahona, Mejju 2017, 145.

  13. Il-President Dallin H. Oaks qal: “In-numru kbir ta’ nies mortali li twieldu f’din id-dinja għażlu l-pjan tal-Missier u ġġieldu għalih. Ħafna minna wkoll għamilna ċerti patti mal-Missier dwar dak li aħna nagħmlu fil-mortalità. B’modi li għadhom ma ġewx żvelati, l-għemejjel tagħna fid-dinja tal-ispirti jinfluwenzawna fil-mortalità” (“The Great Plan of Happiness,” Ensign, Nov. 1993, 72).

  14. Ara Dallin H. Oaks, “Il-Verità u l-Pjan,” Liahona, Nov. 2018, 25–28.

  15. Abraham 3:26.

  16. Il-President Dallin H. Oaks qal:

    “Dawk il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem li kkonvertew verament jemmnu li l-proklamazzjoni tal-familja, li ħarġet kważi kwart ta’ seklu ilu u li llum hija tradotta f’ numru kbir ta’ lingwi, hija l-enfasi mill-ġdid li l-Mulej għamel fuq il-veritajiet tal-evanġelju, veritajiet li aħna lkoll neħtieġu biex isostnuna qalb l-isfidi kurrenti li qed tiffaċċja l-familja. …

    “Jiena nixhed li l-proklamazzjoni dwar il-familja hija dikjarazzjoni ta’ verità eterna, ir-rieda tal-Mulej għal uliedu li qed ifittxu l-ħajja eterna. Kienet il-bażi tat-tagħlim u d-drawwiet tal-Knisja għal dawn l-aħħar 22 sena u se tkompli tkun hekk fil-ġejjieni. Araw li anke intom tikkunsidrawha hekk, araw li intom tgħallmuha, tgħixu skont il-prinċipji tagħha u żgur tkunu mberkin hekk kif timxu ‘l quddiem lejn il-ħajja eterna. …

    “… Jiena nemmen li l-attitudni tagħna lejn il-proklamazzjoni tal-familja u l-mod kif aħna nużawha huma wħud mill-isfidi ta’ din il-ġenerazzjoni. Jiena nitlob biex il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem jieqfu fermi f’din l-isfida” (“The Plan and the Proclamation,” Liahona, Nov. 2017, 30–31).

  17. Il-President Russell M. Nelson qal: “Hemm dawk li jgħajruna bigotti, iżda l-bigotti huma dawk li ma jippermettux li aħna nħossuna bil-mod li nħossu iżda jriduna li nippermettulhom li huma jħossuhom bil-mod li jħossu. Il-pożizzjoni tagħna ultimament hija bbażata fuq il-liġi tal-kastità. L-Għaxar Kmandamenti għadhom validi. Qatt ma ġew revokati. … Mhijiex il-prerogattiva tagħna li nibdlu l-liġijiet li fassal Alla” (fi Dew, Insights from a Prophet’s Life, 212).

  18. “Filwaqt li l-familja tinsab taħt attakk madwar id-dinja kollha, il-veritajiet tal-proklamazzjoni tal-familja jiffortifikawkom.

    “Intom iż-żgħażagħ meraviljużi ta’ nisel nobbli, jeħtieġ li intom tifhmu l-konsegwenzi li jħallu warajhom effett fit-tul tal-battalja kurrenti tas-soċjetà biex tipprova tiddefinixxi mill-ġdid id-definizzjoni taż-żwieġ. Id-dibattitu kurrenti jinvolvi l-mistoqsija dwar jekk żewġ persuni tal-istess sess jistgħux jiżżewġu. Jekk għandkom xi mistoqsija dwar il-pożizzjoni tal-Knisja dwar dan is-suġġett jew dwar xi suġġett ieħor importanti, xtarru dwaru bl-għajnuna tat-talb, imbagħad agħtu każ tal-messaġġi profetiċi fil-konferenza ġenerali tal-Knisja ta’ Ottubru li ġej. Dawk il-messaġġi ispirati, kif ukoll l-ispirazzjoni mill-Ispirtu s-Santu, jimlewlkom moħħkom b’għarfien aktar sħiħ u veru” (Russell M. Nelson, “Youth of the Noble Birthright: What Will You Choose?” [Devozzjonali tas-Sistema Edukattiva tal-Knisja għall-adulti żgħażagħ, 6 ta’ Sett., 2013], broadcasts.ChurchofJesusChrist.org).

  19. Russell M. Nelson, “Stand as True Millennials,” Liahona, Ott. 2016, 53.

  20. President Nelson qal: “Il-gvernijiet ċivili huma influwenzati ħafna mid-drawwiet soċjali u ċerti filosofiji sekulari meta huma jfasslu, jirranġaw u jinforzaw il-liġijiet. Jiġu kif jiġu mfassla l-liġijiet, id-duttrina tal-Mulej dwar iż-żwieġ u l-moralità ma tistax tinbidel. Ftakru: id-dnub, anke jekk jiġi llegalizzat mill-bniedem, xorta jibqa’ dnub f’għajnejn Alla!” (“Deċiżjonijiet għall-Eternità,” Liahona, Nov. 2013, 108).

  21. Ġwanni 6:66-69.

  22. Ara Alma 32:41–43; Jiena minn dejjem impressjonajt ruħi li f’dan il-kapitlu importanti dwar kif inkabbru l-fidi tagħna, il-virtujiet tal-fidi, il-paċenzja u d-diliġenza jissemmew flimkien f’kull wieħed mill-aħħar tliet versi.

  23. Ara Alma 7:12; Ġesù Kristu mhux biss sofra għal dnubietna, iżda wkoll għas-sofferenza tagħna. “Huwa jieħu fuqu l-mewt, sabiex ikun jista’ jkisser l-irbit tal-mewt li jorbot lill-poplu tiegħu; u huwa jieħu fuqu s-sofferenza tagħha, sabiex jimtela bil-ħniena, skont il-ġisem, ħalli huwa jkun jaf skont il-ġisem kif jista’ jgħin lin-nies tiegħu waqt is-sofferenza tagħhom” (Sinonimi għal sofferenza jistgħu jkunu mard, dgħjufija, għawġ, defiċjenza.) Ara Doctrine and Covenants 88:6: “Huwa ddixxenda ruħu aktar minn kollox, biex ikun jista’ jifhem kollox, sabiex Hu jkun jista’ jkun f’kollox u permezz ta’ kollox, id-dawl tal-verità.”

Ipprintja