2010-2019
Dixxipli Vera tas-Salvatur
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Dixxipli Vera tas-Salvatur

Nistgħu nħossu ferħ dejjiemi meta s-Salvatur tagħna u l-Evanġelju Tiegħu jsiru l-qafas li nibnu ħajjitna madwaru.

X’imkien moħbi fil-ktieb tat-Testment il-Qadim ta’ Ħaggaj insibu deskrizzjoni ta’ grupp ta’ nies li setgħu użaw it-tagħlim tal-Presbiteru Holland. Huma għamlu ħażin li ma poġġewx lil Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajjithom u fis-servizz tagħhom. Ħaggaj ipinġi ċerti xbihat li jqanqlu riflessjoni tal-ħsieb, hekk kif fihom hu jċanfar lil dawn in-nies talli baqgħu fid-djar komdi tagħhom minflok ma bnew it-tempju tal-Mulej:

“Jaqaw għalikom huwa issa l-waqt li intom tgħammru fi djarkom imsaqqfa waqt li din id-dar għadha ħerba?”

“U issa dan jgħid il-Mulej tal-eżerċiti: “Ġibu quddiem għajnejkom minn xiex għaddejtu!

“Bosta żrajtu, imma ftit ħżintu; kiltu, u m’għandkomx biżżejjed; xrobtu, u m’hemmx li tiskru; llbistu, u m’hemmx li tisħnu; u l-ħaddiem mikri jqiegħed ħlasu f’but imtaqqab.”

“Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċiti; Ġibu quddiem għajnejkom minn xiex għaddejtu!”1

Jogħġbukom dawk id-deskrizzjonijiet tal-futilità ta’ meta ċerti affarijiet ta’ ebda konsegwenza eterna jingħataw aktar prijorità mill-affarijiet ta’ Alla?

F’laqgħa reċenti tas-sagrament li attendejt, membru li kien serva missjoni kkwota missier li ġabar fil-qosor perfettament din l-idea meta qal lil uliedu, “Dak li għandna bżonn hawn huwa anqas Wi-Fi u aktar Nefi!”

Peress li għext ħames snin fil-Punent tal-Afrika, jiena rajt ħafna eżempji ta’ nies li jagħtu prijorità lill-evanġelju b’mod naturali u bla mistħija. Eżempju wieħed huwa l-isem ta’ negozju tat-tiswija tat-tajers u l-ibbilanċjar tar-roti fil-Ghana. Is-sid semmieh “Allinjament ir-Rieda Tiegħek.”

Nistgħu nħossu ferħ dejjiemi2 meta s-Salvatur tagħna u l-Evanġelju Tiegħu jsiru l-qafas li nibnu ħajjitna madwaru. Madankollu, huwa verament faċli li dak il-qafas isir, minflok, l-affarijiet tad-dinja, fejn l-evanġelju jsir extra-kurrikulari jew sempliċement li aħna nattendu l-knisja għal sagħtejn kull nhar ta’ Ħadd. Meta dan hu l-każ, huwa daqslikieku npoġġu l-pagi tagħna f’“but imtaqqab.”

Ħaggaj qed jgħidilna biex nuru ċertu impenn—li nkunu, kif ngħidu fl-Awstralja, “fair dinkum” dwar kif ngħixu l-evanġelju. In-nies huma fair dinkum meta huma dak li jgħidu li huma.

Jien tgħallimt xi ftit dwar li nkun fair dinkum u li nuri ċertu impenn billi nilgħab ir-ragbi. Tgħallimt li meta lgħabt l-aħjar li stajt, meta għamilt l-almu kollu tiegħi, kienu jkunu l-aktar drabi li kont nieħu pjaċir fil-logħba.

Il-Presbiteru Vinson flimkien mat-tìm tiegħu tar-ragbi

Is-sena favorita tiegħi tar-ragbi kienet is-sena wara l-iskola sekondarja. It-tim li kont fih kien mimli talent u dedikazzjoni. Dik is-sena t-tim tagħna rebaħ il-kampjonat. Madankollu, darba minnhom konna se nilagħbu ma’ tim aktar inferjuri, u wara l-logħba kollha kemm aħna konna ftehemna ma’ xi tfajla biex neħduha għall-ballu annwali kbir tal-kulleġġ. Ħsibt li minħabba li din kienet se tkun logħba faċli, jiena kelli nipprova nipproteġi lili nnifsi milli nweġġa’ biex inkun nista ngawdi aktar il-ballu. F’dik il-logħba, ma wrejniex daqstant grinta fid-dħul tagħna fuq pleyers oħra daqs kemm missna wrejna, u tlifna. Biex tgħaxxaq, jien temmejt il-partita b’xoffa verament minfuħa u mbenġla li żgur ma sebbħitx l-apparenza tiegħi għad-dejt li tant kont ili nistenna. Forsi kelli bżonn nitgħallem xi ħaġa.

Esperjenza differenti ħafna ġrat waqt logħba oħra aktar tard fl-istaġun li kont inżilt għaliha bi grinta kbira. F’ħin minnhom jiena ġrejt b’qawwa kbira għal ġol-plejer ta’ kontrina; minnufih ħassejt uġigħ f’wiċċi. Minħabba li ġejt mgħallem minn missieri li qatt m’għandi nħalli l-oppożizzjoni tkun taf li jien mweġġa’, bqajt nilgħab il-logħba sal-aħħar. Dik il-lejla, waqt li kont qed nipprova niekol, sibt li lanqas biss stajt nigdem. L-għada filgħodu, mort l-isptar, fejn l-eksrej ikkonferma li kelli x-xedaq miksur. Ħalqi spiċċa magħluq bil-wajers għal sitt ġimgħat.

Tgħallimt bosta lezzjonijiet minn din il-parabbola tax-xoffa mbenġla u x-xedaq miksur. Minkejja li niftakar x’xewqa kelli li niekol ikel solidu, ħaġa li żgur ma stajtx nagħmel tul is-sitt ġimgħat li fihom stajt nieħu biss likwidi, ma nħoss l-ebda dispjaċir dwar ix-xedaq miksur tiegħi minħabba li dan kien riżultat ta’ kemm jien tajt l-almu kollu tiegħi. Imma dwar ix-xoffa mbenġla għandi dispjaċir għax tissimbolizza li jiena żammejt lura.

Li nagħtu dak kollu li nistgħu ma jfissirx li aħna nesperjenzaw kontinwament il-barkiet jew li dejjem ikollna suċċess. Iżda dan fil-fatt ifisser li se jkollna l-ferħ. Il-ferħ mhuwiex xi pjaċir li jgħaddi jew saħansitra xi hena temporanja. Il-ferħ huwa dejjiemi u huwa bbażat fuq kemm l-isforzi tagħna jiġu aċċettati mill-Mulej.3

L-istorja ta’ Oliver Granger hija eżempju tajjeb ta’ din l-aċċettazzjoni. Kif iddikjara l-President Boyd K. Packer: “Meta l-Qaddisin ġew imkeċċija minn Kirtland, … Oliver baqa’ hemmhekk biex ikun jista’ jbiegħ il-proprjetà tagħhom, iġib kemm iġib tagħha. Ma tantx kien hemm ċans li seta’ jirnexxi. U fil-fatt, ma rnexxilux!”4 Huwa kien ġie kkummissjonat mill-Ewwel Presidenza biex jagħmel xi ħaġa li kienet diffiċli, jekk mhux impossibbli. Iżda permezz ta’ dan il-kliem il-Mulej faħħru għall-isforzi tiegħu li apparentement ma rnexxewx:

“Niftakar fil-qaddej Tiegħi Oliver Granger; fis-sewwa ngħidlu li ismu għandu jibqa’ mfakkar f’tifkira sagra minn ġenerazzjoni għal oħra, għal dejjem ta’ dejjem, jgħid il-Mulej.

“Għalhekk, ara li huwa jissielet bil-ħerqa għall-fidwa tal-Ewwel Presidenza tal-Knisja, … u meta jaqa’ huwa jerġa’ jqum, għax is-sagrifiċċju tiegħu se jkun aktar sagru għalija miż-żieda tiegħu, jgħid il-Mulej.”5

Dak jista’ japplika għalina lkoll—mhux is-suċċessi tagħna iżda pjuttost is-sagrifiċċju u l-isforzi tagħna li huwa importanti għall-Mulej.

Ħabiba għażiża tagħna mill-Kosta tal-Avorju, fil-Punent tal-Afrika, hija eżempju ieħor ta’ dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu. Din l-oħt meraviljuża u fidila soffriet abbuż mill-aktar terribli minn żewġha, kemm emozzjonali kif ukoll fiżiku, matul perjodu twil ta’ żmien, u eventwalment huma ddivorzjaw. Il-fidi u t-tjubija tagħha qatt ma ddgħajfu, iżda minħabba l-moħqrija li sofriet minnu, hija għamlet żmien twil muġugħha sew. Fi kliemha stess, hi ddeskriviet dak li ġara:

“Għalkemm għidt li ħfirtlu, jiena dejjem irqadt b’ferita; qattajt ħajti b’dik il-ferita. Qisni kelli l-ħruq f’qalbi. Ħafna drabi jiena tlabt lill-Mulej biex jeħlisni minnha, iżda tant kont inħoss l-uġigħ tagħha li spiċċajt nemmen bis-sħiħ li jien kont se nġorrha għall-kumplament ta’ ħajti. L-uġigħ tagħha kien akbar minn meta tlift lil ommi ta’ età żgħira; l-uġigħ tagħha kien akbar minn meta tlift kemm lil missieri u saħansitra lil ibni. Bħallikieku kien qed jespandi u jikkonsma qalbi, saħansitra jagħtini l-impressjoni li minn ħin għall-ieħor kont sejra mmut.

“Xi drabi oħra staqsejt lili nnifsi kieku x’kien jagħmel is-Salvatur fis-sitwazzjoni tiegħi, u kont nippreferi ngħid, ‘Dan huwa wisq, Mulej.’

“Imbagħad għodwa waħda bdejt infittex l-uġigħ li kien ġej minn qiegħ qalbi u anke nżilt aktar fil-fond, fejn bdejt infittxu f’ruħi. Ma stajt insibu mkien. Moħħi ma damx ma beda jaħseb kif kelli nifli r-raġunijiet kollha li jien [kelli] biex inħossni mweġġa’, iżda ma ħassejt l-ebda wġigħ. Stennejt il-ġurnata kollha biex nara jekk kontx se nħoss l-uġigħ f’qalbi; ma ħassejtux. Imbagħad inżilt għarkupptejja u rringrazzjajt lil Alla talli wassal biex is-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni tal-Mulej jaħdem għalija.”6

Issa din l-oħt hija ssiġillata b’mod feliċi ma’ raġel meraviljuż u fidil li jħobbha verament.

Allura x’għandha tkun l-attitudni tagħna jekk aħna dixxipli vera ta’ Kristu? U x’jiswa l-evanġelju għalina meta aħna nġibu quddiem għajnejna minn xiex għaddejna kif issuġġerixxa Ħaggaj?

Jogħġobni verament l-eżempju tal-attitudni t-tajba li wera missier is-Sultan Lamoni. Tiftakru għall-ewwel kemm kien irrabjat meta sab lil ibnu akkumpanjat minn Ammonin, Nefita - poplu li l-Lamaniti kienu tant jobogħdu. Huwa ħareġ ix-xabla tiegħu biex jiġġieled ma’ Ammonin u ma damx ma sab ix-xabla ta’ Ammonin ma’ gerżumtu. “Issa s-sultan, li kien qed jibża’ li se jinqatel, qal: Jekk tagħtini ċans inkompli ngħix, jiena nagħtik dak kollu li titlob minni, anke nofs is-saltna.”7

Innotaw l-offerta tiegħu - nofs is-saltna tiegħu għal ħajtu.

Iżda aktar tard, wara li fehem l-evanġelju, huwa għamel offerta oħra. “Is-sultan staqsa: X’għandi nagħmel biex ikolli din il-ħajja eterna li inti tkellimt dwarha? Iva, x’għandi nagħmel sabiex nitwieled minn Alla, u biex dan l-ispirtu ħażin jitqaċċat mill-qiegħ ta’ qalbi, u nirċievi l-Ispirtu tiegħu, sabiex inkun nista’ nimtela bil-ferħ, sabiex ma niġix imwarrab fl-aħħar jum? Ara, qal hu, jiena lest li nħalli l-ġid kollu tiegħu warajja, iva, lest nabbanduna s-saltna tiegħi, sabiex nirċievi dan il-ferħ kbir.”8

Din id-darba, hu kien lest li jabbanduna s-saltna kollha tiegħu, għax l-evanġelju kellu valur akbar minn dak kollu li kien jippossjedi! Verament kien fair dinkum dwar l-evanġelju.

Għalhekk, il-mistoqsija għal kull wieħed u waħda minna hi: aħna wkoll fair dinkum dwar l-evanġelju? Għax jekk inti qed tgħixu b’nofs qalb m’intix fair dinkum! U Alla mhux magħruf li jfaħħar lil min hu biered.9

M’hemm l-ebda teżor, jew passatemp, jew xi status, jew xi midja soċjali, jew xi logħob tal-kompjuter, jew xi sport, jew xi rabta ma’ xi ċelebrità, jew xi ħaġa fid-dinja li hija aktar prezzjuża mill-ħajja eterna. Għalhekk il-parir tal-Mulej lil kull persuna huwa biex “iġġibu quddiem għajnejkom minn xiex għaddejtu!”

L-aħjar mod kif nista’ nesprimi s-sentimenti tiegħi hu permezz ta’ kliem Nefi: “Jiena nifraħ fis-sempliċità; jiena nifraħ fil-verità; jiena nifraħ f’Ġesù tiegħi, għax hu feda ruħi mill-infern.”10

Aħna dixxipli vera ta’ Dak li ta kollox għalina? Dak li huwa l-Feddej tagħna u d-Difensur tagħna quddiem il-Missier? Dak li kien Hu stess leali b’mod assolut fis-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni Tiegħu u li għadu anke issa fl-imħabba Tiegħu, fil-ħniena Tiegħu, u fix-xewqa Tiegħu għalina li jkollna l-ferħ etern? Nitlob b’ħerqa kbira lil dawk kollha li jisimgħu u jaqraw dan il-kliem: Jekk jogħġobkom, jekk jogħġobkom, tieqfux turu l-impenn sħiħ tagħkom biex forsi xi darba tesperjenzaw dan fi żmien ineżistenti fil-futur. Kunu fair dinkum issa u ħossu fikom il-ferħ! F’isem Ġesù Kristu, amen.