2010-2019
Nonoraw il-Wegħdiet u l-Patti Tagħna
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Nonoraw il-Wegħdiet u l-Patti Tagħna

Nistedinkom tikkunsidraw il-wegħdiet u l-patti li għamiltu mal-Mulej, u ma’ ħaddieħor, b’integrità kbira, intom li tafu li l-kelma tagħkom hi ta’ min verament joqgħod fuqha.

Għeżież ħuti, hekk kif ninsabu resqin lejn it-tmien ta’ din is-sessjoni, jalla aħna lkoll nżommu f’qalbna x-xhieda li nibtet illum dwar il-veritajiet tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Aħna mberkin li qed inqattgħu dan iż-żmien sagru flimkien biex nirrinforzaw il-wegħda tagħna mal-Mulej Ġesù Kristu li aħna l-qaddejja Tiegħu u Hu s-Salvatur tagħna.

L-importanza li nagħmlu u nżommu l-wegħdiet u l-patti hi xi ħaġa li ili naħseb dwarha. Kemm hu importanti għalikom li tonoraw il-kelma tagħkom? Li tkunu fdati? Li tagħmlu dak li tgħidu li se tagħmlu? Li tagħmlu li tistgħu biex tonoraw il-patti sagri tagħkom? Li jkollkom l-integrità? Billi ngħixu leali lejn il-wegħdiet tagħna mal-Mulej u ma’ ħaddieħor, aħna nkunu qed nimxu t-triq tal-patt lura għal għand Missierna tas-Smewwiet u nħossu l-imħabba Tiegħu f’ħajjitna.

Is-Salvatur tagħna Ġesù Kristu huwa l-Eżemplar il-kbir tagħna meta niġu biex nagħmlu u nżommu l-wegħdiet u l-patti. Huwa ġie fid-dinja jwiegħed li jagħmel ir-rieda tal-Missier. Huwa għallem il-prinċipji tal-evanġelju permezz tal-kelma u l-għemil. Huwa patta għal dnubietna biex aħna nkunu nistgħu ngħixu mill-ġdid. Huwa onora kull waħda mill-wegħdiet Tiegħu.

Nistgħu ngħidu l-istess għal kull wieħed u waħda minna? X’inhuma l-perikli jekk aħna nqarrqu xi ftit, niżolqu xi ftit, jew ma nimxux b’eżattezza mal-obbligi tagħna? X’jiġri jekk aħna nabbandunaw il-patti tagħna? Tgħid ħaddieħor jersaq lejn Kristu bl-eżempju tagħna? Il-kelma tiegħek ta’ min joqgħod fuqha? Li nżommu l-wegħdiet tagħna mhijiex xi drawwa; hija karatteristika ta’ wieħed li jkun dixxiplu ta’ Ġesù Kristu.

Peress li hu dejjem konxju tad-debbolizzi tagħna fil-ħajja mortali, il-Mulej wiegħed, “Kunu ferħanin, u tibżgħux, għax jiena l-Mulej ninsab magħkom u nieqaf magħkom.”1 Jiena ħassejt il-preżenza Tiegħu meta kont neħtieġ ir-riassigurazzjoni, il-faraġ, jew aktar dehen u qawwa spiritwali, u jiena nħossni verament niċċekken u grat għall-kumpanija divina Tiegħu.

Il-Mulej qal, “Kull ruħ li tiċħad dnubietha u tiġi għandi, u ssejjaħ ismi u tobdi leħni u żżomm il-kmandamenti tiegħi, tasal biex tara wiċċi u tkun taf li jiena jien.”2 Dik hi probabbilment l-akbar wegħda Tiegħu.

Jiena tgħallimt dwar l-importanza li nżomm kelmti fiż-żogħżija tiegħi. Eżempju partikolari hu meta jiena waqaft dritt dritt niddeklama l-Ġurament tal-Iskawts. L-assoċjazzjoni tagħna mal-Iskawts tas-Subien tal-Amerka, li issa qed tiġi fi tmiemha, dejjem se tibqa’ wirt importanti għalija u għal din il-Knisja. Lill-organizzazzjoni tal-Iskawts, lil għadd kbir ta’ rġiel u nisa li servew b’diliġenza bħala mexxejja tal-Iskawts, lill-ommijiet—li jisħoqqilhom verament il-kreditu—u lill-ġuvintur li ħadu sehem fl-Iskawts, ngħidilhom, “Grazzi.”

F’din il-sessjoni stess, l-għażiż profeta tagħna l-President Russell M. Nelson, u l-Presbiteru Quentin L. Cook ħabbru xi tibdil li se jiffoka mill-ġdid l-attenzjoni tagħna fuq iż-żgħażagħ u jallinja l-organizzazzjonijiet tagħna u l-verità żvelata. Barra min hemm, sewwasew il-Ħadd li għadda, il-President Nelson u l-President M. Russell Ballard spjegaw il-programm il-ġdid għall-Knisja kollha li jġib l-isem Tfal u Żgħażagħ tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Hija inizjattiva dinjija ffokata fuq il-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. L-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu jinsabu magħqudin f’din id-direzzjoni l-ġdida, u jien personalment naqsam ix-xhieda tiegħi li l-Mulej lilna ggwidana f’kull pass li għamilna. Jiena nħoss fija entużjażmu kbir għat-tfal u ż-żgħażagħ tal-Knisja li se jesperjenzaw din l-attenzjoni integrata fuqhom kemm fid-dar kif ukoll fil-knisja—permezz tat-tagħlim tal-evanġelju, tas-servizz u l-attivitajiet, u l-iżvilupp personali.

It-tema taż-żgħażagħ għas-sena li ġejja, 2020, tittratta dwar il-wegħda klassika ta’ Nefi li “immur u nagħmel.” Huwa kiteb, “U ġara li jien, Nefi, għedt lil missieri: Jiena se mmur u nagħmel dak kollu li kkmanda l-Mulej, għaliex naf li l-Mulej ma jagħti l-ebda kmandamenti lil ulied il-bniedem, mingħajr ma l-ewwel iħejji mod għalihom biex huma jkunu jistgħu jwettqu dak li huwa kkmandahom.”3 Minkejja li dan il-kliem intqal bosta snin ilu, aħna fil-Knisja għadna sal-lum inżommu dik il-wegħda.

Li “tmur u tagħmel” ifisser li nelevaw ruħna ’l fuq mill-ħwejjeġ tad-dinja, li nirċievu u naġixxu skont ir-rivelazzjoni personali, li ngħixu ħajja tajba b’tama u fidi fil-futur, li nagħmlu u nżommu l-patti li nimxu wara Ġesù Kristu, u b’hekk inkabbru l-imħabba tagħna lejh, is-Salvatur tad-dinja.

Patt huwa wegħda bejn tnejn magħmula bejna u bejn il-Mulej. Bħala membri tal-Knisja, fil-magħmudija aħna nagħmlu patt li nieħdu fuqna l-isem ta’ Ġesù Kristu, li ngħixu kif għex Hu. Bħal dawk li ġew mgħammdin fl-Ilmijiet ta’ Mormon, aħna nagħmlu patt li nsiru l-poplu Tiegħu, “li nġorru t-tagħbija ta’ xulxin, sabiex tkun ħafifa; … li nibku ma’ dawk li jibku; … li nfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ, u nieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’kull ħin u f’kollox, u kull fejn ikunu.”4 Meta aħna nimministraw lil xulxin fil-Knisja nkunu qed nirriflettu l-impenn tagħna li nonoraw dawk l-istess wegħdiet.

Meta aħna nieħdu sehem fis-sagrament, aħna nġeddu dak il-patt li nieħdu fuqna l-isem Tiegħu u nagħmlu wegħdiet oħra li lesti nagħmlu aħjar. Il-ħsibijiet u l-għemejjel tagħna ta’ kuljum, kemm kbar kif ukoll żgħar, jirriflettu l-impenn tagħna lejh. Min-naħa Tiegħu l-wegħda sagra Tiegħu hi “Jekk dejjem tiftakru fija intom ikollkom l-Ispirtu tiegħi magħkom.”5

Il-mistoqsija tiegħi llum hi, aħna nonoraw il-wegħdiet u l-patti tagħna, jew xi kultant nippruvaw nonorawhom b’nofs qalb, nagħmluhom b’mod każwali u għalhekk faċli jinkisru? Meta ngħidu lil xi ħadd, “Se nitlob għalik,” dan nagħmluh? Meta nikkommettu ruħna, “Jiena se nkun hemm biex ngħin,” immorru ngħinu? Meta nobbligaw lilna nfusna li nħallsu d-dejn, nagħmlu dan? Meta ngħollu jdejna biex insostnu lil xi membru f’xi sejħa ġdida, li jfisser li sejrin nissapportjawh, nagħmlu dan?

Lejla waħda, meta kont għadni żagħżugħ, ommi poġġiet bilqiegħda ħdejja f’tarf is-sodda u bdiet tkellimni b’mod ferventi dwar l-importanza li ngħixu l-Kelma tal-Għerf. “Jiena naf mill-esperjenzi ta’ ħaddieħor, mill-passat,” qaltli “dwar in-nuqqas ta’ spiritwalità u sensittività li nesperjenzaw jekk ma nimxux wara l-Kelma tal-Għerf.” Hija ħarset dritt f’għajnejja u jiena ħassejt kliemha jippenetra ġewwa qalbi: “Wegħedni, Ronnie, illum [hija kienet issejjaħli Ronnie], li inti dejjem se tgħix il-Kelma tal-Għerf.” Jiena solennement għamilt magħha dik il-wegħda, u żammejtha tul dawn is-snin kollha.

Dak l-impenn għenni verament meta kont fiż-żogħżija tiegħi, kif ukoll snin wara meta kont inkun fiċ-ċirku tan-negozju fejn is-sustanzi kienu ħaġa mill-aktar komuni. Jiena kont għamilt deċiżjoni minn qabel li sejjer nimxi wara l-liġijiet ta’ Alla, u qatt ma kelli għalfejn nerġa’ nikkunsidraha. Il-Mulej qal, “Jiena, il-Mulej, marbut meta intom tagħmlu dak li ngħid jien; iżda meta ma tagħmlux dak li ngħid jien, ma nista’ nwegħidkom xejn.”6 Hu x’qed jgħid lil dawk li jżommu l-Kelma tal-Għerf? Li aħna niġu mwegħdin is-saħħa, il-qawwa, l-għerf, l-għarfien, u li l-anġli jipproteġuna.7

Xi snin ilu, jien u Sister Rasband konna fit-Tempju ta’ Salt Lake għas-siġill ta’ waħda minn uliedna l-bniet. Hekk kif aħna konna weqfin quddiem it-tempju ma’ tifla oħra tagħna iżgħar minnha, li ma kellhiex żmien biżżejjed biex tattendi ċ-ċerimonja, aħna tkellimna dwar l-importanza li wieħed ikun issiġillat fit-tempju mqaddes ta’ Alla. L-istess kif ommi għallmitni snin qabel, aħna lil bintna għidnielha, “Aħna rriduk li tkun issiġillata b’mod sikur fit-tempju, u rriduk twegħidna li meta inti ssib is-sieħeb etern tiegħek, inti tippjana ġurnata miegħu biex tiġu ssiġillati fit-tempju.” Hija tatna l-kelma tagħha.

Immaġni
Bint il-Presbiteru Rasband u żewġha

Minn dak iż-żmien ’l hawn hija ddikjarat li l-koverżazzjoni tagħna u l-wegħda tagħha pproteġewha u fakkruha “x’inhu l-aktar importanti.” Aktar tard hija għamlet ċerti patti sagri hekk kif hija ġiet issiġillata maż-żewġha fit-tempju.

Il-President Nelson għallem: “Aħna nkabbru … il-qawwa tas-Salvatur f’ħajjitna meta aħna nagħmlu ċerti patti sagri u nibdew inżommu dawk l-istess patti b’eżattezza. Il-patti li aħna nagħmlu jorbtuna Miegħu u jagħtuna qawwa divina.”8

Meta aħna nżommu l-patti li nagħmlu bejnietna hemm aktar probabbiltà li nżommu l-patti li nagħmlu mal-Mulej. Ftakru fi kliem il-Mulej: “Kull ma għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi.”9

Irriflettu ftit miegħi dwar xi eżempji ta’ wegħdiet fl-iskrittura. Ammonin u wlied Mosija fil-Ktieb ta’ Mormon wiegħdu “li kienu se jxandru l-kelma ta’ Alla.”10 Meta Ammonin ġie maqbud mill-forzi Lamaniti huwa ttieħed quddiem Lamoni, is-Sultan Lamanita. Huwa wiegħed lis-sultan, “Jiena se nkun il-qaddej tiegħek.”11 Meta l-ħallelin marru biex jisirqu n-nagħaġ tas-sultan, Ammonin qatgħalhom dirgħajhom barra. Is-sultan tant stagħġeb, li huwa spiċċa biex sema’ l-messaġġ tal-evanġelju ta’ Ammonin u kkonverta.

Rut, fit-Testment il-Qadim, wiegħdet lill-kunjata tagħha, “Fejn tmur int, immur jien.”12 Hija għexet leali lejn il-kelma tagħha. Is-Samaritan it-Tajjeb, f’parabbola fit-Testment il-Ġdid, wiegħed lil sid il-lukanda li jekk huwa kien se jdur bil-vjaġġatur midrub, “Jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi.”13 Żoram, fil-Ktieb ta’ Mormon, wiegħed li jmur fid-deżert flimkien ma’ Nefi u ħutu. Nefi rrakkonta, “Meta Żoram ħa ġurament magħna, aħna ma bqajniex nibżgħu minnu.”14

Xi ngħidu dwar il-wegħda tal-qedem “li saret mal-missirijiet” kif deskritta fl-iskrittura li “qalb l-ulied se ddur lejn missirijiethom?15 Fil-ħajja ta’ qabel din id-dinja, meta aħna għażilna l-pjan ta’ Alla, aħna għamilna wegħda li se ngħinu niġbru flimkien lil Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu. Snin ilu l-Presbiteru John A. Widtsoe spjega, “Aħna dħalna bi sħab mal-Mulej.” “It-twettiq tal-pjan imbagħad ma sarx sempliċiment il-ħidma tal-Missier, u l-ħidma tas-Salvatur, iżda l-ħidma tagħna wkoll.”16

“Il-ġabra hija l-aktar ħaġa importanti li qed isseħħ illum fid-dinja,” qal il-President Nelson hekk kif kien qed jivvjaġġa fid-dinja. “Meta aħna nitkellmu dwar il- ġabra, aħna sempliċiment inkunu qed intennu din il-verità fundamentali: l-ulied kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet, fuq iż-żewġ naħat tal-velu, jistħoqqilhom li jisimgħu l-messaġġ tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.”17

Bħala Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu, jiena nikkonkludi bi stedina u wegħda. L-ewwel, l-istedina: nistedinkom tikkunsidraw il-wegħdiet u l-patti li għamiltu mal-Mulej, u ma’ ħaddieħor, b’integrità kbira, intom li tafu li l-kelma tagħkom hi ta’ min verament joqgħod fuqha. It-tieni, jiena nwegħidkom li, kif tagħmlu dan, il-Mulej jistabbilixxi l-kliem tagħkom u jbierek l-għemejjel tagħkom hekk kif intom tagħmlu dak kollu li tistgħu b’diliġenza kbira biex tibnu ħajjitkom, il-familji tagħkom, u l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Huwa jkun magħkom, għeżież ħuti, u intom tistgħu, bil-kunfidenza, tħarsu ’l quddiem biex “tintlaqgħu fis-sema, fejn hemm intom tkunu tistgħu tgħammru ma’ Alla fi stat ta’ ferħ bla tmiem … għaliex hu l-Mulej Alla li tkellem.”18

Ta’ dan jiena nixhed u nwiegħed f’isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja