Skrittura
Mosija 20


Kapitlu 20

Uħud mill‑ulied bniet tal‑Lamaniti spiċċaw maħtufa mill‑qassisin ta’ Noè—Il‑Lamaniti jiddikjaraw gwerra kontra Limħi u n‑nies tiegħu—Il‑forzi Lamaniti mġiegħla jerġgħu lura u jwarrbu kull sentiment ta’ rabja. Madwar 145–123 Q.K.

1 Issa ġewwa Xemlon kien hemm post fejn inġabru flimkien l‑ulied bniet tal‑Lamaniti biex fih jgħannu, u jiżfnu, u jagħtuha għax‑xalar.

2 U ġara li jum fost l‑oħrajn kien hemm numru żgħir minnhom miġburin flimkien biex jgħannu u jiżfnu.

3 U issa l‑qassisin tas‑sultan Noè, għax bdew isibuha bi tqila jerġgħu lura fil‑belt ta’ Nefi, kif ukoll għax bdew jibżgħu li n‑nies joqtluhom, ma azzardawx jerġgħu lura ħdejn marthom u wliedhom.

4 U peress li huma baqgħu fix‑xagħri, u hemmhekk ġew wiċċ imb wiċċ mal‑ulied bniet tal‑Lamaniti, huma nxteħtu hemm josservawhom.

5 U meta kien għad baqa’ biss ftit minnhom miġburin flimkien biex jiżfnu, huma ħarġu minn fejn kienu mistoħbijin u qabduhom u ġarrewhom qalb ix‑xagħri; iva, erbgħa u għoxrin tifla tal‑Lamaniti huma ġarrew qalb ix‑xagħri.

6 U ġara li meta l‑Lamaniti ndunaw li wliedhom kienu sfaw neqsin, huma mtlew bil‑korla għan‑nies ta’ Limħi, għax ħasbu li kienu n‑nies ta’ Limħi.

7 Għalhekk huma bagħtu l‑armati tagħhom; iva, anke s‑sultan innifsu mar quddiem in‑nies tiegħu; u telgħu fl‑art ta’ Nefi biex jeqirdu lin‑nies ta’ Limħi.

8 U issa Limħi nduna bihom minn fuq it‑torri, minfejn hu seta’ jara saħansitra dak kollu li bdew iħejju għall‑gwerra; għalhekk hu ġabar lin‑nies tiegħu flimkien, u huma qagħdu għassa għalihom fl‑għelieqi u fil‑foresti.

9 U ġara li meta l‑Lamaniti waslu ħdejhom, in‑nies ta’ Limħi bdew jaqbżu għal fuqhom mill‑postijiet fejn kienu mistoħbija, u bdew joqtluhom.

10 U ġara li l‑battalja spiċċat waħda mill‑aktar qalila, għax huma bdew jiġġieldu bħal iljuni għall‑priża.

11 U ġara li n‑nies ta’ Limħi bdew iwasslu sabiex il‑Lamaniti jirtiraw minn ħdejhom; madankollu huma kienu anqas minn nofs il‑Lamaniti fin‑numru. Iżda huma ġġieldu għal ħajjithom, u għal marthom, u għal uliedhom; għalhekk bil‑qawwa tagħhom kollha bħax‑xakalli huma tqabdu.

12 U ġara li huma sabu li fost il‑mejtin tagħhom kien hemm is‑sultan tal‑Lamaniti; madankollu huwa ma kienx mejjet, iżda hu kien safa midrub u tħalla mitluq mal‑art, daqshekk kienet mgħaġġla l‑ħarba ta’ niesu.

13 U huma qabduh u nfaxxawlu l‑ġrieħi tiegħu, u ħaduh quddiem Limħi, u qalulu: Ara, dan hu s‑sultan tal‑Lamaniti; hu safa midrub u spiċċa mixħut fost il‑mejtin tagħhom, u huma telquh warajhom; u ara, aħna ġibnieh quddiemek; u issa ħallina noqtluh.

14 Iżda Limħi qalilhom: Toqtluhx, iżda ġibuh hawn ħalli nkun nista’ narah. U huma ġabuh quddiemu. U Limħi qallu: X’wassalkom biex intom tiġu hawn u taħbtu għall‑poplu tiegħi? Ara, il‑poplu tiegħi ma kisirx il‑ġurament li jien għamilt magħkom; allura, għalfejn għandkom tiksru l‑ġurament li intom għamiltu mal‑poplu tiegħi?

15 U issa s‑sultan qal: Jiena ksirt il‑ġurament għaliex in‑nies tiegħek ħatfu lill‑bniet tal‑poplu tiegħi; għalhekk, fl‑għadab tiegħi jiena tlabt lin‑nies tiegħi biex jaħbtu għan‑nies tiegħek.

16 U issa Limħi ma kien sema’ xejn dwar din il‑ħaġa; għalhekk huwa qal: Jiena se nfittex fost in‑nies tiegħi u min għamel din il‑ħaġa sejjer jinqered. Għalhekk huwa ordna li ssir tfittxija fost in‑nies tiegħu.

17 Issa meta Gidgħon sema’ dawn il‑ħwejjeġ, hu li kien il‑fizzjal tas‑sultan, mar quddiem is‑sultan u qallu: Nitolbok biex ma tagħmilx dan, u ma tagħmel l‑ebda tfittxija fost dawn in‑nies, u ma żżommhomx responsabbli ta’ din il‑ħaġa.

18 Ma tiftakarhomx inti lill‑qassisin ta’ missierek, li dan‑nies ippruvaw jeqirdu? U huma mhux fix‑xagħri qegħdin? U mhumiex huma dawk li ħatfu lill‑ulied il‑Lamaniti?

19 U issa, ara, lis‑sultan għidlu dwar dawn il‑ħwejjeġ, ħalli hu jkun jista’ jgħid lin‑nies tiegħu biex huma jwarrbu kull sentiment ta’ rabja lejna; għax ara, huma diġà jinsabu jitħejjew ħalli jaħbtu għalina; u ara wkoll li aħna ninsabu verament ftit.

20 U ara, huma jiġu bil‑forzi numerużi tagħhom; u jekk is‑sultan ma jwassalhomx ħalli huma jwarrbu kull sentiment ta’ rabja lejna aħna se nisipiċċaw ninqerdu.

21 Għax ma ġiex fis‑seħħ il‑kliem li Abinadi ħabbar kontrina—u dan kollu mhux għax aħna ma tajniex widen għal kliem il‑Mulej, u ma dorniex lura minn ħżunitna?

22 U issa ejja naraw li s‑sultan iwarrab kull sentiment ta’ rabja lejna, u naraw li nkunu leali lejn il‑ġurament li għamilna miegħu; għax ikun aħjar li aħna nispiċċaw fil‑jasar milli nitilfu ħajjitna; għalhekk, ejjew naraw li jieqaf it‑tixrid ta’ daqstant demm.

23 U issa Limħi qal lis‑sultan kulma huwa kellu xi jgħidlu dwar missieru, u dwar il‑qassisin li kienu ħarbu fix‑xagħri, u li lilhom hu żamm responsabbli għall‑ħtif ta’ wliedhom il‑bniet.

24 U ġara li s‑sultan warrab kull sentiment ta’ rabja lejn il‑poplu tiegħu; u qalilhom: Ejja mmorru niltaqgħu man‑nies tiegħi, mingħajr armi; u naħilfilkom permezz ta’ ġurament li n‑nies tiegħi mhumiex se joqtlu lin‑nies tagħkom.

25 U ġara li huma mxew wara s‑sultan, u telqu minn hemm mingħajr armi biex jiltaqgħu mal‑Lamaniti. U ġara li huma ltaqgħu mal‑Lamaniti; u s‑sultan tal‑Lamaniti nxteħet wiċċu fl‑art quddiemhom, u talabhom bil‑ħniena f’isem in‑nies ta’ Limħi.

26 U meta l‑Lamaniti raw lin‑nies ta’ Limħi, li huma kienu mingħajr armi, huma tħassruhom u warrbu kull sentiment ta’ rabja lejhom, u flimkien mas‑sultan tagħhom reġgħu lura fis‑sliem lejn arthom.

Ipprintja