Skrittura
Mosija 26


Kapitlu 26

Bosta membri tal‑Knisja jitmexxew fit‑triq tad‑dnub minn dawk ta’ bla fidi—Alma jiġi mwiegħed il‑ħajja ta’ dejjem—Dawk li jindmu u jitgħammdu jiksbu l‑maħfra—Il‑membri midinbin tal‑Knisja li jindmu u jistqarru dnubiethom ma’ Alma u mal‑Mulej jiġu maħfura; għax jekk ma jagħmlux dan, huma ma jkunux jistgħu jingħaddu fost il‑poplu tal‑Knisja. Madwar 120–100 Q.K.

1 Issa ġara li kien hemm ħafna mill‑ġenerazzjoni li tielgħa li ma setgħux jifhmu kliem is‑sultan Benjamin, peress li kienu għadhom ċkejknin fiż‑żmien li fih huwa kellem lill‑poplu tiegħu; u huma ma kinux jemmnu fit‑twemmin ta’ missirijiethom.

2 Huma ma kinux jemmnu dak li kien intqal dwar il‑qawmien mill‑imwiet tal‑mejtin, lanqas ma kienu jemmnu dwar il‑miġja ta’ Kristu.

3 U issa minħabba n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom huma ma setgħux jifhmu l‑kelma ta’ Alla; u qalbhom twebbset.

4 U huma ma ridux jitgħammdu; lanqas ma riedu jingħaqdu mal‑knisja. U huma kienu nies maqtugħin għalihom fejn tidħol il‑fidi tagħhom, u baqgħu hekk anke wara, sewwasew fl‑istat karnali u midneb tagħhom; għax huma ma kinux isejħu lill‑Mulej Alla tagħhom.

5 U issa fir‑renju ta’ Mosija huma lanqas biss kienu jagħmlu daqs nofs il‑poplu ta’ Alla; iżda minħabba n‑nuqqas ta’ qbil li kien hemm bejn l‑aħwa huma saru aktar numerużi.

6 Għax ġara li bil‑kliem ħelu tagħhom huma spiċċaw biex qarrqu b’ħafna nies, li kienu fil‑knisja, u wassluhom biex iwettqu bosta dnubiet; għalhekk kien hemm il‑bżonn li dawk li wettqu d‑dnub, li kienu fil‑Knisja, kellhom jiġu mwissijin mill‑knisja.

7 U ġara li huma nġiebu quddiem il‑qassisin, u l‑għalliema tawhom f’idejn il‑qassisin; u l‑qassisin ġabuhom quddiem Alma, li kien il‑qassis il‑kbir.

8 Issa lil Alma s‑sultan Mosija tah f’idejh is‑setgħa fuq il‑knisja.

9 U ġara li Alma ma kien jaf x’kellu jagħmel bihom; iżda kienu ħafna dawk li kienu lesti jixhdu kontrihom; iva, ħafna kienu n‑nies li waqfu u bdew jixhdu kontrihom.

10 Issa ħaġa bħal din qatt ma kienet ġrat qabel fil‑knisja; għalhekk Alma ħassu jitħawwad, u ordna biex huma jittieħdu quddiem is‑sultan.

11 U hu qal lis‑sultan: Ara, kemm ġibna nies quddiemek; lkoll kemm huma ġew mixlijin minn ħuthom; iva, għax huma nqabdu jwettqu kull tip ta’ ħażen. U huma ma jridux jindmu minn ħżunithom; għalhekk aħna ġibnihom quddiemek, ħalli tkun tista’ tagħmel ħaqq minnhom skont għemilhom.

12 Iżda s‑sultan Mosija qal lil Alma: Ara, jiena m’iniex se nagħmel ħaqq minnhom; għalhekk jien se nagħtihom f’idejk biex tagħmel ħaqq minnhom int.

13 U issa Alma reġa’ għal darb’oħra ħassu jitħawwad; u hu mar u staqsa lill‑Mulej x’kellu jagħmel dwar din il‑ħaġa, għax beża’ li jagħmel dak li mhuwiex xieraq f’għajnejn Alla.

14 U ġara li wara li huwa fetaħ qalbu ma’ Alla, huwa sama’ leħen il‑Mulej jgħidlu:

15 Hieni inti, Alma, u henjin dawk kollha li ġew mgħammdin fl‑ilmijiet ta’ Mormon. Hieni inti minħabba l‑fidi kbira tiegħek u għamilt dan sempliċiment għax inti smajt il‑kliem tal‑qaddej tiegħi Abinadi.

16 U henjin dawk ta’ fidi kbira talli sempliċiment semgħu l‑kliem li inti għidtilhom.

17 U hieni inti għaliex waqqaft knisja fost dan il‑poplu; u huma sejrin jistabbilixxu ruħhom u se jkunu l‑poplu tiegħi.

18 Iva, hieni hu dan il‑poplu li hu lest li jieħu fuqu ismi; għax permezz ta’ ismi sejrin jissejħu; u huma l‑poplu tiegħi.

19 U hieni int għax staqsejtni dwar it‑trasgressur.

20 Inti l‑qaddej tiegħi; u jiena nagħmel patt miegħek li inti se tiret il‑ħajja ta’ dejjem; u f’ismi inti se tmur biex lili taqdi, u tiġbor flimkien in‑nagħaġ tiegħi.

21 U min se jisma’ leħni se jkun in‑nagħġa tiegħi; u lilu fil‑knisja għandek tilqgħu, u jiena nilqgħu wkoll.

22 Għax ara, din hija l‑knisja tiegħi; kull min jitgħammed għandu jitgħammed għall‑indiema. U dak li lilu inti tilqa’ għandu jemmen f’ismi; u lilu jiena naħfer liberalment.

23 Għax hu sewwasew jiena li se nieħu fuqi d‑dnubiet tad‑dinja; għax huwa jiena li ħloqthom; u huwa jiena li għandi post fuq il‑lemin tiegħi merfugħ għal dak li jibqa’ jemmen sal‑aħħar.

24 Għax ara, huma jissejħu permezz ta’ ismi; u jekk lili jagħrfuni għandhom jiġu għandi, u huma jkollhom post għal dejjem fuq il‑lemin tiegħi.

25 U għad jiġri li meta ddoqq it‑tieni tromba dawk li lili qatt ma għarfuni sejrin jiġu u jieqfu quddiemi.

26 U mbagħad huma jagħrfu li jiena l‑Mulej Alla tagħhom, u li jiena l‑Feddej tagħhom; iżda huma jirrifjutaw li jiksbu l‑fidwa.

27 U mbagħad jiena nistqarr magħhom li jien lilhom ma nafhomx; u huma jispiċċaw imorru fin‑nar ta’ dejjem li ġie mħejji għax‑xitan u għall‑anġli tiegħu.

28 Għalhekk jiena ngħidlek, li lil dak li ma jismax leħni, m’għandekx tilqgħu fil‑knisja tiegħi, għax lilu jiena m’iniex se nilqgħu fl‑aħħar jum.

29 Għalhekk jiena ngħidlek, Mur; u kull min jeħodha kontrija, ara li tagħmel ħaqq minnu skont id‑dnubiet li jkun wettaq; u jekk huwa jistqarr dnubietu kemm miegħek u kemm miegħi, u jindem bis‑sinċerità ta’ qalbu, lilu inti għandek taħfer, u jien naħfirlu wkoll.

30 Iva, u kemm‑il darba n‑nies tiegħi jindmu jiena lest li naħfrilhom ħtijiethom kontrija.

31 U intom ukoll għandkom taħfru lil xulxin ħtijietkom; għax fis‑sewwa ngħidilkom, min ma jaħfirx il‑ħtijiet ta’ għajru meta jgħidlu li huwa nidem, huwa jkun waqqa’ l‑kundanna fuqu nnifsu.

32 Issa jiena ngħidlek, Mur; u kull min ma jindimx minn dnubietu m’għandux jingħadd mal‑poplu tiegħi; u hekk għandu jkun minn issa ’l quddiem.

33 U ġara li meta Alma sema’ dan il‑kliem huwa kitbu ħalli jkun jista’ jippreservah, u jkun jista’ jagħmel ħaqq min‑nies ta’ dik il‑knisja skont il‑kmandamenti ta’ Alla.

34 U ġara li Alma mar u għamel ħaqq minn dawk kollha li kienu ttieħdu fil‑ħażen, skont il‑kelma tal‑Mulej.

35 U dawk kollha li nidmu minn dnubiethom u stqarrewhom, ġew magħduda man‑nies tal‑knisja;

36 U dawk li la riedu jistqarru dnubiethom u lanqas jindmu minn ħżunithom, ma ġewx magħduda man‑nies tal‑knisja, u isimhom ġie mħassar.

37 U ġara li Alma beda jikkontrolla dak kollu li kellu x’jaqsam mal‑knisja; u fosthom reġa’ beda jsaltan is‑sliem u huma tabilħaqq beda jkollhom ir‑risq f’dak kollu li kellu x’jaqsam mal‑knisja, u huma bdew ukoll iġibu ruħhom sewwa quddiem Alla, u bdew jilqgħu fosthom lil ħafna, u jgħammdu lil ħafna.

38 U issa Alma u l‑ħaddiema sħabu li kienu qed jieħdu ħsieb il‑knisja raw li jagħmlu dan kollu, u bdew jimxu b’reqqa kbira, jgħallmu l‑kelma ta’ Alla f’kollox, u huma bdew jesperjenzaw kull tip ta’ tbatija, għax huma bdew jiġu ppersegwitati minn dawk li ma kinux jagħmlu parti mill‑knisja ta’ Alla.

39 U huma bdew iwissu lil ħuthom; u bdew ukoll jiġu mwissijin lkoll permezz tal‑kelma ta’ Alla, skont dnubiethom, jew skont id‑dnubiet li huma wettqu, u Alla ordnalhom biex jitolbu bla heda, u jroddu l‑ħajr f’kollox.