Kapitlu 15
Kif Kristu huwa kemm il‑Missier kif ukoll l‑Iben—Hu se jidħol għall‑poplu tiegħu u se jitgħabba bit‑trasgressjonijiet tagħhom—Huma u l‑profeti qaddisa kollha huma nislu—Hu jġib fis‑seħħ il‑Qawmien mill‑imwiet—It‑tfal ċkejknin jiksbu l‑ħajja ta’ dejjem. Madwar 148 Q.K.
1 U issa Abinadi qalilhom: Irridkom tifhmu li Alla nnifsu se jiġi fost ulied il‑bnedmin, u sejjer jifdi lill‑poplu tiegħu.
2 U għaliex huwa se jgħammar fil‑ġisem hu se jkun jissejjaħ Iben Alla, u għax hu ssottometta l‑ġisem mortali tieħu għar‑rieda tal‑Missier, huwa l‑Missier kif ukoll l‑Iben—
3 Il‑Missier, għaliex ġie mnissel bil‑qawwa ta’ Alla; u l‑Iben, minħabba l‑ġisem; b’hekk huwa jsir kemm il‑Missier kif ukoll l‑Iben—
4 U huma Alla wieħed, iva, il‑veru Missier Etern tas‑sema u tal‑art.
5 U għalhekk il‑ġisem isir suġġett għall‑Ispirtu, jew l‑Iben isir suġġett għall‑Missier, li huma Alla wieħed, u huwa jesperjenza t‑tiġrib, u ma jaqax għat‑tiġrib, iżda jippermetti li jiġi mżeblaħ, u msawwat, u mwarrab, u miċħud mill‑poplu tiegħu stess.
6 U wara dan kollu, wara li huwa jwettaq bosta mirakli tal‑għaġeb fost ulied il‑bnedmin, hu sejjer jinġarr, iva, sewwasew kif qal Isaija, bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, u baqa’ ma fetaħx fommu.
7 Iva, bl‑istess mod huwa se jinġarr, jiġi msallab, u jinqatel, fejn il‑ġisem sewwasew isir suġġett għall‑mewt, u r‑rieda tal‑Iben tinbela fir‑rieda tal‑Missier.
8 U b’dal‑mod Alla jkisser l‑irbit tal‑mewt, għax ikun kiseb ir‑rebħa fuq il‑mewt; u lill‑Iben jagħtih is‑setgħa li jidħol għal ulied il‑bnedmin—
9 U hu tela’ fis‑smewwiet, kollu ħniena u kompassjoni lejn ulied il‑bnedmin; u jinsab wieqaf bejnhom u bejn il‑ġustizzja; hu li kisser l‑irbit tal‑mewt, li ħa fuqu nnifsu ħżunithom u t‑trasgressjonijiet tagħhom, u lilhom huwa feda, u ssodisfa t‑talbiet tal‑ġustizzja.
10 U issa jiena ngħidilkom, min se jitkellem dwar nislu? Araw, jiena ngħidilkom, li hu għad jara lil nislu meta huwa joffri ruħu b’sagrifiċċju għad‑dnub. U issa xi tgħiduli? U nislu min se jkun?
11 Araw, jiena ngħidilkom, li kull min sema’ kliem il‑profeti, iva, il‑profeti qaddisa kollha li ħabbru dwar il‑miġja tal‑Mulej—jiena ngħidilkom, li dawk kollha li taw widen għal kliemhom, u emmnu li l‑Mulej sejjer jifdi lill‑poplu tiegħu, u ħarsu ’l quddiem lejn dak il‑jum għal maħfra ta’ dnubiethom, jiena ngħidilkom, li dawn huma nislu, jew aħjar dawn huma l‑werrieta tas‑saltna ta’ Alla.
12 Għax dawn huma dawk li dnubiethom huwa ġarr; dawn huma dawk li għalihom huwa miet, biex jifdihom mit‑trasgressjonijiet tagħhom. U issa, temmnu li huma nislu?
13 Iva, u temmnu li l‑profeti huma nislu wkoll, kull wieħed minnhom li fetaħ fommu biex iħabbar, u li ma waqax fit‑trasgressjoni, jiġifieri l‑profeti qaddisa kollha sa mill‑bidu tad‑dinja? Jiena ngħidilkom li dawn kollha huma nislu.
14 U dawn huma dawk li xandru l‑paċi, li wasslu l‑aħbar it‑tajba, li xandru s‑salvazzjoni; u qalu lil Sijon: Alla tiegħek isaltan!
15 U kemm kienu sbieħ fuq il‑muntanji riġlejhom!
16 U kemm huma sbieħ ukoll fuq il‑muntanji ir‑riġlejn ta’ dawk li għadhom ixandru l‑paċi!
17 U kemm huma sbieħ ukoll fuq il‑muntanji ir‑riġlejn ta’ dawk li minn issa ’l quddiem sejrin ixandru l‑paċi, iva, minn issa ’l quddiem u għal dejjem!
18 U araw, jien ngħidilkom, dan mhux kollox. Għax kemm huma sbieħ fuq il‑muntanji r‑riġlejn ta’ dak li jwassal l‑aħbar it‑tajba, li huwa dak li jġib il‑paċi, iva, sewwasew il‑Mulej, li feda lill‑poplu tiegħu; iva, dak li ġab is‑salvazzjoni lill‑poplu tiegħu;
19 Għax li kieku ma kienx għall‑fidwa li huwa wassal lill‑poplu tiegħu, li ġiet imħejjija sa mill‑ħolqien tad‑dinja, jien ngħidilkom, li kieku ma kienx għal dan, l‑umanità kollha kienet tispiċċa tintilef.
20 Iżda araw, l‑irbit tal‑mewt sejjer jitkisser, u l‑Iben sejjer isaltan, u jkollu l‑qawwa fuq il‑mewt; għalhekk, huwa jġib fis‑seħħ il‑qawmien mill‑imwiet tal‑mejtin.
21 U jiġi fis‑seħħ il‑qawmien mill‑imwiet, li huwa l‑ewwel qawmien; iva, sewwasew il‑qawmien ta’ dawk li kienu, u dawk li huma, u dawk li għad ikunu, sewwasew sal‑qawmien mill‑imwiet ta’ Kristu—għax huwa hekk se jkun jissejjaħ.
22 U issa, il‑qawmien mill‑imwiet tal‑profeti kollha, u ta’ dawk kollha li emmnu fi kliemhom, jew ta’ dawk kollha li ħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla, se jseħħ fl‑ewwel qawmien; għalhekk, huma l‑ewwel qawmien.
23 Huma jiġu mgħollija ’l fuq biex jgħammru ma’ dak Alla li fdihom; b’hekk huma jiksbu l‑ħajja ta’ dejjem permezz ta’ Kristu, li kisser l‑irbit tal‑mewt.
24 U dawn huma dawk li se jkunu parti mill‑ewwel qawmien; u dawn huma dawk li mietu qabel ġie Kristu, fl‑injoranza tagħhom, u li lilhom ħadd ma xandrilhom is‑salvazzjoni. U b’hekk il‑Mulej iġib fis‑seħħ ir‑restawrazzjoni tagħhom; u huma jkollhom sehem mill‑ewwel qawmien, jew aħjar ikollhom il‑ħajja ta’ dejjem, għax huma jiġu mifdija mill‑Mulej.
25 U t‑tfal ċkejknin jiksbu wkoll il‑ħajja ta’ dejjem.
26 Iżda ħarsu u ntlew bil‑biża’, u tkexkxu quddiem Alla, għax għandkom tassew għalfejn titkexkxu; għax il‑Mulej ma jifdix lil dawk li jeħduha kontrih u jmutu fi dnubiethom; iva, sewwasew dawk kollha li mietu fi dnubiethom sa mill‑bidu tad‑dinja, li minn rajhom ħaduha kontra Alla, u li kienu jafu l‑kmandamenti ta’ Alla, imma ma ħarsuhomx; dawn huma dawk li mhux se jkunu parti mill‑ewwel qawmien.
27 Għalhekk m’għandkomx tassew għalfejn titkexkxu? Għax m’hemm ħadd minnhom li se jikseb is‑salvazzjoni; għax lil ħadd minn dawn ma feda l‑Mulej; iva, lil dawn il‑Mulej ma jistax jifdihom; għax hu ma jistax jiċħad lilu nnifsu; għax hu ma jistax iċaħħad il‑ġustizzja minn dak li hu tagħha.
28 U issa jiena ngħidilkom li għad jasal żmien meta s‑salvazzjoni tal‑Mulej se tiġi mxandra lil kull ġens, tribù, ilsien u poplu.
29 Iva, Mulej, l‑għassiesa tiegħek se jgħollu leħinhom; b’leħen wieħed flimkien se jgħannu; għax huma se jkunu jistgħu jaraw b’għajnejhom lill‑Mulej iġib lura lil Sijon.
30 Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm, għannu lkoll bil‑ferħ; għax farraġ il‑Mulej lill‑poplu tiegħu, huwa feda lil Ġerusalemm.
31 Kixef il‑Mulej id‑driegħ qaddis tiegħu, f’għajnejn il‑ġnus kollha; u t‑truf kollha tal‑art sejrin jaraw is‑salvazzjoni ta’ Alla tagħna.