Kapitlu 3
Is‑sultan Benjamin ikompli bid‑diskors tiegħu—Il‑Mulej Omnipotenti se jmur jaqdi fost il‑bnedmin f’tabernaklu tat‑tafal—Id‑demm se joħroġ mill‑pori kollha tiegħu hekk kif Huwa jpatti għad‑dnubiet tad‑dinja—L‑isem tiegħu hu l‑uniku isem li permezz tiegħu niksbu s‑salvazzjoni—Il‑bnedmin jistgħu jinżgħu minn fuqhom il‑bniedem naturali u jsiru Qaddisin permezz tal‑Espjazzjoni—It‑turment tal‑ħżiena se jkun bħal belliegħa ta’ nar u kubrit. Madwar 124 Q.K.
1 U għal darb’oħra ħuti, nitlobkom tisimgħuni, għax għandi xi ħaġa oħra x’ngħidilkom; għax araw, għandi ħwejjeġ x’ngħidilkom dwar dak li għad irid iseħħ.
2 U l‑ħwejjeġ li jiena se ngħidilkom ġew żvelati lili minn anġlu mibgħut minn Alla. U huwa qalli: Qum; u jiena qomt, u rajtu wieqaf quddiemi.
3 U huwa qalli: Qum, u isma’ l‑kliem li se ngħidlek; għax ara, jiena ġejt biex inħabbarlek il‑bxara ta’ hena mill‑akbar.
4 Għax il‑Mulej sema’ talbek, u għamel ħaqq mis‑sewwa tiegħek, u bagħatni biex ngħarrfek li għandek tassew biex tithenna; u li inti għandek tgħarraf lil niesek, ħalli huma jkunu jistgħu jithennew ukoll.
5 Għax ara, se jasal żmien, u mhuwiex fil‑bogħod, li b’qawwa, il‑Mulej Omnipotenti li jsaltan, illi kien, u li hu mill‑eternità għall‑eternità, se jinżel mis‑smewwiet fost ulied il‑bnedmin, u se jgħammar f’tabernaklu tat‑tafal, u se jmur fost il‑bnedmin, iwettaq mirakli mill‑aktar kbar, bħalli jfejjaq lill‑morda, iqajjem lill‑mejtin, iwassal biex iz‑zopop jimxu, l‑għomja jaraw, u t‑torox jisimgħu, u jfejjaq kull xorta ta’ mard.
6 U hu sejjer ikeċċi x‑xjaten, jew l‑ispirti ħżiena li jgħammru fi qlub ulied il‑bnedmin.
7 U ara, huwa se jesperjenza t‑tiġrib, u l‑uġigħ fil‑ġisem, il‑ġuħ, l‑għatx u l‑għeja, sewwasew aktar milli bniedem jista’ jesperjenza, minbarra l‑mewt; għax ara, id‑demm se joħroġ mill‑pori kollha tiegħu, u d‑diqa tiegħu se tkun mill‑aktar kbira minħabba l‑ħażen u l‑abominazzjonijiet tal‑poplu tiegħu.
8 U ismu se jkun Ġesù Kristu, Bin Alla, Missier is‑sema u l‑art, il‑Ħallieq ta’ kollox sa mill‑bidu; u ommu se jkun jisimha Marija.
9 U ara, hu se jżur lil niesu, biex is‑salvazzjoni tkun tista’ tasal għand ulied il‑bnedmin permezz tal‑fidi tagħhom f’ismu; u anke wara dan kollu huma se jħarsu lejh bħala sempliċiment bniedem, u jgħidu li għandu fih ix‑xitan, u sejrin jagħtuh is‑swat, u jsallbuh.
10 U fit‑tielet jum huwa se jqum mill‑imwiet; u ara, hu se jagħmel ħaqq mid‑dinja; u ara, dan kollu se jsir sabiex isir ħaqq ġust minn ulied il‑bnedmin.
11 Għax ara, demmu wkoll se jpatti għad‑dnubiet ta’ dawk li waqgħu minħabba t‑trasgressjoni ta’ Adam, li mietu mingħajr ma kienu jafu r‑rieda ta’ Alla għalihom, jew li waqgħu fid‑dnub bla ma kienu jafu.
12 Iżda ħażin u ħażin ikun għalih dak li jaf li qed jeħodha kontra Alla! Għax min hu bħalu ma jistax jikseb is‑salvazzjoni ħlief permezz tal‑indiema u l‑fidi fil‑Mulej Ġesù Kristu.
13 U l‑Mulej Alla bagħat lill‑profeti qaddisa tiegħu fost ulied il‑bnedmin, biex ixandru dawn il‑ħwejjeġ lil kull tribù, ġens, u ilsien, ħalli b’hekk dawk kollha li jemmnu li Kristu għandu jiġi, dawn ikunu jistgħu jiksbu maħfra ta’ dnubiethom, u jithennew b’hena mill‑aktar kbira, bħallikieku huwa diġà ġie fosthom.
14 Madankollu l‑Mulej Alla ra li l‑poplu tiegħu kien poplu rasu iebsa, u huwa tahom liġi, sewwasew il‑liġi ta’ Mosè.
15 U huwa wriehom bosta sinjali, u għeġubijiet, u simboli, u xbihat, relatati mal‑miġja tiegħu; u anke profeti qaddisa kellmuhom dwar il‑miġja tiegħu; u madankollu huma webbsu qalbhom, u baqgħu ma fehmux li l‑liġi ta’ Mosè ma kienet tiswa għal xejn li kieku ma kienx għall‑espjazzjoni ta’ demmu.
16 U anke li kieku kien possibbli li t‑tfal ċkejknin jistgħu jaqgħu fid‑dnub huma ma setgħux isalvaw; iżda jien ngħidlek li huma mberkin; għax ara, hekk kif permezz ta’ Adam, jew tal‑istint naturali, huma jaqgħu, bl‑istess mod id‑demm ta’ Kristu jpatti għal dnubiethom.
17 U barra minn hekk, jien ngħidlek, li m’għandu jingħata l‑ebda isem ieħor jew l‑ebda mod jew mezz ieħor li permezz tiegħu wlied il‑bnedmin jistgħu jiksbu s‑salvazzjoni, ħlief fl‑isem u permezz tal‑isem ta’ Kristu, il‑Mulej Omnipotenti.
18 Għax ara, hu jagħmel ħaqq, u l‑ħaqq tiegħu hu wieħed ġust; u t‑tifel li jmut fl‑infanzja tiegħu ma jintilifx; iżda l‑bnedmin jixorbu l‑kundanna ta’ ruħhom jekk huma ma jumiljawx irwieħhom u jsiru bħat‑tfal ċkejknin, u jemmnu li s‑salvazzjoni kienet, u hi, u se tkun possibbli minħabba d‑demm u permezz tad‑demm espjatorju ta’ Kristu, il‑Mulej Omnipotenti.
19 Għax il‑bniedem naturali huwa għadu ta’ Alla, u ilu hekk mill‑waqgħa ta’ Adam, u hekk se jibqa’, għal dejjem ta’ dejjem, sakemm huwa ma jissottomettix ruħu għat‑tħajjir tal‑Ispirtu s‑Santu, u jinża’ minn fuqu l‑bniedem naturali u jsir qaddis permezz tal‑espjazzjoni ta’ Kristu l‑Mulej, u jsir bħat‑tfal, sottomess, ta’ qalb ħelwa, umli, kollu sabar, mimli mħabba, lest jissottometti ruħu għal dak kollu li lest jgħabbih bih il‑Mulej, l‑istess kif tifel ċkejken jissottometti ruħu għal missieru.
20 U barra minn hekk, jiena ngħidlek, li għad jasal żmien meta l‑għarfien ta’ Salvatur sejjer jinfirex ma’ kull ġens, tribù, ilsien u poplu.
21 U ara, meta jasal iż‑żmien, l‑ebda bniedem mhu se jinstab bla ħtija quddiem Alla, ħlief it‑tfal ċkejknin, sakemm ma jindimx u jkollu l‑fidi f’isem il‑Mulej Alla Omnipotenti.
22 U anke f’dan iż‑żmien, meta inti tkun għallimt lil niesek il‑ħwejjeġ li ordnalek il‑Mulej Alla tiegħek, anke hemm huma mhux se jiġu kkunsidrati bla ħtija f’għajnejn Alla, dan dejjem skont il‑kliem li jiena għidtlek.
23 U issa jiena għidt il‑kliem li ordnali ngħid il‑Mulej Alla.
24 U jgħid il‑Mulej: Kliemek se jkun ta’ xhieda kontra dan il‑poplu, f’jum il‑ħaqq; u permezz tiegħu se jsir ħaqq minnhom, kull bniedem skont l‑għemejjel tiegħu, sew jekk ikunu tajbin, u sew jekk ikunu ħżiena.
25 U jekk ikunu ħżiena huma se jkunu jistgħu jagħrfu ħtijiethom u l‑abominazzjonijiet tagħhom, li jwassluhom biex jerġgħu lura mill‑preżenza tal‑Mulej għal stat ta’ miżerja u turment bla tmiem, minn fejn ma jkunux jistgħu jerġgħu lura; għalhekk huma jkunu xorbu l‑kundanna ta’ ruħhom.
26 Għalhekk, huma jkunu xorbu mit‑tazza tal‑korla ta’ Alla, fejn il‑ġustizzja ma tistax tibqa’ teħlishom aktar, bl‑istess mod kif ma setgħetx twaqqaf lil Adam milli jaqa’ għaliex huwa kiel mill‑frotta pprojbita; għalhekk, il‑ħniena ma kienx ikollha jedd fuqhom aktar.
27 U t‑turment tagħhom huwa bħal belliegħa ta’ nar u kubrit, li l‑fjammi tagħha ma jintfewx, u d‑duħħan tagħha jitla’ ’l fuq għal dejjem ta’ dejjem. Dan hu li ordnali l‑Mulej. Ammen.