2010-2019
Frott
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Frott

Żommu għajnejkom u qlubkom iċċentrati fuq is-Salvatur Ġesù Kristu u l-ferħ etern li nistgħu niksbu biss permezz Tiegħu.

Naf x’qed taħsbu! Kelliem ieħor biss u mbagħad nisimgħu mill-President Nelson. Filwaqt li nitlob għall-attenzjoni tagħkom għal ftit minuti sakemm nistennew il-maħbub profeta tagħna, jiena għażilt suġġett mill-aktar attraenti: is-suġġett tiegħi huwa l-frott.

Immaġni
Frott

Bil-kulur, bis-sensazzjoni tal-qoxra, u bil-ħlewwa tat-tut u ċ-ċawsli, tal-banana, tad-dulliegħa, tal-mango, jew ta’ frott aktar eżotiku bħall-kiwano jew ir-rummien, il-frott ilu għal żmien twil ikkunsidrat bħala ikel mill-aktar delizzjuż.

Tul il-ministeru Tiegħu fid-dinja, is-Salvatur qabbel il-frott tajjeb ma’ ħwejjeġ ta’ valur etern. Huwa qal, “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom.”1 “Kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel.”2 Huwa ħeġġiġna biex niġbru “frott għall-ħajja ta’ dejjem.”3

F’ħolma mill-aktar ħajja fil-Ktieb ta’ Mormon li aħna lkoll nafu sew, il-profeta Leħi sab lilu nnifsu f’“deżert mudlam u deżolat.” Fiha nsibu ilma maħmuġ, dalma ċpar, toroq strambi, u mogħdijiet ipprojbiti, kif ukoll virga tal-ħadid4 flimkien ma’ mogħdija stretta u dejqa li twassal għal ħdejn siġra sabiħa bi “frott li jimla bil-ferħ lil dak li jkun.” Meta kien qed jirrakkonta l-ħolma, Leħi qal: “Jiena sewwasew … kilt mil-frott; … kien l-aktar ħelu, minn fost dak kollu li qatt … doqt. … U mela ruħi b’ferħ kbir immens.” Dan il-frott kien “ta’ min jixtiequ aktar minn kwalunkwe frott ieħor.”5

Immaġni
Is-siġra tal-ħajja bil-frott delizzjuż tagħha

It-Tifsira tas-Siġra u l-Frott

X’tissimbolizza din is-siġra bil-frott mill-aktar prezzjuż tagħha? Tirrappreżenta “l-imħabba ta’ Alla”6 u tiddikjara l-pjan meraviljuż ta’ fidwa ta’ Missierna tas-Smewwiet. “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”7

Dan il-frott prezzjuż jissimbolizza l-barkiet meraviljużi tal-Espjazzjoni inkomparabbli tas-Salvatur. Aħna mhux biss se nerġħu ngħixu mill-ġdid wara l-ħajja mortali tagħna, iżda permezz tal-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, l-indiema tagħna, u ż-żamma tagħna tal-kmandamenti, aħna nistgħu ninħafru minn dnubietna u xi darba nieqfu nodfa u safja quddiem Missierna u Ibnu.

Li nieklu mill-frott tas-siġra jissimbolizza wkoll li aħna nħaddnu l-ordinanzi u l-patti tal-evanġelju rrestawrat—li nitgħammdu, nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu, u nidħlu fid-dar tal-Mulel biex niġu iddotati b’qawwa mill-għoli. Permezz tal-grazzja ta’ Ġesù Kristu u billi nonoraw il-patti tagħna, aħna nirċievu l-wegħda enormi li se nkunu nistgħu ngħixu mal-familja twajba tagħna tul l-eternità.8

Mhux ta’ b’xejn li l-anġlu ddeskriva l-frott bħala “l-aktar li jferraħ lir-ruħ.”9 U hu verament il-każ!

L-Isfida li Nibqgħu Leali

Kif aħna lkoll tgħallimna, anke wara li nkunu doqna l-frott prezzjuż tal-evanġelju rrestawrat, li nibqħu leali u fidili lejn il-Mulej Ġesù Kristu xorta waħda mhijiex xi ħaġa daqstant faċli. Kif intqal bosta drabi qabel waqt din il-konferenza, aħna nkomplu niffaċċjaw id-distrazzjoni u l-qerq, il-konfużjoni u t-taqlib, l-istigazzjoni u t-tentazzjoni li jippruvaw ibiegħdu qlubna lil hinn mis-Salvatur u mill-ferħ u s-sbuħija li aħna esperjenzajna meta mxejna warajh.

Minħabba din l-avversità, il-ħolma ta’ Leħi tinkuldi fiha wkoll twissija! Fuq in-naħa l-oħra tax-xmara hemm bini spazjuż li ġo fih hemm nies ta’ kull età jippuntaw subgħajhom lejn id-dixxipli twajbin ta’ Ġesù Kristu u jgħadduhom biż-żmien.

In-nies li kien hemm fil-bini qed jirredikulaw u jidħqu b’dawk li jżommu l-kmandamenti, jittamaw li jiddiskreditaw u jwaqqgħu għaż-żufjett il-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu u fl-evanġelju Tiegħu. U minħabba l-attakki verbali tad-dubju u d-disprezz li huma jniedu fuq il-fidili, xi wħud minn dawk li kienu daqu l-frott jibdew jimbarazzaw irwieħhom bl-istess evanġelju li qabel kienu ħaddnu. Huma jaqgħu għaIl-ġibdiet foloz tad-dinja; huma jitbiegħdu mis-siġra u mill-frott u, fi kliem l-iskrittura, “jaqgħu f’mogħdijiet ipprojbiti u jintilfu.”10

Fid-dinja tagħna llum, il-ħaddiema tal-kostruzzjoni tal-avversarju jinsabu jaħdmu wara l-ħin, fejn qed jonfħu b’għaġġla l-bini kbir u spazjuż. L-espanzjoni nfirxet san-naħa l-oħra tax-xmara, bit-tama li tinfiltra djarna, filwaqt li dawk li jippontaw subgħajhom u jgħaddu lil ħaddieħor biż-żmien jinsabu jgħajtu lejl u nhar fuq il-megafons tagħhom fuq l-internet.11

Il-President Nelson spjega, “L-avversarju qed jikkwadrupla l-isforzi tiegħu biex iħarbat it-testimonjanzi u jimpedixxi l-ħidma tal-Mulej.”12 Ejjew niftakru kliem Leħi: “Aħna ma tajniex każhom.”13

Minkejja li m’għandniex nibżgħu, jeħtieġ li nżommu għajnejna miftuħin. Xi kultant, ċerti ħwejjeġ żgħar jistgħu jfixklu l-bilanċ spiritwali tagħna. Jekk jogħġobkom tħallux il-mistoqsijiet tagħkom, l-insulti ta’ ħaddieħor, il-ħbieb bla fidi, jew ċerti żbalji u diżappunti sfortunati jbegħdukom mill-barkiet ħelwin, safja, u li jissodisfaw lir-ruħ, li niksbuhom mill-frott prezzjuż tas-siġra. Żommu għajnejkom u qlubkom iċċentrati fuq is-Salvatur Ġesù Kristu u l-ferħ etern li nistgħu niksbu biss permezz Tiegħu.

Il-Fidi ta’ Jason Hall

F’Ġunju, jien u marti Kathy attendejna l-funeral ta’ Jason Hall. Meta ħalliena, huwa kellu 48 sena u kien qed iservi bħala president tal-kworum tal-presbiteri.

Dan huwa kliem Jason dwar avveniment li bidillu ħajtu:

“Meta kelli 15 jiena kont involut f’aċċident waqt li kont qed nogħdos. … Jiena ksirt għonqi u ġejt ipparalizzat minn sidri ’l isfel. Tlift kompletament il-kontroll ta’ saqajja u parti mill-kontroll ta’ dirgħajja. Ma stajtx nimxi, nieqaf, … jew nitma’ lili nnifsi aktar. Bilkemm stajt nieħu nifs jew nitkellem.”14

“‘Għażiż Missierna tas-Smewwiet,’ talbtu jien, ‘kieku jista’ jkolli mqar idejja, naf li nista’ nirnexxi. Jekk jogħġbok, Missier, jekk jogħġbok. …

“… ‘Saqajja żommhom għalik, Missier; nitolbok biss l-abbiltà li nuża jdejja.’”15

Jason qatt ma rċieva l-abbiltà li juża jdejh. Qed tisimgħuhom l-ilħna mill-bini spazjuż? “Jason Hall, Alla ma jismax talbek! Jekk Alla huwa Alla ta’ mħabba, kif jista’ jħallik hekk? Għalfejn għandek il-fidi fi Kristu? Jason Hall sema’ dawk l-ilħna, iżda ma tax każhom. Minflok huwa ffesteġġja permezz tal-frott tas-siġra. Il-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu kienet immobbli. Huwa ggradwa mill-università u żżewweġ lil Kolette Coleman fit-tempju, li ddeskriviha bħala l-imħabba ta’ ħajtu.16 Wara 16-il sena żwieġ, seħħ miraklu ieħor, billi twieled it-tifel prezzjuż tagħhom, Coleman.

Immaġni
Jason u Kolette Hall
Immaġni
Il-familja Hall

Huma kif kabbru l-fidi tagħhom? Kolette spjegat: “Aħna afdajna fil-pjan ta’ Alla. U dan imliena bit-tama. Aħna konna nafu li Jason fil-ġejjieni kien se jiġi mfejjaq. … Konna nafu li Alla pprovdielna Salvatur, li s-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni Tiegħi jippermettilna li nibqgħu nħarsu ’l quddiem meta nkunu se naqtgħu qalbna.”17

Immaġni
Coleman Hall

Meta kien qed jitkellem fil-funeral, Coleman, ta’ 10 snin, qal li missieru għallmu li: “Missierna tas-Smewwiet għandu pjan għalina, il-ħajja fid-dinja se tkun meraviljuża, u aħna nistgħu ngħixu bħala familji. … Iżda … aħna se jkollna ngħaddu minn mumenti diffiċli u se nagħmlu l-iżbalji.”

Coleman kompla: “Missierna tas-Smewwiet bagħat lill-Ibnu, Ġesù, fid-dinja. Il-ħidma Tiegħu kienet li jkun perfett. Li jfejjaq lin-nies. Li jħobbhom. U mbagħad li jsofri għall-uġigħ, għan-niket, u għad-dnubiet kollha tagħna. Imbagħad Hu miet għalina.” Imbagħad Coleman qal, “Għax Huwa għamel dan, Ġesù jaf kif jien qex inħossni bħalissa.

“Tliet ijiem wara li miet Ġesù, Hu … reġa’ qam, b’ġisem perfett. Dan huwa importanti għalija għax naf li … il-ġisem ta’ missieri se jkun perfett u aħna se nkunu flimkien bħala familja.”

Immaġni
Il-familja Hall

Coleman temm jgħid: “Kull filgħaxija minn meta kont għadni tarbija, missieri kien jgħidli, ‘Iħobbok il-papà, Missierek tas-Smewwiet iħobbok, u inti tifel tajjeb.’”18

Il-Ferħ Niksbuh Minħabba Ġesù Kristu

Il-President Russell M. Nelson iddeskriva għalfejn il-familja Hall iħossu l-ferħ u t-tama. Huwa qal:

“Il-ferħ li nħossu ma jiddependix miċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna iżda jiddependi fuq xiex qed niffokaw f’ħajjitna.

“Meta f’ħajjitna aħna niffokaw fuq il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla, … u fuq Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu, aħna nistgħu nħossu fina l-ferħ minkejja dak kollu li jkun qed jiġri—jew ma jkunx qed jiġri—f’ħajjitna. Il-ferħ jiġi mingħandu u minħabba fih. Huwa s-sors ta’ kull ferħ. …

“Jekk aħna nħarsu lejn id-dinja … , qatt ma jirnexxilna nerperjenzaw il-ferħ. … Il-ferħ hu rigal li niksbuh jekk intenzjonalment aħna nippruvaw ngħixu ħajja tajba, kif għallimna Ġesù Kristu.”19

Wegħda kif Terġgħu Lura

Jekk intom ilkom xi żmien ma tieklu mill-frott tas-siġra, jekk jogħġobkom kunu afu li s-Salvatur dejjem jinsab lest biex jilqagħkom f’dirgħajh. B’imħabba huwa jsejħilna, “Indmu u ejjew għandi.”20 Il-frott tiegħu huwa kotran u dejjem fl-istaġun. Ma tistax tixtrih bil-flus, u ma jiġi mċaħħad lil ħadd li verament jixtiequ.21

Jekk tixtiequ terġgħu lura lejn is-siġra u dduqu l-frott għal darb’oħra, ibdew billi titolbu lil Missierkom tas-Smewwiet. Emmnu f’Ġesù Kristu u fil-qawwa tas-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni Tiegħu. Inwegħidkom li hekk intom tħarsu lejn is-Salvatur “f’kull ħsieb,”22 il-frott tas-siġra jerġa’ jkun tagħkom għal darb’oħra, delizzjuż għat-togħma tagħkom, li jferraħ ruħkom, “l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla.”23

Immaġni
Il-Presbiteru Andersen mal-Qaddisin Portugiżi fid-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Liżbona

Bħal-lum tliet ġimgħat ilu, jiena rajt il-ferħ tal-frott tas-Salvatur fil-milja sħiħa tiegħu meta jiena u Kathy attendejna d-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Liżbona, fil-Portugal. Il-veritajiet tal-evanġelju rrestawrat raw il-bidu tagħhom fil-Portugal fl-1975 hekk kif il-libertà reliġjuża saret disponibbli. Bosta Qaddisin nobbli li daqu għall-ewwel darba mill-frott meta kien għad m’hemm l-ebda kongregazzjoni, l-ebda kappella, u l-ebda tempju aktar viċin minn 1,000 mil minn fejn kienu joqogħdu, ferħu magħna li l-frott prezzjuż tas-siġra issa jinsab f’dar tal-Mulej ġewwa Liżbona, il-Portugal. Jien għandi rispett u qima kbira lejn dawn il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien li ħajjithom żammewha iffokata fuq is-Salvatur.

Is-Salvatur qal, “Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.”24

Meta dalgħodu il-President Nelson kien qed ikellem lill-membri tal-Knisja madwar id-dinja, huwa qal, “Għeżież ħuti, intom eżempju ħaj tal-frott li jinkiseb meta wieħed jimxi wara t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu.” Imbagħad huwa żied: “Nirringrazzjakom! Inħobbkom!”25

Aħna nħobbuk, President Nelson.

Jiena xhieda tal-qawwa tar-rivelazzjoni li tinsab fuq il-maħbub President tagħna. Huwa l-profeta ta’ Alla. Bħal Leħi tal-qedem, il-President Russell M. Nelson qed isejjaħ lilna u lill-familja kollha ta’ Alla biex immorru u nieklu mill-frott tas-siġra. Jalla jkollna l-umiltà u l-qawwa li nimxu wara l-parir tiegħu.

B’umiltà jiena nixhed li Ġesù Kristu hu Iben Alla. L-imħabba Tiegħu, il-qawwa Tiegħu, u l-grazzja Tiegħu jwasslulna dak kollu li hu ta’ valur etern. Jiena nixhed dan f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Mattew 7:16.

  2. Mattew 7:17.

  3. Ġwanni 4:36.

  4. Fi-bidu ta’ Jannar 2007, meta kont qed inħejji diskors għal waqt devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young bħala membru tal-Presidenza tas-Sebgħin, liema diskors kelli nagħmel fl-4 ta’ Marzu, 2007, jiena staqsejt lill-Presbiteru David A. Bednar x’kien qed iħejji hu għad-diskors li kellu jagħti fl-4 ta’ Frar, 2007, quddiem l-istess udjenza. Jiena nħsadt meta weġibni li d-diskors tiegħu kien dwar il-bżonn li nibqgħu nżommu sod mal-virga tal-ħadid. Dan kien eżattament is-suġġett li jien kont għażilt għad-diskors tiegħi. Wara li qabbilna flimkien dak li konna ktibna, irrealizzajna li l-metodu li użajna kien differenti. Id-diskors tiegħu, bl-isem “Ġibjun ta’ Ilma Ħaj,” kien jenfasizza l-virga tal-ħadid, jew il-kelma ta’ Alla, li tiġbor fiha l-iskrittura. Fid-diskors tiegħu huwa staqsa, “Intom u jien qegħdin naqraw, nistudjaw, u nfittxu l-iskrittura kuljum b’mod illi jwassalna li nibqgħu nżommu sod mal-virga tal-ħadid?” (speeches.byu.edu).

    Imbagħad, ġimgħa biss wara l-konverżazzjoni tiegħi mal-Presbiteru Bednar, il-President Boyd K. Packer għamel diskors waqt id-devozzjonali ta’ BYU bl-isem “Il-Ħolma ta’ Leħi u Int.” Il-President Packer enfasizza l-virga tal-ħadid bħala r-rivelazzjoni u l-ispirazzjoni personali li niksbuha permezz tal-Ispirtu s-Santu. Huwa qal: “Jekk iżżommu sod mal-virga, intom tistgħu tħossu it-triq tagħkom ’il quddiem permez tad-don tal-Ispirtu s-Santu. … Iggranfaw mal-virga tal-ħadid, u terħux idejkom. Permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, intom tistgħu tħossu it-triq tagħkom tul il-ħajja” (16 ta’ Jan., 2007, speeches.byu.edu).

    Is-suġġett tiegħi, “Inżommu Sod ma’ Kliem il-Profeti,” f’Marzu 2007 kien dwar il-virga tal-ħadid bħala rappreżentazzjoni ta’ kliem il-profeti ħajjin (4 ta’ Mar., 2007, speeches.byu.edu).

    Il-konnessjoni ta’ dawn it-tliet taħdidiet ma kenitx xi koinċidenza. Id il-Mulej kienet preżenti hekk kif tliet taħdidiet, imħejjija għall-istess udjenza, identifikaw tliet aspetti tal-virga tal-ħadid, jew tal-kelma ta’ Alla: (1) l-iskrittura, jew kliem il-profeti tal-qedem; (2) kliem il-profeti ħajjin; u (3) il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Kienet esperjenza ta’ tagħlim importanti għalija.

  5. Ara 1 Nephi 8:4-12.

  6. 1 Nephi 11:25.

  7. Ġwanni 3:16

  8. Ara David A. Bednar, “Lehi’s Dream: Holding Fast to the Rod,” Liahona, Ott. 2011, 32–37.

  9. 1 Nephi 11:23.

  10. 1 Nephi 8:28.

  11. Ara Boyd K. Packer, “Lehi’s Dream and You” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young, 16 ta’ Jan., 2007), speeches.byu.edu.

  12. Russell M. Nelson, “Nistgħu Nagħmlu Aħjar u Nkunu Aħjar,” Liahona, Mejju 2019, 68.

  13. 1 Nephi 8:33.

  14. Stephen Jason Hall, “The Gift of Home,” New Era, Diċ. 1994, 12.

  15. Stephen Jason Hall, “Helping Hands,” New Era, Ott. 1995, 46, 47.

  16. Korrispondenza personali lill-Presbiteru Andersen minn Kolette Hall.

  17. Korrispondenza personali lill-Presbiteru Andersen minn Kolette Hall.

  18. Diskors waqt funeral minn Coleman Hall, kif qasmitu Kolette Hall mal-Presbiteru Andersen.

  19. Russell M. Nelson, “Il-Ferħ u s-Sopravivenza Spiritwali,” Liahona, Nov. 2016, 82, 84.

  20. 3 Nephi 21:6.

  21. Ara 2 Nephi 26:25, 33.

  22. Doctrine and Covenants 6:36.

  23. 1 Nephi 15:36.

  24. Ġwanni 15:5.

  25. Russell M. Nelson, “It-Tieni Kmandament Kbir,” Liahona, Nov. 2019, 100.

Ipprintja