Skrittura
Mosija 16


Kapitlu 16

Alla jifdi l‑bnedmin mill‑istat mitluf u dekadut tagħhom—Dawk li huma karnali jibqgħu bħallikieku ma hemm l‑ebda fidwa—Kristu jġib fis‑seħħ qawmien għal ħajja li ma tintemmx jew għal dannazzjoni li ma tintemmx. Madwar 148 Q.K.

1 U issa, ġara li wara li Abinadi qal dan il‑kliem huwa medd idu u qal: Għad jasal żmien meta kulħadd għad jara s‑salvazzjoni tal‑Mulej; meta kull ġens, tribù, ilsien u poplu sejjer jara b’għajnejh u jistqarr quddiem Alla li l‑ġudizzju tiegħu huwa wieħed ġust.

2 U mbagħad il‑ħżiena sejrin jintremew ’il barra, u jkollhom tassew għalfejn inewħu, u jibku, u jħabbtu fuq sidirhom, u jgħażżu snienhom; u dan għaliex ma jkunux iridu jisimgħu leħen il‑Mulej; għalhekk lil dawn il‑Mulej ma jifdihomx.

3 Għaliex dawn huma nies karnali u mxajtna, u x‑xitan għandu s‑setgħa fuqhom; iva, sewwasew dak is‑serp tal‑qedem li qarraq bl‑ewwel ġenituri tagħna, li wassal għall‑waqgħa tagħhom; li wassal biex l‑umanità kollha saret karnali, senswali, imxajtna, tagħraf il‑ħażin mit‑tajjeb, u tissottometti ruħha għax‑xitan.

4 B’hekk il‑bnedmin kollha spiċċaw intilfu; u araw, huma kienu jibqgħu mitlufin għal dejjem li kieku ma kienx għax Alla feda lil niesu mill‑istat mitluf u dekadut tagħhom.

5 Iżda ftakru li dak illi jibqa’ jippersisti fin‑natura karnali tiegħu, u li jibqa’ għaddej fit‑triq tad‑dnub u r‑ribelljoni kontra Alla, huwa jibqa’ fl‑istat mitluf tiegħu u x‑xitan għandu kull setgħa fuqu. Għalhekk għalih qisu bħallikieku ma seħħet l‑ebda fidwa, għax huwa għadu ta’ Alla; kif ix‑xitan huwa wkoll għadu ta’ Alla.

6 U issa li kieku Kristu ma ġiex fid‑dinja, u hawn qed nitkellem dwar ħwejjeġ li għad iridu jseħħu bħallikieku diġà seħħew, ma kien ikun hawn l‑ebda fidwa.

7 U li kieku Kristu ma qamx mill‑imwiet, jew ma kissirx l‑irbit tal‑mewt biex il‑qabar ma jikseb l‑ebda rebħa, u l‑mewt ma jkollha l‑ebda niggieża, ma kien ikun hemm l‑ebda qawmien mill‑imwiet.

8 Iżda hemm qawmien mill‑imwiet, għalhekk il‑qabar ma joħroġx rebbieħ, u fi Kristu nbelgħet in‑niggieża tal‑mewt.

9 Huwa d‑dawl u l‑ħajja tad‑dinja; iva, dawl li ma jintemmx, li qatt ma jista’ jiddallam; iva, u huwa wkoll ħajja li ma tintemmx, fejn mewt aktar ma jkunx hawn.

10 Anke dan il‑ġisem mortali għad ixedd fuqu l‑immortalità, u dan it‑taħsir għad ixedd fuqu n‑nuqqas ta’ taħsir, u huma għad jittieħdu sabiex jieqfu quddiem l‑iżbarra ta’ Alla, biex huwa jagħmel ħaqq minnhom skont l‑għemejjel tagħhom, jekk ikunux tajbin jew ħżiena—

11 Jekk ikunu tajbin, għall‑qawmien ta’ ħajja u hena bla tmiem; u jekk ikunu ħżiena, għall‑qawmien ta’ dannazzjoni bla tmiem, u huma jintreħew f’idejn ix‑xitan, li ħakimhom f’idejh, u din hija d‑dannazzjoni—

12 Huma ġabu ruħhom skont ir‑rieda u x‑xewqat karnali tagħhom; u qatt ma daru lejn il‑Mulej waqt li huwa kien qed jurihom id‑dirgħajn ta’ ħniena tiegħu; għax hu kien qed jurihom id‑dirgħajn ta’ ħniena tiegħu, iżda huma ma tawx kasu; huma ġew imwissijin dwar ħżunithom u xorta ma ridux jabbandunawhom; u ġew ordnati sabiex jindmu u xorta ma ridux jindmu.

13 U issa, m’għandkomx intom tirtogħdu u tindmu minn dnubietkom, u tiftakru li huwa biss fi Kristu u permezz ta’ Kristu li tistgħu ssalvaw?

14 Għalhekk, jekk intom tgħallmu l‑liġi ta’ Mosè, għallmu wkoll li hija dell ta’ dawk il‑ħwejjeġ li għad iridu jseħħu—

15 Għallmuhom li l‑fidwa tiġi permezz ta’ Kristu l‑Mulej, li hu l‑veru Missier Etern. Ammen.