2010-2019
Nonoraw Ismu
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Nonoraw Ismu

Permezz tal-identità u l-appartenenza tal-patt, aħna ġejna msejħin b’isem Ġesù Kristu.

Hekk kif il-ġenituri b’ħerqa jistennew it-twelid tat-tarbija ġdida tagħhom, huma għandhom ir-responsabbiltà li jagħżlu isem għaliha. Jista’ jkun li meta twelidtu, intom irċevejtu isem li kien ilu żmien jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra fil-familja tagħkom. Jew forsi l-isem li ngħatajtu kien popolari fis-sena li twelidtu fiha jew fl-inħawi li ġejjin minnhom.

Il-profeta Ħilaman u martu taw ismijiet mill-aktar sinifikanti liċ-ċkejknin uliedhom Nefi u Leħi. Aktar tard Ħilaman qal lil uliedu:

“Jiena semmejtkom għall-ewwel ġenituri tagħna … biex meta intom tiftakru isimkom, intom tistgħu tiftakru fihom; u meta tiftakru fihom tkunu tistgħu tiftakru fl-għemejjel tagħhom … li jingħad, u hemm miktub ukoll, li kienu tajbin.

“Għalhekk, uliedi, nixtieq li intom tagħmlu dak li hu tajjeb.”1

Lil Nefi kif ukoll lil Leħi isimhom għenhom jiftakru l-għemejjel tajbin tal-antenati tagħhom u ħeġġiġhom biex huma wkoll jagħmlu t-tajjeb.

Ħuti, irrispettivament fejn aħna ngħixu, x’lingwa nitkellmu, jew jekk għandniex 8 snin jew 108, aħna lkoll għandna isem speċjali li għandu dawn l-istess għanijiet.

“Ħafna minna, li aħna mgħammdin fi Kristu, ilbisna ’l Kristu. … għax aħna lkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.”2

Bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, “aħna mill-bidu wegħidna r-rieda tagħna li nieħdu fuqna isem Kristu … permezz tal-ordinanza tal-magħmudija.”3 Permezz ta’ dan il-patt, aħna wegħidna li dejjem niftakru fih, inżommu l-kmandamenti Tiegħu, u naqdu lill-oħrajn. Ir-rieda li nżommu dan il-patt tiġġedded kull jum is-Sabbath meta aħna nieħdu sehem fis-sagrament u nifirħu għal darb’oħra fil- barka li “nimxu f’ħajja ġdida.”4

L-isem li ngħatajna fit-twelid jirrifletti l-identità individwali tagħna u jagħtina sens ta’ appartenenza fi ħdan il-familja tagħna f’din id-dinja. Madankollu, meta fil-magħmudija aħna “twelidna mill-ġdid,” l-għarfien tagħna dwar min verament aħna kiber. “Minħabba l-patt li intom għamiltu intom se tibdew tissejħu wlied Kristu, … għax araw, … huwa nissilkom spiritwalment; għax intom tgħidu li seħħet bidla f’qalbkom permezz tal-fidi tagħkom f’ismu; b’hekk, intom ġejtu mwielda minnu.”5

Għalhekk, permezz tal-identità u l-appartenenza tal-patt, aħna ġejna msejħin b’isem Ġesù Kristu. U “ma ġie mogħti l-ebda isem ieħor jew xi mod jew mezz ieħor li permezz tiegħu wlied il-bnedmin jistgħu jiksbu s-salvazzjoni, ħlief permezz u fl-isem ta’ Kristu, il-Mulej Omnipotenti.”6

Isem Ġesù kien magħruf minn ħafna żmien qabel it-twelid Tiegħu. Anġlu bassar lis-Sultan Benjamin, “U huwa se jkun jismu Ġesù Kristu, Iben Alla … u martu se jkun jisimha Marija.”7 Il-ħidma Tiegħu ta’ “mħabba feddejja”8 ġiet murija wkoll lil ulied Alla kull meta l-evanġelju kien jinsab fid-dinja, minn żmien Adam u Eva saż-żmien preżenti li ngħixu fih, ħalli huma jkunu “jafu liema sors għandhom ifittxu għal maħfra ta’ dnubiethom.”9

Is-sena l-oħra, il-President Russell M. Nelson estenda appell profetiku lill-aħwa nisa biex huma “jfasslu l-futur billi jgħinu jiġbru flimkien lil Iżrael li jinsab imxerred.” Huwa stedinna biex naqraw il-Ktieb ta’ Mormon u biex “nimmarkaw kull vers li jitkellem dwar is-Salvatur jew li fih hemm referenza għalih.” Huwa talab li “l-intenzjoni tagħna għandha tkun li nitkellmu dwar Kristu, nifirħu fi Kristu u nippridkaw dwar Kristu mal-familja tagħna u ma’ sħabna.” Jista’ jkun li intom bdejtu tagħrfu l-frott tal-wegħda tiegħu li “kemm intom, kif ukoll huma, ħa tkunu tistgħu tersqu aktar viċin is-Salvatur. … U f’ ħajjitkom jibda jseħħ ċertu tibdil, kif ukoll iseħħu l-mirakli.”10

Il-wegħda tagħna li dejjem niftakru fis-Salvatur tagħtina l-qawwa li nieqfu għall-verità u s-sewwa—kemm jekk inkunu ninsabu qalb folla kbira jew inkella f’xi post weħidna, fejn ħadd ma jkun jaf l-għemejjel tagħna ħlief Alla. Meta aħna niftakru fih u fl-isem Tiegħu li aħna nġorru fuqna, fina ma jkunx hemm lok li nagħmlu paraguni li jiddegradawna jew li niġġudikaw b’sens ta’ kburija. B’għajnejna fissi fuq is-Salvatur, aħna naraw lilna nfusna kif verament aħna—ulied għeżież ta’ Alla.

Iż-żamma tal-patti tagħna ssikket l-inkwiet mortali tagħna, tibdel l-awtodubju f’kuraġġ, u tagħtina t-tama fi żminijiet ta’ prova.

U meta aħna nitfixklu u naqgħu fil-mixja tagħna tul it-triq tal-patt, ikun jeħtieġ minna biss li niftakru f’ismu u fit-tjubija kollha mħabba Tiegħu lejna. “Għax hu għandu kull qawwa, kull għerf, u kull għarfien; hu jifhem kull ħaġa, u hu Esseru ħanin … ma’ dawk li jindmu u jemmnu f’ismu.”11 Bla dubju, m’hemmx ħoss aktar ħelu minn isem Ġesù għal dawk li, b’qalb maqsuma u bi spirtu sogħbien, ifittxu li “jagħmlu aħjar u jkunu aħjar.”12

Il-President Nelson għallem: “M’għadux iż-żmien meta inti tista’ tkun Kristjan komdu u sieket. Ir-reliġjon tiegħek mhijiex biss li tmur il-knisja nhar ta’ Ħadd. Hija li turi lilek innifsek bħala dixxiplu vera mill-Ħadd filgħodu sas-Sibt billejl. … Dixxipli part-time tal-Mulej Ġesù Kristu ma jeżistux.”13

Ir-rieda tagħna li nieħdu fuqna isem Kristu hija ferm aktar minn sempliċiment diskussjoni formali. Mhijiex xi wegħda passiva jew xi kontribuzzjoni kulturali. Mhijiex xi att ta’ rutina jew xi tegg li nilbsu fuqna. Mhijiex xi kwotazzjoni li sempliċiment inpoġġuha fuq xi xkaffa jew indendluha ma’ xi ħajt. Ismu huwa isem li għandna “nilbsuh,”14 niktbuh f’qabna, and “innaqqxuh fid-dehra tagħna.”15

Is-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni tas-Salvatur għandna dejjem niftakru fih permezz ta’ ħsibijietna, ta’ għemilna, u bil-mod li ninteraġixxu bejnietna. Huwa mhux biss jiftakar isimna, iżda Hu lilna jiftakarna dejjem. Is-Salvatur iddikjara:

“Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? “Mqar jekk tinsa’, jien ma ninsik qatt, O dar ta’ Iżrael.

Ara, naqqaxtek fuq il-keffa ta’ jdejja.”16

Il-President George Albert Smith għallem, “Onora l-ismijiet li inti ġġorr fuqek, għaliex xi darba inti se jkollok il-privileġġ u l-obbligu li tagħti rendikont … lil Missierek tas-Smewwiet … x’għamilt b’dawk l-ismijiet.”17

Bħall-ismijiet ta’ Nefi u Leħi, li ġew magħżula b’reqqa, jista’ jingħad u jinkiteb l-istess dwarna, aħna li aħna dixxipli vera tal-Mulej Ġesù Kristu? Nonoraw aħna isem Ġesù Kristu liema isem aħna ħadna fuqna minn jeddna? Aħna aħna “ministru u xhud”18 tat-tjubija kollha mħabba Tiegħu u tal-qawwa Tiegħu tal-fidwa?

M’ilux wisq, jiena kont qed nisma’ l-Ktieb ta’ Mormon. Fl-aħħar kapitlu ta’ 2 Nephi, jiena smajt lil Nefi jgħid xi ħaġa li qatt qabel ma kont qrajt bl-istess mod. U tul il-kitba tiegħu, huwa jgħallem u jixhed dwar “il-Feddej,” u “il-Qaddis ta’ Israel,” u “il-Ħaruf ta’ Alla,” u “il-Messija.” U hekk kif għalaq ir-rakkont tiegħu, smajtu jgħid dan il-kliem: “Jien nifraħ fis-sempliċità; jien nifraħ fil-verità; jien nifraħ f’ Ġesù tiegħi, għaliex hu feda ruħi.”19 Meta smajt dan il-kliem, qalbi ferħet u kelli nerġa’ nisimgħu bosta drabi oħra. Jiena għaraft u rrispondejt għal dak il-vers bl-istess mod kif nagħraf u nirrispondi għal ismi.

Il-Mulej qal, “Iva, imbierek dan il-poplu li hu lest jieħu ismi fuqu; għaliex f’ismi huwa se jkun imsejjaħ; u huwa tiegħi.”20

Bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, jalla “b’ferħ aħna nieħdu fuqna l-isem ta’ Kristu”21 billi nonoraw ismu b’imħabba, b’devozzjoni, u b’għemejjel tajbin. Jiena nixhed li Hu “il-ħaruf ta’ Alla, iva, sewwasew l-Iben tal-Missier Etern.”22 F’isem l-imqaddes ibnu, Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja